EMMANUEL MICALLEF | 29 ta’ Lulju 2007 • Nr 39
Sur Kandidat, Kważi għaddew iktar minn erba’ snin minn meta ġejt l-aħħar tħabbatli l-bieb. Għoddni nsejtu wiċċek u eżattament ma nafx għalfejn erġajt ġejt biex toqgħod tgħidli l-istess diskors imbagħad wara li tgħaddi l-elezzjoni ġenerali Alla biss m’għamlek! Illum jien erba’ snin ixjeħ imma wkoll erba’ snin iktar għaref u għalhekk din id-darba mhux se nħallik tbellagħli r-ross bil-labra.
Nitolbok biex ma toqgħodx issemmili kemm il-partit tiegħek hu aħjar mill-partit l-ieħor għax meta nħares lura nsib li m’hemmx xi differenza kbira bejnietkom. Nifhem li għandkom it-tajjeb tagħkom – kull partit fil-Gvern jagħmel xi ħaġa ta’ ġid għall-pajjiż u għajnejja f’wiċċi qegħdin imma għandkom il-ħażin ukoll u dan hu li jkiddni bil-bosta.
Billi se toqgħod tgħidli vvota kif tħoss basta lill-partit tagħna din id-darba mhux se nemmnek. Għaliex b’hekk int trid li jien nagħti n-number one lilek u ’l ħadd iktar. Ix-xewqa tiegħek li jitla’ l-partit tiegħek hi sekondarja. Tixtiequ jitla’ mhux għal wiċċi imma biex tkun moħħok mistrieħ li għall-ħames snin li ġejjin ikollok pożizzjoni tajba u allura dħul żejjed mir-responsabbiltajiet politiċi li ġġib magħha l-ħatra tiegħek.
Tgħid mhux se nemmnek li int tissagrifika l-ħin tiegħek, tal-familja u l-ġid tiegħek għall-glorja tal-pajjiż mingħajr ma tistenna xejn lura?
Illum konvint li l-ewwel xewqa tiegħek hi li titla’ int fil-Parlament. Ma jinteressakx minn sħabek ta’ l-istess partit allavolja tiġi tgħidli li bin-number 2 int xorta tkun kuntent. Lili kellimni ċar, toqgħodx tikkritikali lill-kandidati tan-naħa l-oħra u tkun qed titfa l-botti għall-kandidati l-oħra tal-partit tiegħek stess.
Kif għandek il-wiċċ tgħidli li lest li tagħmel kollox biex tgħinni nirranġa l-inġustizzji li sofrejt u t-tbatija li għaddejt minnha meta fl-erba’ snin li għaddew lanqas qatt ma rajt wiċċek u meta għadek lanqas taf jekk hux se titla’ fil-Parlament u forsi tingħata xi kariga importanti? Mela bil-kieku jew il-forsi nsolvu xi ħaġa?
Daqskemm solvejtli l-problemi billi qgħadt tibgħatli l-kartolina f’għeluq snini jew xi kopja tal-mistoqsija parlamentari bit-tweġiba li ngħatajt meta darba fil-Parlament semmejt lir-raħal tagħna?
Tiħux għalik imma għalhekk din id-darba ddeċidejt li ma niġix aktar għall-attivitajiet soċjali li organizzajt int u mhux ħbiebek kif tgħid, għax fhimt li dan hu kollu ħin moħli.
Hawnhekk imissek ġejt lest bil-manifest elettorali tal-partit tiegħek u toqgħod tfehimni xi jfissru l-proposti li hemm fih u kif se nkun aħjar jekk il-partit tiegħek ikun fil-Gvern. Min imaqdar irid jixtri u għalhekk mhux biżżejjed li toqgħod isemmi d-difetti u l-ħniżrijiet li jagħmel ħaddieħor mingħajr ma tammetti li kulħadd għandu xi jxomm!
Lili aħjar tgħidli fejn ma tistax taqdini mill-ewwel milli toqgħod tittamani li se tagħmel mill-aħjar imbagħad fl-aħħar tal-mazzita nsib iż-żbiba għax tgħidli li xtaqt imma ma kienx jiddependi minnek.
Wara kollox int taf li jien nista’ ngħidlek li se nivvotalek jew lill-partit tiegħek imma fil-kamra tal-votazzjoni waħdi nkun biex inniżżel il-preferenzi! Iżda jien qed nistqarr miegħek li jekk turini bil-fatti kif il-partit tiegħek fil-Gvern se jkun aħjar mill-Gvern li għandna bħalissa u kif il-poplu jista’ verament itejjeb il-livell tal-għajxien tiegħu allura ħu l-kelma tiegħi li nagħtik il-vot. Dan nagħmlu mhux għall-vantaġġi tiegħi personali, kif x’aktarx għamilt int meta ddeċidejt li toħroġ għall-politika, imma għax nemmen li jekk il-pajjiż jitmexxa tajjeb b’nies kapaċi u integri kulħadd għandu jtejjeb il-qagħda tiegħu.
Toqgħodx tgħidli li għadkom tridu tistudjaw ċerti affarijiet u għalhekk ma twiegħdu xejn jew li għad tridu taraw xi ssibu u mbagħad tkunu tistgħu titkellmu! Għalija dan hu diskors qarrieqi. M’intix titkellem mat-tfal.
Bħala kandidat xogħlok hu li twassal il-messaġġ tal-partit tiegħek bl-iktar mod sempliċi u effettiv. Trid tipperswadi lill-kostitwenti għalfejn temmen li l-partit tiegħek hu aħjar. Trid titkellem dwar il-proposti li qed tressqu għall-elezzjoni imma fuq kollox trid tirrispetta l-opinjoni tal-votanti anki ta’ dawk li ma jaqblux f’kollox miegħek.
Toqgħodx tilgħabha li tifhem f’kollox jew li tgħid int hu vanġelu. Fuq kollox, dawn iż-żjarat fid-dar użahom biex tisma’ b’mod dirett il-fehma tal-poplu mill-esperjenzi tiegħu ta’ kuljum. Il-grazzja u s-simpatija taf li jagħmlu differenza imma toqgħodx tapprofitta ruħek minn hekk għax iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma llum jew għada.
Biex nagħtik il-vot lili kkonvinċini li verament tista’ tikkontribwixxi permezz tal-ħiliet u l-kompetenzi tiegħek biex nagħmlu sistema politika aħjar milli sibnieha. Skużani, imma sal-lum għandi l-impressjoni li lbist żarbun li ma jiġikx. Forsi għad nibdel fhemti dwarek.
Iżda l-importanti li tgħidli kif il-proposti se jkunu mwettqin u kemm se mmorru aħjar.
Jekk lest li tagħmel dan inkun lest li nistiednek id-dar biex nitkellmu aħjar wiċċ imbwiċċ. Iżda jekk it-talba tiegħek biex tiġi tagħmel home visit hi sempliċiment rutina ta’ qabel l-elezzjoni allura għamilli pjaċir u tersaqx lejn biebi. Tiħux għalik imma l-Parlament Malti għandu bżonn membri ta’ stoffa u ta’ kwalità. Daqshekk ieħor il-Partit għandu bżonn kandidati ta’ stoffa u kwalità.
Issa naraw jekk nistax inqisek b’wieħed minn dawn... kemm-il darba ma jkollix nistenna xi ħames snin oħra biex insir naf dan, Sur Kandidat! |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|