Aħbarijiet | 29 ta’ Lulju 2007 • Nr 39
Bil-barka tal-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo l-bieraħ il-Korp ħareġ stqarrija għall-istampa li fiha ċaħad dak li qal saċerdot waqt omelija.
Il-każ hu marbut ma’ storja li qed timxi sew f’diversi rħula Maltin. Fi ċrieki differenti għal dawn l-aħħar ġimgħat kien qed jingħad li tifel tal-Primarja għamel suwiċidju wara li m’għaddiex mill-eżami tal-Junior Lyceum. L-istess storja tgħid li t-tifel għamel suwiċidju wara pressjoni żejda li saritlu mill-ġenituri.
L-istorja ħalliet impatt qawwi fil-komunitajiet Maltin tant li saċerdot li din il-gazzetta għandha l-isem tiegħu ħass li waqt l-omelija għandu juża din l-istorja biex jeduka u jiftaħ għajnejn il-ġenituri.
Fl-omelija li saret fil-knisja ta’ Marsaskala s-saċerdot ta parir lill-ġenituri biex f’każ li tfal ma jgħaddux mill-eżamijiet ma joħolqux pressjoni żejda fuqhom.
Fi stqarrija għall-istampa meqjusa bħala mhux tas-soltu, il-Korp tal-Pulizija sa ħass il-ħtieġa li jgħid li “tixtieq tinforma lill-membri tal-pubbliku li wara li għamlet l-indaġini neċessarji ma jirriżultalhiex li dan l-għajdut hu veru. Il-Pulizija ma taf bl-ebda każ simili li seta’ seħħ dan l-aħħar minħabba r-raġunijiet imsemmija.”
Anke jekk hu dejjem ġust li jsiru stqarrijiet bħal dawn, wieħed ma jistax ma jistaqsix għala l-Korp tal-Pulizija qatt ma ħareġ stqarrijiet ta’ din ix-xorta biex jikkonferma jew jiċħad jekk persuni jkunux veru neħħew ħajjithom b’idejhom.
Eżempji riċenti huma l-allegat suwiċidji li kien intqal li saru minn nassaba li spiċċaw mingħajr id-delizzju tagħhom kif ukoll il-każ ta’ negozjanti li skond il-GRTU kienu għamlu suwiċidju minħabba li kienu qed jirċievu kontijiet għoljin tat-taxxi.
Il-Korp tal-Pulizija ma ħariġx lanqas stqarrija din il-ġimgħa biex jiċħad diċerija li qed timxi kontra s-supermarket Pavi. Għajdut kontinwu jgħid li f’dan is-supermarket inħataf tifel u d-diriġenti kellhom iniżżlu s-shutters ta’ l-istabbiliment sakemm issir tfittxija fil-ħanut. Skond dawn l-għajdut it-tifel instab b’xagħru mqaxxra ma’ żewġ barranin fit-toilets lesti biex jisirquh. Din l-aħbar ġiet miċħuda kategorikament mill-Pavi. |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|