MediaToday

Aħbarijiet | 29 ta’ Lulju 2007 • Nr 39

Anki s-sit ta’ l-Università bl-Ingliż biss!

Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt

Minkejja li hemm kważi 300 student jistudjaw il-Malti fl-Università ta’ Malta, is-sit ta’ l-internet li qed jaqdi lil dawn l-istudenti huwa kważi kollu bl-Ingliż biss.
Titwila lejn is-sit ta’ l-Università ta’ Malta www.um.edu.mt turi li l-paġni li huma bil-Malti huma dawk biss tad-Dipartiment tal-Malti.
B’kuntrast ma’ dan, is-sit ta’ l-internet tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), li jirrappreżenta lill-istudenti, huwa sew bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Mhux hekk biss, talli l-verżjoni ewlenija tas-sit www.ksu.org.mt hija dik bil-Malti.
Kelliema għall-Università, mistoqsija mill-gazzetta illum għaliex is-sit ta’ l-internet ta’ l-Università ta’ Malta huwa bl-Ingliż biss meta tqis li l-ilsien Malti huwa l-ilsien nazzjonali tal-pajjiż, qalet li l-argument importanti dwar l-użu tal-Malti fil-paġni tas-sit ta’ l-Università qed jiġi diskuss flimkien ma’ numru wiesa’ ta’ suġġetti oħra f’dak li jirrigwarda dan is-sit vast u kumpless.
Hija ħabbret li s-sit ta’ l-Università ta’ Malta se jinbidel għal kollox fi ftit żmien ieħor.
“Dan hu proċess twil minħabba l-fatt li barra s-sit ewlieni ta’ l-Università, is-siti tal-fakultajiet, id-dipartimenti, l-istituti, iċ-ċentri u l-entitajiet l-oħra fi ħdan l-Università jridu jinbidlu wkoll,” qalet il-kelliema. Qalet ukoll li nħatar kumitat bl-għan li jagħti pariri dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġija għal dak li jikkonċerna s-sit il-ġdid.
“Permezz tax-xogħol ta’ dan il-kumitat fi ftit xhur oħra s-sit il-ġdid ikun aċċessibbli fuq l-internet,” qalet il-kelliema.
Dan il-kumitat jinkludi rappreżentanza mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università biex jieħu ħsieb l-introduzzjoni tal-Malti fis-sit il-ġdid.
Fil-bidu ta’ Ġunju l-popolazzjoni totali ta’ l-Università ta’ Malta kienet ta’ 9,401 student bil-maġġoranza assoluta tagħhom ikunu ċittadini Maltin.


Download the front page of ILLUM in PDF format


Arkivji



Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta

Għafas hawn


 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 9016, Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075