Aħbarijiet | 29 ta’ Lulju 2007 • Nr 39
Julia Farrugia
In-nervi u l-ħajja mimlija stress tagħna l-Maltin qed jiswew lill-Gvern kważi nofs miljun lira fis-sena f’pilloli psikotropiċi.
Matul is-sena li għaddiet il-Gvern nefaq Lm415,877 fi drogi psikotropiċi, fosthom kalmanti. Din hi l-ogħla spiża tal-Gvern f’dawn l-aħħar tliet snin. Iċ-ċifra titfa’ dawl biss fuq parti żgħira mis-sitwazzjoni reali ta’ kemm nies jieħdu kalmanti u mediċinali ta’ din ix-xorta. Hemm ukoll mijiet ta’ Maltin li jixtru l-kalmanti minn buthom.
Jekk wieħed iħares lejn l-ispiża tal-Gvern isib li din tammonta għal Lm1,139 kuljum. Iċ-ċifra titla’ għas-somma impressjonanti ta’ Lm34,656 jekk ikkalkulata fuq medda ta’ xahar.
Dokumenti interni tal-Gvern jitfgħu dawl fuq kemm qed tiżdied din il-problema finanzjarja. Fl-2005 kienet innutata żieda ta’ 5 fil-mija fuq l-ispiża tas-sena ta’ qabel. Filwaqt li fis-sena 2004 ingħataw b’kemm jiswew Lm358,000 drogi psikotropiċi, fis-sena ta’ wara din telgħet għal Lm376,000. L-ispiża tal-Gvern f’mediċini ta’ din ix-xorta kompliet tiela’ ’l fuq. Is-sena li għaddiet il-kont tal-Gvern żdied b’10 fil-mija fuq l-ispiża tal-2006 biex iċ-ċifri uffiċjali telgħu għal Lm415,877.
Id-drogi psikotropiċi huma meqjusa perikolużi ħafna u jistgħu jittieħdu biss minn persuni li jkollhom kartuna apposta magħrufa bħala “Control Card”. Din il-kartuna tinħareġ bilfors lil dawk il-persuni kollha li jitpoġġew fuq pilloli ta’ din ix-xorta kemm jekk dawn ikunu intitolati għalihom b’xejn mill-ispiżeriji tal-Gvern kif ukoll jekk ikunu se jixtruhom minn flushom minn spiżeriji privati.
Matul is-sena li għaddiet inħarġu 23,979 kartuna ta’ dan it-tip. Il-figura ma tirrappreżentax in-numru ta’ pazjenti li jiddependu mill-kalmanti jew drogi psikotropiċi oħra. Dan għaliex jista’ jagħti l-każ li kartuna tinħareġ aktar minn darba peress li l-kartuna oriġinali tkun intilfet jew tkun tqattgħet.
Hemm bosta li qed juru t-tħassib tagħhom f’dan is-settur. Esperti jsostnu li s-sistema preżenti mhux qed taqta’ kompletament l-abbuż. Hemm min qed iħallat il-kalmanti mad-droga b’tali mod li qed jinħolqu overdoses fatali. F’April li għadda din il-gazzetta tefgħet dawl fuq sensiela ta’ mwiet li seħħew wara li pazjenti ħadu drogi meta kienu fuq il-kalmanti. Sa llum għadha ma nħolqot l-ebda sistema li biha jitnaqqsu dawn l-inċidenti u anke jekk fil-media ma jkunux rappurtati l-każijiet mhux fatali ta’ sikwit ikun hemm persuni li jiddaħħlu l-isptar fil-periklu tal-mewt wara li jkunu ħalltu flimkien ż-żewġ tipi ta’ drogi. |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|