MediaToday

CARMELO MIFSUD BONNICI | 29 ta’ Lulju 2007 • Nr 39

Platun, il-politika u l-verità

1. Għal darb’oħra ġiet f’idejja edizzjoni mid-diversi li hawn ta’ kitbet Platun fiha sibt in-nota li hu kkunsidrat li twieled bejn Marzu u Lulju tas-sena 427 qabel Kristu, jiġifieri 2,434 sena ilu. Bniedem li rnexxilu jħalli warajh ġabra impressjonanti ta’ kitbiet li influwenzaw fi żmienu u għadhom jinfluwenzaw sa llum. Għax hu verament interessanti kif dak li kiteb tant snin ilu baqa’ rilevanti li kulmin irid jibda jifhem il-filosofija, anzi min irid jitlaq fuq it-triq biex isib il-verità, għandu jaqbad mill-qari u studju ta’ ħsiebu.

2. Platun hu l-filosfu umli. Tul il-kitba s-suġġetti huma varji imma prinċipalment marbuta ma’ riċerka fonda fil-valuri. It-tjubija, is-isbuħija, l-ugwaljanza, il-verità u l-ġustizzja huma fost l-argumenti li jiġu trattati b’mod mill-iktar miftuħ fejn il-protagonista Sokrate, ta’ għalliem u filosfu eċċellenti li kien, idaħħal lill-udjenza fi djalogu. Diskussjoni mill-iktar sempliċi, diretta fil-metodu, u proprju għalhekk jirnexxielha ġġib dak li hu kumplikat sempliċi, dak li ma jinftihemx mifhum u dak li tgħix mingħajr ma tagħraf fis-sensi l-preżenza tiegħu tħossok tmissu u tintebaħ kemm hu neċessarju.

3. Fil-kitba sħiħa tiegħu tifhem iktar ir-rapport qawwi bejn Sokrate u Platun. Sokrate jgħix f’kitbet Platun. Hu ċentrali f’diversi mumenti u proprju għalhekk tiddubita mill-eżistenza tiegħu. Però d-dipendenza mhix illużorja iżda ħajja. Sokrate veru għex u għadda. Proprju hu, li għamel ħiltu kollha biex iħaddan il-verità u l-ġustizzja, minn proċess pubbliku inġust li fih instab ħati u kkundannat għall-mewt. Ma hemmx dubju li din ir-rabta ta’ dawn il-bnedmin nibtet iktar f’qalb id-dixxiplu Platun il-bżonn li jidentifika sistema politika ġusta u umana. Quddiem il-kitba tar-Repubblika, fejn din it-triq tiġi persegwitata b’iktar qawwa, hu jirreaġixxi u jipprova jibni l-Istat ideali u, biċċa biċċa, jikteb bejn il-liġijiet u l-qafas ta’ l-Istat fuq naħa u l-ideali u l-valuri li jħaddnu l-mexxejja fuq l-oħra. Għax hu x’inhu, il-ġabra ta’ prinċipji tar-Repubblika donnu ma jimxux jekk ma jitħaddmux b’mod tajjeb.

4. Iktar ma wieħed jirrifletti, iktar jinduna kemm Platun – tajjeb jew ħażin – ma kienx ippreparat jibqa’ fil-pożizzjonijiet oriġinali tal-għalliem tiegħu iżda ried li l-filosofija ma sservieħx biex jaħrab ir-realtà iżda li jittrasformaha. Kien ikun faċli għalih li jagħmel dan u jżidha mad-doża ta’ l-akkuża ta’ Aristofane li Socrate kellu rasu fl-isħab. Proprju għal dan, anzi jrid juri li huma l-filosofi dawk li jfittxu l-verità li huma kapaċi jidentifikaw ir-realtà. Għalhekk naraw id-dettall interessanti li wara r-Repubblika jidħol għaliha fil-liġijiet. Dan hu l-wirt tiegħu li sewa fiż-żmien u għadu rilevanti ħafna. Anzi nistgħu liberament ngħidu li hu l-pedament tal-kultura nisranija, Mediterranja u Ewropea.

5. Għax il-verità, anzi t-tfittxija ma taqta’ xejn tal-verità hi l-pedament ta’ soċjetà demokratika. Il-komuniżmu fl-oppost hu bbażat fuq gidba u żamm lilu nnifsu għaddej fuq ġabra ta’ nuqqasijiet ta’ verità. Dan kien proprju t-tmiem tiegħu – il-fatt li pprova jgħix illużjoni. Għax il-verità hi kundizzjoni neċessarja f’soċjetà libera. Għax jekk ma hemmx dan, allura r-rapporti umani ma jaqgħux taħt l-awtorità ta’ l-evidenza u l-verità, iżda jwieġbu biss għar-rieda tal-poter awtoritarju. Kif jgħid tajjeb Michael Novak: “If there is no truth, then, there can be no just claims against tyranny and no evidence of violation of rights, one way or the other. Appeal to truth is an indispensable conditon for the practice of liberty.”

6. Proprju għalhekk, min iħaddan ir-relattiviżmu u l-ħsieb li l-verità hi komodità inkonvenjenti qiegħed fil-fatt jilgħab, l-ewwel, mad-demokrazija u l-istituzzjonijiet tagħha, u t-tieni mal-valuri profondi u fundamentali tagħha. Mingħajr il-bżonn ta’ l-identifikazzjoni u riċerka ċara bejn dak li hu falz u dak li hu veru, jibqa’ biss il-poter. Il-poter, jekk isir għan fih innifsu, iwassal lill-bnedmin jagħmlu minn kollox, inkluż li jagħwġu, jgħidu l-gideb u jimmalafamaw.
Dan hu żgur żbaljat. Sfortunatament numru ta’ drabi d-disperazzjoni ta’ bnedmin li jridu jiksbu l-poter akkost ta’ kollox twassalhom għal dak. Il-pajjiż tagħna preżentement għaddej minn din il-ġlieda biex tirbaħ il-verità. Platun però jaf li minna għandu segwaċi.


Download the front page of ILLUM in PDF format


Arkivji



Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta

Għafas hawn


 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 9016, Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075