Aħbarijiet | 29 ta’ Lulju 2007 • Nr 39
FRANICA PULIS daret il-latrini f’uħud mill-postijiet imfittxija fis-sajf u b’sorpriża sabithom nodfa iżda...
Flushings marbutin b’katini, ashtrays imwaħħlin ħdejn il-pixxaturi u l-ebda sinjal ta’ roll tat-toilet paper. Dan kollu nstab fi tmien latrini waqt stħarriġ li din il-gazzetta għamlet f’uħud mill-aktar postijiet imfittxija mill-Maltin fis-sajf: il-Qawra u Buġibba, Tas-Sliema, Wied il-Għajn u Birżebbuġa.
Il-ħsieb li l-latrini huma maħmuġin żgur li ma tistax tgħidu għal dawn il-postijiet, anzi hi ħaġa ta’ l-għaġeb kif inhuma miżmuma pupilla meta tikkunsidra li ħafna minnhom huma eżatt max-xatt u jistgħu jidħlu fihom nies imxarrbin. Iżda l-affarijiet mhux normali li ltqajt magħhom meta bdejt indur il-latrini waħda wara l-oħra kienu pjuttost farseski.
L-iktar ħaġa li laqtitni hi kif fl-ebda latrina ma sibt roll wieħed tat-toilet paper. Qisu hawn xi strajk fil-pajjiż għal din il-karta fina jew tant aħna qammilin li lanqas biċċa toilet paper m’aħna kapaċi nħallu għal min jiġi bżonnha warajna!
Ħafna mil-latrini, terġa’ u tgħid, lanqas il-manku fejn jinżamm it-toilet paper m’għandhom: ta’ wħud maqlugħ u ta’ oħrajn imkisser. Isbaħ minn hekk kien meta fil-latrina ta’ Wied il-Għajn ta’ ħdejn il-lukanda Jerma sibt erba’ biċċiet toilet paper mitwijin fuq il-flushing u f’ta’ Birżebbuġa tal-Bajja s-Sabiħa sibt lill-ħassiela taqta’ l-biċċiet u tpoġġihom fuq il-manku tawwali tax-xugaman. Xi ħadd qalli li f’taż-Żejtun kien sab l-istess ħaġa wkoll. Wieħed jista’ jimmaġina kemm hu iġjeniku dan il-metodu biex nibżgħu għat-toilet paper!
Wara tan-nuqqas tat-toilet paper tiġi dik tal-flushings marbutin b’katina fil-latrini ta’ ħdejn il-moll ta’ Buġibba, anki fit-toilets ta’ dawk bi ħtiġijiet speċjali.
Ma’ dawn l-istess latrini tista’ żżid is-sapun taċ-ċavetta li titqażżeż tmissu u s-suffitt maqlugħ biex jgħaddu l-pajpijiet minnu. Possibbli li minn din il-latrina nsteraq l-apparat tal-flushing jew forsi l-ilma? Jien stagħġibt bil-katini iżda l-fotografu li kien miegħi dakinhar qalli li hu mhux l-ewwel darba li raha anzi ma ħassx il-bżonn jiġbed ir-ritratti tagħhom.
Fiż-żewġ latrini l-oħra mad-dawra tal-Qawra u Buġibba, f’Ta’ Fra Ben qabel tidħol, issib seba’ sinjali mal-ħajt jiggwidawk ta’ x’għandek jew m’għandekx tagħmel fil-latrini. Fosthom hemm dak biex ma tpejjipx imma kif tidħol fin-naħa ta’ l-irġiel issib ashtray b’riklam tal-birra msammra mal-ħajt. Fil-latrini l-oħra ta’ ħdejn il-bumping cars, anzi eks latrini għax imbarrati u minflokhom issib żewġ toilets mobbli, toħroġ minnhom riħa ta’ pipì taqsam li xxommha mill-bankina ta’ fuqhom waqt li tippassiġġa għall-arja friska ta’ Buġibba.
Wara dan jiġu l-baby changers. Ta’ l-inqas hemm waħda f’latrina tan-nisa minn tnejn għal kull lokalità. Iżda l-problema hi jekk għall-argument, għandek omm b’tarbija li qiegħda n-naħa tal-Jerma u għandha bżonn tbiddlilha din tispiċċa tuża xi bank li hemm max-xatt jew inkella tħalli lit-tarbija maħmuġa sakemm tasal sa ħdejn il-latrina ta’ taħt il-knisja.
Fil-każ ta’ Birżebbuġa, terġa’ u tgħid, hu agħar jekk tgħum fil-Bajja ta’ San Ġorġ għax ikollok iddur max-xatt kollu sakemm tasal sal-Bajja s-Sabiħa. L-istess max-xatt ta’ Buġibba għax kulma hemm waħda f’Ta’ Fra Ben.
Dan l-argument wisq probabbli ma jgħoddx għall-missirijiet li jkollhom bżonn ibiddlu lil uliedhom għax nimmaġina li mhemmx baby changers fit-tmien latrini msemmija. Għallinqas dawk ta’ Buġibba nista’ nikkonferma li ma kellhomx minħabba l-fotografu li kelli miegħi ħa r-ritratti t’hemm.
Minn dan kollu jirriżulta li mill-Maltin li jużaw il-latrini ssib dawk li huma neqsin mill-memorja għax għandhom bżonn karta tfakkarhom jifflaxxjaw, jixxuttaw qabel jidħlu fihom, ma jpejpux, ma jħammġux, jibżgħu għat-toilets għax qegħdin hemm għalihom ukoll, ma jabbużawx fihom u ma jdaħħlux klieb.
Imbagħad issib dawk li huma ħallelin tat-toilet paper, tas-sapun, u ta’ l-apparat u l-ilma mill-flushing, inkluż minn dawk bi bżonnijiet speċjali. Hemm ukoll dawk li kapaċi jkissru pum ta’ bieb u saħansitra fanal. |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|