MediaToday

Aħbarijiet | 29 ta’ Lulju 2007 • Nr 39

Listi twal ta’ stennija għall-Isptar Mater Dei

Julia Farrugia

Filwaqt li l-intenzjoni tal-Gvern hi li l-Isptar Mater Dei jintuża wkoll biex jitnaqqsu l-listi ta’ stennija għall-operazzjonijiet f’pajjiżi Ewropej li jkun ifisser sors ieħor ta’ dħul għal Malta, l-ironija hi li dan l-isptar se jiret il-listi twal ta’ stennija li jħabbtu wiċċhom magħhom pazjenti Maltin.
Għal eluf ta’ pazjenti Maltin l-Isptar Mater Dei se jibqa’ dak l-isptar li minkejja x-xinxilli waqt il-ftuħ uffiċjali tiegħu xorta waħda mhux se jtejbilhom is-servizz mediku li jingħataw.
Karta ta’ appuntament li għandha f’idejha din il-gazzetta turi li ftit tal-jiem ilu pazjenti ngħataw appuntamenti biex testijiet mediċi fl-Isptar Mater Dei jagħmluhom f’Awissu tal-2008, aktar minn sena oħra.
Din hi konferma ta’ kemm parti ewlenija mill-operat ta’ l-Isptar Mater Dei se tibda taħdem fuq sieq waħda. Anke jekk f’dan l-isptar il-ġdid intefqu mal-Lm250 miljun il-Gvern għadu sal-lum ma rnexxilux isolvi l-marda kruċjali li ħakmet l-operat tiegħu: dik li operazzjonijiet u servizzi mediċi jkunu offruti mingħajr snin twal ta’ stennija.

Eżempju tipiku hu l-appuntamenti li qed jingħataw fil-Unit tal-Bone Density. Il-Mater Dei uffiċjalment fetaħ fid-29 ta’ Ġunju li għadda, iżda sal-lum is-servizzi għadhom mhux offruti għall-pazjenti. Pazjenti li fl-aħħar jiem marru għall-vista fl-Isptar San Luqa tpoġġew fuq waiting list ta’ aktar minn sena.
L-isptar il-ġdid s’issa dejjem kien deskritt u reklamat bħala sptar ta’ l-aqwa klassi. Madankollu jidher biċ-ċar li l-problema tal-istennija biex wieħed jieħu kura se tintiret ukoll f’dan l-isptar.
Hemm numru ta’ operazzjonijiet importanti li għadhom qed ikunu ikkaratterizzati minn listi twal ta’ stennija. Fost dawn hemm operazzjonijiet tal-katarretti, operazzjonijiet ta’ l-irkoppa u l-ingropp kif ukoll testijiet bil-mammogram. Il-listi ta’ stennija jitilgħu sa ħames snin.


Download the front page of ILLUM in PDF format


Arkivji



Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta

Għafas hawn


 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 9016, Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075