MediaToday

Aħbarijiet | 29 ta’ Lulju 2007 • Nr 39

L-antenni tal-mobile f’Ħ’Attard

Il-kunsill jiċċaqlaq fuq l-ilmenti tar-residenti

Sarah Attard Gialanze
sagialanze@mediatoday.com.mt

Wara l-ferment li qam fost ir-residenti ta’ Ħ’Attard li joqogħdu biswit il-knisja dwar antenna tal-mobile li ttellgħet fuq il-bejt tal-parroċċa l-Kunsill Lokali rreaġixxa għall-ilmenti u f’laqgħa li saret din il-ġimgħa kien deċiż li l-kunsill jibgħat ittri lill-awtoritajiet kompetenti biex jistħarreġ dwar l-inkwiet tan-nies.
Is-Sindku ta’ Ħ’Attard Norbert Pace qal lil din il-gazzetta li “l-Kunsill iltaqa’ u ntbagħtu ittri, li jikkonsistu fil-petizzjoni tar-residenti, sew lill-MEPA, lill-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni (MCA) kif ukoll lid-Dipartment tas-Saħħa.”
Pace qal li meta kienet ħarġet is-site notice għall-antenna, f’isem il-kunsill hu kien mar joġġezzjona għand il-MEPA iżda kien kollu ta’ xejn.
Is-Sindku qal ukoll li kien bagħat ittra lill-MEPA fejn kien żied kopja ta’ artiklu li jiddeskrivi xi problemi li ġew ikkawżati mill-antenni tal-mobile iżda dawn ma tawx kasu.
Kelliema għall-MCA ikkonfermat li l-awtorità rċeviet ilmenti mingħand ir-residenti ta’ Ħ’Attard. Hi sostniet li l-MCA hi responsabbli biss mill-aspett teknoloġiku ta’ l-antenni u b’hekk m’għandhiex x’taqsam mal-qasam tas-saħħa.
Il-kelliema qalet li l-MCA ilha tispezzjona l-base stations ta’ l-antenni għal dawn l-aħħar ħames snin u li se jinkludu l-base station ta’ Ħ’Attard fil-pjan ta’ spezzjonijiet EMF.
Skond il-kelliema l-MCA irrevediet iktar minn 60 fil-mija ta’ l-antenni u nstab li kollha kemm huma qegħdin joperaw taħt l-istandards stabbiliti mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni mir-Radjazzjoni Non-Ionising (ICNIRP).
Mhux talli hekk imma fil-maġġoranza tal-każijiet l-istudji sabu li l-antenni kollha għandhom inqas mil-limitu tas-saħħa, jiġifieri inqas minn ħamsa fil-mija.
Din il-gazzetta tkellmet ukoll mal-Kunsillier ta’ l-Alternattiva Demokratika Ralph Cassar li kien hu li ressaq l-idea quddiem il-kunsill biex isir kuntatt ma’ l-MCA u d-Dipartiment tas-Saħħa.
Cassar qal li l-operaturi ta’ l-antenni jsostnu li jekk ikun hemm bosta antenni b’livell ta’ saħħa baxx ma jkunux ta’ dannu għas-saħħa iżda hu jsostni li ntwera karta mir-residenti ħosbiena li turi li l-antenni għandhom ikunu mill-inqas 300 metru ’l bogħod mid-djar. Dan kien li xprunah biex imexxi l-kwistjoni quddiem il-kunsill.
Din il-gazzetta se tkompli ssegwi dan il-każ fil-ġimgħat li ġejjin.


Download the front page of ILLUM in PDF format


Arkivji



Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta

Għafas hawn


 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 9016, Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075