MediaToday

SPORT | 29 ta’ Lulju 2007 • Nr 39

Siparju fuq 20 sena karriera

“Id-daqqa mortali tiegħi kien il-programm Replay. Jien li kien jinteressani hu li bih ħloqt tarbija sabiħa li tajtha l-ħajja u kont inħobbha. Ħaduhuli ħabta u sabta. Ħadtha bi kbira ħafna. Weġġajt u ma nistħix ngħidlek li kien hemm mumenti li bkejt. Ħassejt li ta’ 52 sena m’għandix aktar sfida fil-ħajja tiegħi. Kienet l-aktar esperjenza negattiva f’karriera ta’ 20 sena. Weġġajt u ħassejtha ħafna u li ma kinux l-aktar nies viċin tiegħi kont nispiċċa b’dipressjoni qawwija fuqi.”
Kienu kummenti minn ta’ l-ewwel li nħsadt bihom. Smajt ftit tal-ġranet ilu li l-Bużu kien irtira darba għal dejjem minn karriera ta’ ġurnalist sportiv. Warajh ħalla esperjenza ta’ 20 sena li fihom kellu fost l-isbaħ esperjenzi li kull persuna f’dan ix-xogħol tixtieq li jkollha. Illum ħajtu ħadet xejra differenti…
Anki jekk illum il-ġurnata x-xogħol tal-gazzetta, radju u televiżjoni saru stejjer tal-passat għalih, John Busuttil jibqa’ l-istess persuna li kif iħossha jgħidha.
Iltqajt miegħu t-Tnejn li għadda fl-uffiċċju tal-post il-ġdid tiegħu, f’wieħed mill-uffiċini ta’ l-aġenzija ta’ l-ivjaġġar Euro Tours. Bejnietna baqgħet teżisti l-istess ħbiberija ta’ darba li niċċajtaw b’kollox u fuq kulħadd. Żgur li personalment se nħoss ħafna n-nuqqas tal-ġrajjiet li kien jirrakkonta meta konna nkunu xogħol fl-Istadium Nazzjonali, nirrappurtaw il-logħob tal-kampjonat Premier.
Kienu siegħa u nofs li ma xtaqthom jgħaddu b’xejn. Imma aktar minn ċert li Busuttil se jibqa’ jifforma parti mill-grupp ta’ personalitajiet li għandu pajjiżna. Il-karattru tiegħu hu wieħed li jiġbed lil kulħadd. Illum nista’ biss nipprova nikkonvinċih biex jerga’ jirritorna fil-qasam ta’ qabel filwaqt li nawguralu fil-karriera l-ġdida li qabad li hu stess jiddiskriviha bħala l-ħolma ta’ ħajtu.
“Ħaġa li ħlomt minn mindu kont tifel kienet li xi darba nkun air steward. L-ivjaġġar inħobbu ħafna u fis-sajf it-tours huma parti minni.
“Niftakar li meta laħaq Pio Saliba kont ġejt inkellmu u wrejtu li għandi x-xewqa li naħdem miegħu. Pio huwa bniedem ġenwin ħafna u probabbilment kien irrefera t-talba tiegħi lil Joe Saliba.
“Meta qaluli li kienu offrewli x-xogħol fraħt ħafna. Illum erġajt ġibt lura l-motivazzjoni kbira li kelli għax xogħol u qed nagħti ħafna ħin għall-Euro Tours. Qegħdin tim tajjeb ta’ seba’ persuni li kollha naħdmu bla nifs biex din l-aġenzija ta’ l-ivjaġġar nippruvaw nagħmluha l-aqwa tal-pajjiż.”
John Busuttil twieled fil-15 ta’ Mejju 1954 u huwa missier ta’ tlett itfal, Dylan ta’ 31sena, Damian ta’ 23 sena u Charis ta’ 19 sena. Nitkellem miegħu fuq il-bidu tal-karriera tiegħu. Jiddiskrivili t-twelid tiegħu fil-mezzi tal-media u kif f’dawn l-aħħar snin sploda fil-popolarità.
“L-ewwel intervisti jġibuli nostalġija kbira. Bdejt ma’ Mario Meli li kien joħroġ il-gazzetta Panorama Sports u kien offrieli nibda nagħmel l-intervisti miegħu. Niftakar li l-ewwel intervista li għamilt kienet ma’ Nardu Farrugia. Għaddew ftit xhur u din il-gazzetta ma bdietx timxi biżżejjed tant li kellna nwaqqfuha. Niftakar li kien ġie fuq l-editur tal-Mument, Victor Camilleri, li talabni nkomplihom fil-ġurnal tiegħu. Dak iż-żmien il-president ta’ l-MFA kien George Abela u kien iħallina nidħlu fid-dressing rooms mal-plejers.
“Dak iż-żmien il-ġurnalisti sportivi konna kollha viċin ta’ xulxin. Bejnietna kien hemm kompetizzjoni bejn min ikollu l-aħjar stejjer imma qatt ma daħħlu piki żejda bejnietna. Imbagħad bdejt dawk l-intervisti ma’ familji sportivi u l-famużi intervisti ma’ żgħażagħ fir-rokna ‘Tep Tep Stilla’. Ħafna minnhom għadhom iteptpu sa llum. Nemmen li kienet il-gazzetta li ħarġet it-talent tiegħi.”
Ma ninsa qatt li ta’ tifel żgħir kont nisma’ l-programm li John Busuttil kien imexxi fuq Radio 1 Live flimkien ma’ Tonio Farrugia. Dik kienet l-ewwel esperjenza tiegħu fuq ir-radju. Ikellimni fuq dawk iż-żminijiet.
“Konna tim tajjeb ħafna u nies bħal Mark u Simon Grima ma nista’ ninsihom qatt. Nibqa’ nammirahom għax huma nies imweldin minn missierhom fil-media. Il-programm li konna ntellgħu jien u Tonio kien ħa popolarità kbira. Niftakar li darba kellna waħda tinkiteb meta fl-istudios kellna lil Victor Tedesco u qal xi diskors fuq il-Furjana u sibna mass meeting wara l-bieb. Spiċċajna bil-Pulizija.
“Bdejt ukoll Radio 101 u fl-istess żmien kelli offerta minn Smash TV fejn flimkien ma’ Anton Abela u Louise Tedesco tellajt programm.
Net TV bdejt bis-saħħa ta’ Roger Degiorgio li kien qalli li jrid programm tajjeb fuq Net TV. Ma kellix għażla oħra ħlief li naċċetta l-offerta tiegħu anki għax ix-xogħol primarju tiegħi kien ma’ l-istess kumpanija. L-ewwel programm li kelli kont ma’ George Micallef u semmejnieh Extra Time. Wara sena u nofs George kellu jieqaf u kont ħadtu waħdi u bdiltlu ismu għal Replay.”
Wara tant snin jagħmel dan il-programm l-avventura tiegħu kellha tieqaf proprju sena ilu hekk kif intemm l-istaġun. Filwaqt li jgħidli r-raġunijiet il-għala ma setax ikompli jippreżenta Replay, f’wiċċu tfeġġ ħarsa li bħal donnu għadu mhux konvint mir-raġunijiet li ngħata.
“Kien hemm policy li jien bqajt m’emminthiex li kulmin ikun full-time fil-Medialink ma jistax jagħmel part-time waqt il-ħin tax-xogħol li inti tkun diġà mħallas għalih. Forsi għandhom xi ftit raġun għalkemm Replay kien jixxandar il-Ħadd u mhux waqt il-ħin tax-xogħol tiegħi, għalkemm ċertu xogħol bilfors kellu jsir fost il-ġimgħa.
“Minn meta ngħatajt din l-aħbar għamilt tliet xhur fil-gazzetta biss imma l-polemika li tant jien magħruf għaliha kellhi nnaqqasha. Ħassejt li m’għandiex aktar motivazzjoni biex naħdem fl-isports.
“Ma naħsibx li ġejt eliminat għax kont jien li tlabt li niċċaqlaq minn hemm. Kulħadd jaf li jien ktieb miftuħ. Ma naħbi xejn mill-karattru tiegħi u dak li nħoss inħobb ngħidu. Nemmen f’dak kollu li ngħid u waqt rabja nitkellem aktar b’moħħi milli b’qalbi. Niżbroffa malajr u jgħaddili malajr. Però nemmen li jien bniedem sinċier u qatt ma naf li gdibt. Ftit hawn min jista’ jsib xi qlajjiet fuqi għax dejjem ngħid tiegħi jien qabel ma ħaddieħor jgħid fuqi.
“S’issa m’iniex nimmisjaha l-karriera tal-ġurnaliżmu. Li qed nimmissja biss huwa li jien kont nikteb bħala part-time fuq il-films il-ġodda li jkunu fiċ-ċinema u dak jiddispjaċini li m’għadniex nagħmlu.”
Nistaqsih x’passjoni tawh dawn is-snin fejn fihom iltaqa’ ma ħafna nies u esperjenzi differenti.
“Il-passjoni primarja li tatni din il-karriera jibqgħu l-ħbieb u l-kuntatti li rnexxieli nagħmel. Ħabbewni ħafna nies fil-mumenti tal-ferħ. Jien kont nemozzjona ruħi meta nisma’ l-għajta tal-Beltin fir-rebħ tas-sitt tazzi, ta’ l-ewwel kampjonati ta’ Birkirkara u tal-passjoni li għandhom il-Ħamruniżi għal-logħba tal-futbol.
“Kien hemm mumenti fejn għajritni folla f’daqqa ta’ 3,000 ruħ fl-istadium u nammetti li ġieli beżżgħuni imma fl-aħħar waqt ir-rebħ kulħadd jistiednek xorta tixrob miegħu.
“In-nies jirrispettaw ġurnalist għax ikun jgħid u jikteb it-tajjeb u l-ħażin ta’ kulħadd. Ma tistax plejer jew club li m’għandekx grazzja miegħu tiftaħlu kollox u lil ħaddieħor tgħattilu. Nemmen li hawn ġurnalisti li għandhom aġendi moħbija li lil wieħed iridu jħammġuh u lill-ieħor iridu jgħolluh u dik qatt ma qbilt magħha. Jien għalhekk nemmen li ħabbni kulħadd għax lil kulħadd ikkritikajt u faħħart fil-ħin tiegħu.
Għandi plejers ħbieb tiegħi iżjed minn oħrajn imma meta ġiet is-siegħa tagħhom xorta kkritikajthom. Illum nista’ ngħidha għax spiċċajt mill-karriera li plejers li kont verament inħobb kienu Richard Buhagiar, Etienne Barbara u Kevin Sammut. Il-karattru tagħhom minn dejjem ħabbejtu imma ġieli kkritikajthom u weġġajthom ukoll. Iżda dejjem emmint li waqt ix-xogħol inqis l-istess lil kull plejer.”
Huwa fatt magħruf li kull ġurnalist ikolli l-grazzji tiegħu ma’ individwi differenti. ‘Il-Bużu’ jgħidli wkoll ma’ liema personaġġi kien iħossu l-aktar komdu.
“Joe Caruana Curran huwa bniedem tal-ġenn li ma tistax ma tħobbux. Għandu l-kapaċitajiet neċessarji biex ikun President ta’ club u ħabib. Sifirt kemm-il darba miegħu.
“President ieħor li dejjem ħabbejt kien Tony Bezzina. Veru li kien ibikkik biex jilqa’ xi stedina li tkun għamiltlu imma meta jiġi dejjem ikun miftuħ beraħ fi kliemu. Li ma jridx jgħidlek ma jgħidulekx imma dak li jrid jgħidlek m’għandekx ċans li taqbdu f’kelma b’oħra.
“Kont nammira ħafna wkoll lil George Abela. U kelli snin li kont ħabib sew ta’ Joe Mifsud. L-ikbar difett tiegħi kien li kont nissaħħan wisq. Ġieli kien ikun hemm min jgħidli xi ħaġa u mmur ngħidha fuq it-televiżjoni qabel ma nkun ħsibtha qabel.
“Tonio Farrugia ta’ l-Orizzont hu l-aktar ġurnalist li ammirajt f’ħajti. Kien bniedem sinċier li kellu pinna li taffaxxinak. Kienet ħasra li kien kisirha ma’ Joe Mifsud għax kien jikkritikah. Il-futbol Malti tilef ħafna mingħajru.”
John jirrakkontali wkoll waħda mill-isbaħ esperjenzi li kellu barra l-pajjiż ma’ l-ex coach nazzjonali Milorad Kosanovic.
“Kont mort miegħu s-Serbja meta kienu se jilagħbu mal-Gżejjer Faroe. Kien laqqagħni ma’ l-aqwa nies ta’ pajjiżu. Ma ħallewniex nonfqu ċenteżmu. Kien bagħatni Roger Degiorgio u niftakar li rqadt tlett ijiem għand Sinisa Mihaijlovic, l-ex plejer ta’ Sampdoria, Lazio u Inter. Sinisa kellu snooker id-dar tiegħu u kien ħadimni waħda u sew fih.
“Konna nilagħbu doubles jien u Tony Catania kontra Mihajlovic u Kosanovic. Lgħabna għall-flixkun Chivas u fl-ewwel logħba rbaħnilhom. It-tieni waħda riedu jilagħbulna għal żewġ fliexken u anqas bdejna. It-tielet waħda erġajna għal tnejn u reġgħu damdmuna.
“Ħallewna nirbħu l-ewwel waħda imma mbagħad daqshekk. Sinisa kien jiskantani għax kien plejer mill-kbar u kien jixrob u jpejjep bl-addoċċ. Niftakar li kien xi ġimagħtejn qabel iżżewweġ. Kien stedinni għat-tieġ tiegħu f’Genoa imma ma stajtx immur.
“Lili kien jgħidli ‘Piccolino’ għax qasir. Meta kienu ġew pajjiżna t-tim nazzjonali Jugoslav niftakar li nġabru ħafna nies għall-firem u kif tfaċċa hu għarafni mill-ewwel u ġie fuqi. Dak kien mument fejn fih ħassejtni kburi ħafna. Niftakar li kont iltqajt ma’ Tiger Arkan li kien il-kbir tat-tim ta’ Red Star. Naf biss li kienu assassinawh.”
John kien ġurnalist taħt id-dell ta’ ħuh. Carmel Busuttil huwa wieħed mill-aqwa, jekk mhux l-aqwa plejers li qatt ħarġu minn Malta. Nistaqsih kemm hi kbira r-relazzjoni ta’ bejniethom u kemm għenu fil-karriera tiegħu.
“Ħija Carmel għallimni xi jħoss plejer u dik għallmitni biex lill-plejers nifhimhom aktar. Nemmen li dak kien vantaġġ għalija fuq ġurnalisti sportivi oħra. Kien bis-saħħa tiegħu li tgħallimt xi jħossu l-plejers waqt ċerti mumenti. Il-laqam tiegħu ta’ ‘Bużu’ ħadtu jien ukoll. Id-differenza bejnietna hi li jien popolari imma hu famuż. Hu kellu talent li bih għamel ġieħ lil Malta, lilu nnifsu u lill-familja tagħna.”
Kont konxju li Busuttil huwa ġurnalist li kien jitkellem mal-plejers kollha fil-ħajja soċjali tiegħu. Insaqsih kemm f’karriera ta’ 20 sena sema’ bil-kelma korruzzjoni.
“Hawn żgur għax kont nismagħha mingħand il-plejers stess. Meta tkun qed titkellem wieħed ma’ wieħed jibdew jirrakkuntawlek l-istejjer. Il-biċċa l-kbira d-diskors isir meta tkun qed tieħu drink. Dan minbarra li ġieli smajt anki membri tal-Kumitati ta’ diversi clubs. Imma min jipprova jitkellem fuq dawn l-affarijiet l-istorja ddur kontrieh.
“Waħda mill-akbar dispjaċiri li għandi hu li tul il-karriera kollha tiegħi tħammeġ u ntbagħat il-ħabs plejer wieħed biss fis-Snin Tmenin meta kien hawn hafna aktar. Kien plejer b’talent kbir li mmodernizza l-logħba fid-difiża. Kellu jkun hu l-vittma u l-ħaruf tas-sagrifiċċju ta’ ħafna oħrajn.”
Naħtaf l-opportunità u nsaqsih kif ra din l-elezzjoni għas-siġġu tal-President ta’ l-MFA li saret ilbieraħ li tat vantaġġ minimu lil Joe Mifsud li jfisser mandat ġdid għat-tliet snin li ġejjin.
“Din l-elezzjoni kienet ilha ġejja. Ħassejt li Joe Mifsud għadu b’saħħtu biżżejjed biex jirbaħha. Norman Darmanin Demajo ħadem differenti minn Joe Caruana Curran. Caruana Curran seta’ rebaħha li kieku ma kienx hemm min daħħal il-politika partiġġana. Dak kien l-iżball ta’ min ħadem għal JCC u uża l-politika partiġġana.
“Irrid inkun onest u ngħid li Joe Mifsud qatt ma daħħal politika partiġġana. Joe Mifsud idejqek biss għax jekk ma taqbilx miegħu juri l-arroganza. Il-bqija huwa bniedem li ħadem u ta ħafna lill-futbol Malti u internazzjonalment għamel ġieħ kbir lil pajjiżna.”
John joħroġ is-sinċerità tiegħu meta nistaqsih liema kien l-akbar żball li għamel f’ħajtu. Jirrakkontuli każ fejn kien ikkritika bl-aħrax lil Mifsud f’wieħed mill-programmi Replay.
“L-ikbar żball li għamilt kien meta kont ġej minn tieġ ta’ Peter Busuttil u xrobt xi ftit u ridt nidħol għall-programm Replay. Moħħi ma kienx mija fil-mija konċentrat u attakkajt lil Dr. Joe Mifsud fuq il-logħba tal-Ġermanja. Nammetti li tkellimt ftit żejjed u ġera bija lsieni. Naħseb li dak kien l-ikbar żball li għamilt. Għadni ma skużajtx ruħi ma’ Mifsud u din l-ewwel darba li qed ngħidha. Il-karriera ta’ l-isports nemmen li ntemmet u huwa l-mument opportun li ngħid dan kollu.”
Nitolbu l-opinjoni fuq liema kien l-aqwa plejer li ra tul karriera sħiħa.
“Jien nibqa’ ngħid li Carmel Busuttil imma mhux għax ħija. Il-mod kif kien jgħix id-dar nafu minn fuq s’isfel u kien professjonali ħafna. Ħaġa li ħija kien għallimni kienet li plejer għandu jirtira meta jkun fl-aqwa tiegħu. Warajh plejers oħra li kienu jpaxxuni kienu Ray Vella ‘il-Mundu’ u John Buttigieg. Illum il-ġurnata nħobb nara ħafna lil Michael Mifsud u jogħġobni ħafna Kevin Sammut. Ma nistax nifhem kif ma rebaħhiex hu l-Plejer tas-Sena ta’ l-MFA.”
Kien sar il-ħin u ma stajtx nitlaq mingħajr ma nitfagħlu botta tas-soltu fuq l-Arsenal u l-Inter.
“L-Arsenal inħobbhom għax l-ewwel darba li sifirt Londra kont mort nara logħba ta’ l-Arsenal u kienu daħħluni anki fid-dressing room. Jekk jilagħbu l-Arsenal ma’ l-Inter inżomm ma’ l-Ingliżi. Però bħala nazzjonal jien mat-Taljani. Fraħt ħafna fis-sajf tas-sena l-oħra. Meta nara tim Taljan bħal Juventus u l-Milan magħhom inżomm sakemm ma jilagħbux ma’ l-Arsenal.
“L-Inter ħabbejthom għax minn meta kont żgħir kont inħobb lil Mazzola. Il-ħolma tiegħi tibqa’ dik li nirbħu xi rebħa tajba lil Juventus.”
F’qalbi ngħid li probabbli din se tkun l-uniku xewqa ta’ ħajtu li mhu se ssir qatt realtà.
Fl-aħħarnett John jgħidli x’jixtieq li jara jinbidel fil-futbol Malti, filwaqt li jirringrazzja lil dawk li sab ta’ appoġġ tul il-karriera tiegħu.
“Nixtieq li tispiċca l-korruzzjoni. Jien ngħid li jekk ma jkunx hawn min ibigħ id-droga ma jkunx hawn drogati. Mhumiex il-plejers il-ħallelin imma min imur jipprova jixtrihom. Dawk ħafna minnhom huma magħrufa u jissemmew ma’ kulħadd imma ma jinqabdu qatt.
“Nixtieq nirringrazzja ħafna lil George Micallef li ma niddejjaqx ngħid li għallimni ħafna tul il-karriera tiegħi. Grazzi wkoll lil Roger Degiorgio li emmen ħafna fija. U lil Joe Baldacchino ta’ Smash TV u lil Joe Grima li tagħni l-ewwel ċans fuq ir-radju. It-tifel il-kbir tiegħi jgħidli li kien ikun aħjar li tlaqt qabel mill-futbol Malti għax illum sar jafni aktar sew.”


Download the front page of ILLUM in PDF format


Arkivji



Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta

Għafas hawn


 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 9016, Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075