MediaToday

IL-PUNT | 29 ta’ Lulju 2007 • Nr 39

L-MLP u l-impjant ta’ Wied il-Għajn

Qrajt b’interess dak li kiteb m’ilux il-Kap ta’ l-Azzjoni Nazzjonali Josie Muscat dwar il-protesta li saret f’Wied il-Għajn dwar il-ħatt u l-bini mill-ġdid fuq skala ikbar ta’ l-impjant tar-riċiklaġġ ta’ l-iskart fil-lokalità.
Ma niddejjaqx ngħid li għal dik il-protesta m’attendejtx. Illum sirt inħares lejn ċerti attivitajiet b’passività. Ċertament li fil-vini tiegħi m’għadux jiġri dak id-demm militanti tas-snin 60. Iż-żmien jgħallmek u rrealizzajt li fil-politika x-xitan jagħmik u wara jdoqq it-trumbetta bik.
Mhux qed nikteb b’xi appoġġ lejn l-ideoloġija li jħaddan il-partit politiku l-ġdid ta’ Josie Muscat. Qed nikteb biex insostni l-punt li protesti bħal dawk li saru kontra l-impjant sirt inqishom insinjifikanti.
Kif jaf kulħadd għadhom għaddejjin proċeduri legali f’istituzzjonijiet differenti fosthom fil-Qorti Maltija u quddiem l-istess Unjoni Ewropea.
Allura waqt li nagħti kull appoġġ lil min qed joġġezzjona għall-bini mill-ġdid ta’ l-impjant ta’ Sant’Antnin u nikkundanna l-arroganza tal-Gvern Nazzjonalista li bħal gaffa jrid jibqa’ għaddej minn fuqna, nistaqsi: għalfejn dawn il-protesti?
Konvint li min qed joġġezzjona għamel il-homework tiegħu sewwa u għandu każ sod. Fil-fehma tiegħi, bi ftit paċenzja, jafu joħorġu l-ġurdien mit-toqba.
Għaliex jekk il-Gvern Nazzjonalista, u b’mod partikolari l-Ministru George Pullicino, għandhom l-ardir li jiġu jaqgħu u jqumu mill-Iskalin, għall-kuntrarju nemmen li l-UE tagħraf iktar id-drittijiet taċ-ċittadin u konvint li din tinsisti biex dak kollu li jkun qed isir ikun leġittimu u skond il-liġi.
Il-Gvern Nazzjonalista jkun qed jilgħab logħba ferm perikoluża jekk lejlet l-elezzjoni jwebbes rasu u jibqa’ għaddej bil-bini mill-ġdid ta’ l-impjant. Ma ninsewx li l-prassi tal-Qorti tagħlimna li kull akkużat hu innoċenti sakemm ma jkunx ippruvat ħati. Kif jista’ l-Gvern b’arroganza liema bħala jippretendi li la għandu l-poter jagħmel li jrid?
Atteġġament bħal dan jikkonferma n-nuqqas ta’ sensittività tal-Gvern. Sadanittant jekk nieħu bħala fatt dak li kiteb Josie Muscat lanqas hu ġustifikat li l-Partit Laburista jgħid li mhux lest iħott dak li jkun inbena.
Possibbli Gvern Laburista ġdid lest jagħmel dan anki jekk ikun ippruvat li s-sit fejn hemm l-impjant tar-riċiklaġġ la kien leġittimu fl-imgħoddi, la huwa llum u lanqas se jkun fil-ġejjieni?
Il-partitarji Laburisti ma jridux Gvern Laburista li jkun kopja ta’ dak li hemm illum, jiġifieri li l-illegalità ssir legali għaliex ikunu ntefqu l-flus.
Li nistenna li jingħad mill-Partit Laburista hu li jiddikjara li jekk mill-każijiet pendenti joħroġ li dak li qed isir mhux legali, iżomm personalment responsabbli lil min illum jidher li lest li jiġi jaqa’ u jqum mill-Iskalin u jisħaq li dawn it-talin għandhom jagħmlu tajjeb għal kull spiża oħra li tkun meħtieġa biex jinħatt l-impjant kif propost u jinbena x’imkien ieħor.
Dak li jista’ jiġi dikjarat bħala illegali ebda traqqigħ tal-pannu bil-qargħa ħamra ma jagħmlu legali.
Għalhekk nistennew li l-ebda Gvern alternattiv Laburista ma jkun ingħata l-jedd li jgħid “issa fatta la zorba.”
Jekk il-proġett ta’ l-impjant ta’ Sant’Antnin illum mhuwiex mibni fuq sit jew f’żona li tħares lir-residenti minn konsegwenzi u impatt negattiv li qed ikun imtenni minn dawk li qed joġġezzjonaw, Gvern alternattiv Laburista ma jkollu l-ebda jedd iħallih fejn ikun inbena b’intransiġenza u arroganza mill-Gvern attwali.
Id-Deputati Parlamentari kollha fit-Tielet Distrett u anki dawk li ħerġin għal xi lokalitajiet fil-qrib ta’ Wied il-Għajn li jagħmlu parti mit-Tieni Distrett għandhom jagħmlu l-pożizzjoni tagħhom ċara li huma, ladarba jerġgħu jkunu eletti, se jkunu lesti jħarsu bil-fatti u mhux bil-paroli saħħet ir-residenti Skalin u dawk tal-madwar minn kull konsegwenza li tista’ tirriżulta.
L-Oppożizzjoni Laburista għadha fiż-żmien li fil-Parlament tressaq mozzjoni biex twissi lid-deputati tal-Gvern tal-lum x’responsabbiltajiet personali jkunu qed iġorru jekk jiġri li l-bini ta’ l-impjant isir mill-ġdid ’il hemm minn kull norma.
Anki jekk il-Gvern għandu maġġoranza fil-Parlament, u din il-mozzjoni ma tgħaddix, il-Partit Laburista ta’ l-inqas ikun għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara u ma jħalli l-ebda lok għal interpretazzjonijiet żbaljati.

Saviour Cachia hu ġurnalist veteran u resident ta’ Marsaskala


Download the front page of ILLUM in PDF format


Arkivji



Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta

Għafas hawn


 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 9016, Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075