INTERVISTA | 29 ta’ Lulju 2007 • Nr 39
Kurt Sansone jintervista lil Mario Galea
Ilu Deputat Parlamentari għal madwar 15-il sena iżda tela’ biss f’dawk id-drabi li rebaħ l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista. Fl-1996 Mario Galea ma telax u l-PN ma baqax fil-Gvern.
Din hi waħda mill-kurżitajiet li jsemmili Galea meta niltaqa’ miegħu fid-dar ta’ ommu f’Wied il-Għajn. Għal dawk in-Nazzjonalisti li jemmnu b’dawn il-kumbinazzjonijiet it-tama se tkun li fl-elezzjoni li ġejja Galea jerġa’ jagħmilha biex il-PN ikompli jmexxi ’l dan il-pajjiż għal ħames snin oħra.
Iżda lil hinn mill-fortuna elettorali personali Galea jaf li t-triq għall-PN mhux faċli. Għall-aħħar mistoqsija li nagħmillu jekk jaħsibx li l-PN se jirbaħ l-elezzjoni li jmiss jagħżel il-kliem b’ċerta kawtela.
“Naħseb nistgħu nirbħuha u mhux għax Alfred Sant ħażin imma għax wettaqna l-bidla f’dan il-pajjiż u qed tinħass. L-ekonomija qed tirpilja u fadlilna x’nagħmlu. Irridu nwassluh iktar dan il-messaġġ, irridu nitkellmu man-nies u nkunu iktar viċin tagħhom,” jgħid Galea.
Galea hu wieħed minn dawk in-Nazzjonalisti ta’ żmien ieħor, li donnhom qed jiskarsaw fl-istrutturi tal-PN, li jiftakar il-vjolenza tat-Tmeninijiet. Diskursata qasira li kelli ma’ ommu u oħtu sakemm wasal għall-appuntament kienet biżżejjed biex nifhem li din kienet familja li qalgħet ħafna fuq wiċċha matul dak il-perjodu mudlam għas-soċjetà Maltija.
Li tkun Nazzjonalist fiż-Żejtun f’dawk iż-żminijiet ma kenitx faċli. Illum l-affarijiet inbidlu u għal Galea dan kien l-ikbar proġett tal-PN għan-nofsinhar ta’ Malta.
“Ma naqbilx li għandna problema,” jgħidli meta nistaqsih jaħsibx li l-PN għandu problema ma’ l-elettorat fin-nofsinhar ta’ Malta.
“L-ikbar proġett tal-PN għan-nofsinhar kien li ġab in-normalità, il-paċi u l-kwiet. Illum meta nkun qed indur id-djar fiż-Żejtun ma nibżax noħroġ mingħand xi ħadd f’nofs il-lejl.”
Allura din kwistjoni li n-nies ma baqgħux grati lejn il-PN ta’ dan ‘il-proġett’, nistaqsih.
“Le. Ladarba takkwista xi ħaġa m’għandekx tibqa’ grat lill-Gvern għal għomrok. Il-PN ta lura n-nies id-drittijiet tagħhom u ma nippretendix li jibqgħu grati lejna. Imma apparti dan fin-nofsinhar sar ukoll investiment f’toroq, fi promenades u f’infrastruttura oħra.”
Forsi l-ikbar ingratitudni li wera l-PN lejn in-nofsinhar kien meta fl-2005 iddeċieda li jirtira l-kandidati tiegħu għall-elezzjonijiet lokali fiż-Żejtun u l-Marsa biex l-elezzjoni ma saritx.
“Il-fatt li ma kkontestajniex l-elezzjonijiet lokali tal-Marsa u ż-Żejtun kien żball. Ovvjament hemm ir-responsabbiltà kollettiva u jien ukoll għandi sehem minn dak l-iżball,” jgħid Galea mingħajr ma joqgħod jaħsibha.
Inqajjimlu żewġ kwistjonijiet jaħarqu li n-nies fid-distrett fejn se jikkontesta qed jitkellmu dwarhom: l-impjant tar-riċiklaġġ f’Wied il-Għajn u t-tqegħid ta’ l-irziezet tal-ħut kollha lil hinn mill-kosta ta’ l-istess raħal.
“Ma naħsibx li konna insensittivi fil-każ ta’ l-impjant tar-riċiklaġġ. Hemm bżonn nispjegaw aktar dak se nagħmlu u nitkellmu man-nies. L-impjant kif se jsir bl-aħħar teknoloġija għandu jfisser titjieb. Dejjem se jkun hemm dawk il-ftit li jibqgħu jirreżistu għal kollox u forsi jkollhom ukoll l-għanijiet tagħhom għalfejn jagħmlu hekk imma hemm nies ġenwini li jeħtieġ li nispjegawlhom.”
Iżda bħal donnu li jifhem li n-nies ma tafdax lill-Gvern fuq il-wegħdi li qed jagħmel dwar l-impjant.
“Ir-realtà hi li meta għamilnieh l-ewwel darba fil-bidu tas-snin Disgħin m’għamilnix l-affarijiet sew u beda jrewwaħ. Illum, ngħidu x’ngħidu, se jkun biss meta l-impjant jibda jaħdem u n-nies jindunaw li mhux se jkun ta’ inkonvenjent għalihom li fl-aħħar mill-aħħar jibdew jemmnuna,” itenni Galea.
Nistaqsih jekk l-elezzjoni ta’ Josie Muscat fil-kunsill lokali ta’ Wied il-Għajn għad-detriment tal-PN kienx messaġġ li ntbagħat min-nies dwar fost l-oħrajn il-kwistjoni ta’ l-impjant.
“Seta’ kien messaġġ. Iżda f’Malta qed naraw trend bħall-bqija ta’ l-Ewropa fejn fil-kunsilli lokali n-nies jaslu biex jesperimentaw bil-vot tagħhom u jużawh biex jibagħtu messaġġ lill-Gvern tal-ġurnata. L-importanti hu li dak il-messaġġ nifhmuh, ninterpretawh u nagħmlu xi ħaġa dwaru.”
Jieqaf jaħseb u jirrepeti dak li qallu wieħed anzjan fil-politika: “Titlef l-elezzjoni f’dak il-mument li sserraħ rasek li rbaħtha.”
Għall-elezzjoni li ġejja l-isfida tal-PN se tkun akbar mis-soltu bid-dħul lura fl-arena politika ta’ Josie Muscat, dak li fiż-żmien kien meqjus bħala l-istilla tal-PN fin-nofsinhar, u l-partit Azzjoni Nazzjonali.
“Hi xi ħaġa ġdida għalina f’Malta li xi ħadd li kien f’partit ma jibqax fih u minflok jikkontesta għal rasu jew jifforma partit jew jikkontesta ma’ partit ieħor. M’aħniex imdorrijin biha din it-tip ta’ politika,” jgħid b’ċerta kalma.
Bejni u bejn ruħi ma nistax ma nosservax kif in-Nazzjonalisti għandhom ħabta kif xi ħaġa li tista’ tkun ta’ għawġ għalihom idawruha f’xi ħaġa pożittiva. Jiġini f’rasi meta Wenzu Mintoff u Toni Abela tkeċċew mill-MLP u ngħaqdu fl-Alternattiva Demokratika. Dakinhar ma kenitx kwistjoni ta’ ‘għax m’aħniex imdorrijin biha’ imma li l-Partit Laburista qed jisfaxxa. Iżda dan il-ħsieb inżommu għalija.
“Ma jinkwetanix Josie għalkemm se jipprova jappella għall-voti Nazzjonalisti. Iżda interessanti kif se jirnexxielu jwettaq dak kollu li qed iwiegħed għax faċli tgħid li trid meta ma tkunx f’pożizzjoni ta’ responsabbiltà. Interessanti kif se jirnexxielu,” isostni Galea.
Ma nafx jekk dan l-aħħar kumment għamlux f’vena sarkastika jew le imma naqbadlu fuq il-kwistjoni ta’ l-immigrazzjoni u jekk il-kliem iebes ta’ Azzjoni Nazzjonali, li jista’ jsib art fertili fost in-nies tan-nofsinhar, hux se jikkundizzjona lill-PN fil-mod kif jindirizza din il-problema.
“Nittama li ma nbiddlux il-prinċipju tas-solidarjetà. Ma nistgħux narmuh dan il-prinċipju. Kont f’dawn l-artijiet minn fejn jitilqu l-immigranti bħala osservatur tan-Nazzjonijiet Uniti. Rajt tfal jieklu ħut imdewwed għax m’għandhomx ikel. Rajt trabi jibku għax ma kilux għal jumejn sħaħ. Rajt tfal ilaqqtu l-laned ta’ l-ikel li jarmu s-suldati tan-Nazzjonijiet Uniti. Kieku twelidt hemmhekk kont naħrab ukoll u kont inkun immigrant illegali f’Malta. Li taħrab hu ħafna aħjar milli tibqa’ hemm. Anki l-mewt fil-baħar hi ħafna aħjar milli tgħix f’dawk il-kundizzjonijiet.
“M’iniex lest għall-vot narmi l-prinċipji tiegħi tas-solidarjetà. Anki t-twemmin nisrani tagħna għandu jimbuttana biex ngħinu lil dawn in-nies. Ma nifhimx kif imbagħad issib insara Maltin li jargumentaw li lil dawn għandna nitfgħuhom ’il barra jew nisparawlhom. Kif jista’ jkun jargumentaw hekk?
“Imma mbagħad ħadd ma jgerger li l-immigranti li hawn fostna jagħmlu d-dirty work għalina, li joqogħdu jagħżlu ż-żibel, jitbagħlu f’xi kċina fejn ma jarahom ħadd. F’dawn iċ-ċirkostanzi nsibuhom komdi li jagħmlulna dan it-tip ta’ xogħol.”
Nistaqsih jekk il-lingwaġġ kultant iebes li jużaw il-politiċi fiż-żewġ partiti ewlenin bħal ‘invażjoni’ jew ‘klandestini’, jgħinx biex tinħoloq atmosfera ta’ kumpassjoni.
“Il-politiċi wkoll bil-mod il-mod qed jitgħallmu xi kliem għandhom jużaw. Hu proċess ta’ tagħlim għalina wkoll,” isostni Galea.
Indawwar id-diskors fuq is-serje ta’ każi ta’ korruzzjoni li laqtu l-amministrazzjoni tal-pajjiż tul dawn l-aħħar sentejn. Dan hu sinjal ta’ tnawwir fis-sistema?
“Le. Wara kollox dawn huma kollha każijiet fejn kixifhom il-Gvern jew l-aġenziji tiegħu. Il-Partit Laburista kien diżonest ħafna li ipprova jagħmel plejtu minn dak li ġara. Il-verità hi li l-MLP kellu bżonn kwistjoni biex ixejjen is-suċċessi li kellu l-Gvern f’dawn l-aħħar ġimgħat bħad-dħul ta’ l-ewro u l-ftuħ ta’ l-Isptar Mater Dei. Nista’ ngħid kważi b’ċertezza li l-MLP se joħloq xi kwistjoni oħra f’Settembru meta l-PN ikun għaddej minn mument sabiħ bil-festi ta’ l-Indipendenza.
“Il-PN hu l-iktar partit li bena istituzzjonijiet biex jiġġieldu l-korruzzjoni u l-abbuż. Waqqafna l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, l-Awditur Ġenerali u s-Servizz tas-Sigurtà,” jgħid b’ċerta konvinzjoni.
Infakkru li l-Awditur Ġenerali spiċċa attakkat u suġġett għal investigazzjoni mill-Gvern meta fil-Parlament kien diskuss ir-rapport li kixef fil-beraħ it-taħwid finanzjarju li kien hemm fil-Voice of the Mediterranean. Donnu li dawn l-istituzzjonijiet huma tajba sakemm jaqdu lill-Gvern tal-ġurnata.
“Ir-rapport ta’ l-Awditur kien fih ħafna loopholes bħal, per eżempju, l-għażla tal-persuna li tqabbdet b’direct order mill-Awditur stess biex tħejji r-rapport tekniku li ma jidhirx li kellha l-kwalifiċi addattati. Dakinhar ikkontestajna n-nuqqas ta’ serjetà fir-rapport. It left much to be desired. Ma kkontestajniex lill-Awditur innifsu.”
Għal Galea mhux tant bi kbir li f’servizz pubbliku ta’ 50,000 ruħ issib min jaqa’ għat-tentazzjoni. Imbagħad jaqa’ għat-tentazzjoni komuni li taħkem lill-politiċi fil-partiti ewlenin u jdawwar il-kanuni fuq l-avversarju politiku tiegħu; il-Partit Laburista.
“L-MLP kien diżonest fil-każ tar-recordings ta’ Ċensu Galea. Ma qalx li l-persuna li rrekordja lil Censu kellu proċeduri dixxiplinari kontrieh. Sant irid jitkellem kontra l-korruzzjoni? Meta kien Prim Ministru ġie jaqa’ u jqum minn sentenza tal-qorti li interdettat uffiċjal tal-Pulizija għal għomru talli nstab ħati ta’ frame up u spiċċa impjega lil dan il-pulizija fil-Water Services Corporation li dak iż-żmien kienet fid-dekasteru ta’ Charles Buhagiar. Imbagħad Sant u Buhagiar kienu t-tnejn minn nies mill-Oppożizzjoni li tkellmu dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Jesmond Mugliett. X’kredibbiltà jista’ jkollhom dawn in-nies fuq il-korruzzjoni?”
Inwaqqfu u nerġa’ nfakkru li l-kritika dwar il-każ Mugliett, u saħansitra t-talba għar-riżenja tiegħu, ma ġewx biss mill-Partit Laburista imma wkoll mill-gazzetta The Times, opinjonisti bħal Daphne Caruana Galizia u ħafna nies oħra li mhux bilfors jissimpattizzaw ma’ l-MLP.
“Iva, għandhom dritt ghall-opinjoni tagħhom imma ma naqbilx magħhom.”
Id-Deputat Żejtuni ma jaħsibx li l-Ministru Mugliett kellu għalfejn jirriżenja. “Kulma għamel Jesmond Mugliett kien li talab biex qabel ma jitkeċċew mill-impjieg iż-żewġ persuni interdettati jistennew l-eżitu tal-maħfra presidenzjali għax kien hemm preċedent. Iżda Mugliett jifforma wkoll parti mill-Gvern li permezz ta’ l-Avukat Ġenerali appella biex is-sentenzi fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ persuni jiħraxu. Imma dan ma jingħadx.”
Nistaqsi lil Galea jekk lil hinn mill-argumenti legalistiċi d-deċiżjoni ta’ Mugliett li jistenna l-eżitu tal-maħfra presidenzjali setgħetx bagħtet messaġġ ħażin lill-bqija tan-nies.
“Iva, d-deċiżjoni setgħetx bagħtet messaġġ ħażin għax għall-politiku l-perċezzjoni tgħodd ukoll. Iżda Mugliett bl-ebda mod, b’dak li għamel, ma ddefenda lil dawn in-nies.”
Ftit qabel ma waqaf il-Parlament għall-vaganzi tas-sajf kien hemm ukoll dibattitu dwar il-privileġġ Parlamentari li bih deputati jistgħu jgħidu li jridu mingħajr ħadd ma jista’ jieħu azzjoni bil-qorti kontrihom fuq dak li jkunu qalu.
Wasal iż-żmien li dan jispiċċa?
“Għalija m’għandix problema jekk jispiċċa l-privileġġ Parlamentari. Iżda il-funzjoni tiegħu hi biex jekk deputat ikollu informazzjoni dwar abbuż ikun jista’ jxandarha mingħajr biża’. L-abbuż tal-privileġġ Parlamentari hu ħażin. Ma nistgħux insemmu nies li mhumiex persuni pubbliċi imbagħad għax dawn jiktbu ittra bl-avukat li biha jitolbu lill-Membru Parlamentari jirrepeti dak li qal barra l-Parlament biex ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom nakkużawhom bi ksur ta’ privileġġ. Iżda fil-maġġoranza assoluta d-Deputati Parlamentari ma jabbużawx minn dan il-privileġġ.” |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|