MediaToday

Aħbarijiet | 29 ta’ Lulju 2007 • Nr 39

Pumpiera bla kumpens

Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt

130 ħaddiem tat-tifi tan-nar għadhom sal-lum mhux jingħataw protezzjoni u assigurazzjoni għal ħajjithom minkejja s-sogru kbir li jgħaddu minnu kuljum.
Il-ħaddiema kollha tat-tifi tan-nar li jaħdmu mal-Protezzjoni Ċivili ilhom għal snin sħaħ jiġġieldu għal tliet talbiet ewlenin.
Dik ewlenija hi li bħal kull ħaddiem tal-Gvern, u bħall-maġġoranza tal-ħaddiema fil-privat, jingħataw allowance tas-sogru kbir li jidħlu għalih waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili ma jingħataw l-ebda danger allowance kif jingħataw ħaddiema oħra anke jekk jitilgħu f’postijiet għoljin, jinżlu jaħdmu fil-fond, ikunu on call u jaħdmu f’sitwazzjonijiet ta’ periklu fosthom f’nirien.
Apparti dan hemm ukoll il-kwistjoni ta’ l-assigurazzjoni fuq ħajjithom. Teknikament, jekk pumpier jitlef ħajtu waqt il-qadi ta’ dmirijietu, il-familja tiegħu ma tingħata l-ebda kumpens.
Ħaddiem minnhom sostna ma’ din il-gazzetta li l-periklu hu kontinwu.
“Jekk tieħu każ riċenti bħal meta splodiet kamra tan-nar, ħajjitna tibqa’ l-ħin kollu fis-saram. Jekk tirfes berqa li tkun għadha ma ħaditx u taqtagħlek saqajk barra tibqa’ xorta bla kumpens u dan minkejja li ma tkunx tista’ tibqa’ taqla’ l-għajxien għall-familja tiegħek,” kompla dan il-ħaddiem.
Illum hi infurmata li l-uniku xaqq ta’ dawl għall-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili hi l-Assoċjazzjoni li tirrappreżentahom.
Sorsi qrib l-Assoċjazzjoni ikkonfermaw li mat-twaqqif ta’ din l-għaqda fis-sena 2000 nibtet l-idea ta’ fond bit-tama li tiġbor flus għall-familji tal-ħaddiema vittmi. Il-flus ta’ dan il-fond jinġabru mill-Lm20 miżata li l-ħaddiema membri jħallsu darba fis-sena kif ukoll mill-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi li tagħmel l-istess Assoċjazzjoni.
Sal-lum dan il-fond qed jopera b’bilanċ pożittiv ta’ Lm10,000.
Persuna li taħdem fl-Assoċjazzjoni ikkonfermat ma’ Illum li f’każ li ħaddiem tat-tifi tan-nar jitlef ħajtu l-familja tiegħu tingħata biss 25 fil-mija tal-fond, jiġifieri s-somma miżera ta’ Lm2,500.
Teknikament, jekk ikun hemm inċident kbir fejn ikun hemm aktar minn talba waħda, il-fond ifalli.
Din is-sitwazzjoni qed tħasseb mhux biss lill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili nfushom iżda anke lill-familji tagħhom.
Minkejja li ta’ kuljum dawn il-ħaddiema fis-silenzju jsalvaw ħajjiet ta’ nies innoċenti ħadd mhu qed jagħti kas tat-talbiet li qed jagħmlu.
Talba oħra hi dik li l-pumpiera kollha jingħataw il-25 sena servizz. S’issa dawk il-ħaddiema li kienu ngaġġati mal-Protezzjoni Ċivili fl-1999 għadhom ma jgawdux minn dan il-benefiċċju. Għandhom biss il-25 sena servizz dawk li kienu eks membri tal-Korp tal-Pulizija jew tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Fis-17 ta’ Marzu li għadda l-Assoċjazzjoni fetħet kawża fil-Qorti kontra l-Ministru għall-Intern Tonio Borg u kontra l-Ministru responsabbli mix-xogħol, Louis Galea biex jiġi mwaqqaf kunsill konġunt tan-negozjati. Dan bit-tama li f’dan il-kumitat isiru t-talbiet tal-ħaddiema. Il-kawża se tkompli tinstema xahrejn u nofs oħra.


Download the front page of ILLUM in PDF format


Arkivji



Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta

Għafas hawn


 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 9016, Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075