MediaToday

EDITORJAL | 29 ta’ Lulju 2007 • Nr 39

Għajnuna bl-imqieta

L-impenn fqir ta’ l-Unjoni Ewropea biex tgħin lil Malta taffronta l-fenomenu ta’ l-immigrazzjoni hu ta’ min jistmerru.
Ma titwemminx li l-missjonijiet tal-Frontex biex ikunu sorveljati l-fruntieri Ewropej fil-Mediterran waqfu nhar il-Ġimgħa li għadda, fl-eqqel ta’ l-istaġun fejn mijiet ta’ Afrikani jkunu qed jirriskjaw ħajjithom biex jilħqu ‘l-art imwiegħda’. Tassew għajnuna bl-imqietgħa!
Ma nemmnux li l-missjonijiet tal-Frontex qatt kellhom xi tama li jservu ta’ deterrent għal min irid jaqsam il-baħar lejn l-Ewropa. Min hu ddisprat lest li jagħmel minn kollox biex jaħrab mill-faqar, il-ġuħ u l-persekuzzjoni. Aktar milli missjonijiet ta’ sigurtà l-patrols tal-Frontex kellhom aspett umanitarju għax servew biex jonqsu l-imwiet li jkun hemm fl-ibħra ta’ madwarna u li ħafna drabi lanqas biss inkunu nafu bihom.
Id-diżappunt tagħna mhux tant għax mingħajr il-Frontex se nerġgħu nesperjenzaw mewġa ikbar ta’ immigranti iżda għax hu sinjal li fis-siegħa tal-bżonn il-pajjiżi ġirien tagħna lanqas mhuma kapaċi juru solidarjetà.
Għal darb’oħra s-suldati tagħna se jkunu weħidhom jgħassu l-ibħra tal-madwar bit-tama li ma jkollniex traġedji umani jseħħu lil hinn minn Malta minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi li għandha l-armata.
Il-ftit tama li setgħu taw il-missjonijet tal-Frontex li l-UE kienet lesta li tiċċaqlaq fuq il-kwistjoni issa żvintat ukoll.
Malta għandha bżonn soluzzjoni politika u umanitarja aktar minn xejn. Soluzzjoni politika titlob li jkun hemm politika komuni Ewropea fuq l-immigrazzjoni li tagħmilha possibbli li persuni li jiġu Malta b’mod irregolari jkunu proċessati wkoll f’pajjiżi oħra Ewropej biex jonqos il-piż amministrattiv fuq pajjiżna.
Soluzzjoni umanitarja titlob li l-UE tgħin lil Malta b’mod konkret f’dak li hu bini ta’ djar u ċentri miftuħa, taħriġ ta’ persuni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ integrazzjoni u għajnuna loġistika lill-aġenziji Maltin li jaħdmu f’dan il-qasam.
F’dan il-kuntest nemmnu li l-Gvern għandu jaddotta pożizzjoni iebsa ħafna fit-taħditiet dwar l-abbozz ta’ trattat ġdid li se jieħu post il-Kostituzzjoni Ewropea. Dan l-abbozz jitkellem dwar l-immigrazzjoni u l-ħtieġa ta’ politika komuni u Malta għandha tisħaq li l-verżjoni finali tat-trattat tkun tinkludi qafas ċar għal politika komuni dwar l-immigrazzjoni.
Fl-istess waqt pajjiżna jeħtieġ jisfrutta l-ftuħ li kien hemm fil-Libja dan l-aħħar wara l-ħelsien ta’ l-infermiera Bulgari. Hemm bżonn li nużaw id-diplomazija kollha u jekk hemm bżonn anki nies li mhumiex fil-Gvern iżda li jgawdu rispett kbir u għandhom kuntatti tajbin mal-Libjani biex nagħmlu pressjoni ħalli l-Libja tagħmel sehimha biex trażżan iċ-ċrieki ta’ kriminalità li jsostnu l-fenomenu ta’ l-immigrazzjoni.
Madankollu nerġgħu ntennu li n-nuqqas ta’ għajnuna mill-UE u mil-Libja qatt m’għandhom jixprunawna biex niżvugaw ir-rabja u l-frustrazzjoni fuq min qed jasal fostna fuq ċattra. Il-problema tagħna hi mal-gvernijiet Ewropej u mhux ma’ dawn in-nies u għalhekk jeħtieġ li naddottaw politika interna li tinkorraġġixxi l-integrazzjoni tal-komunità Afrikana fi ħdan is-soċjetà Maltija bid-drittijiet, l-obbligi u d-dinjità li jixirqu lil kull bniedem.

Kmamar perikolużi
Ġimgħa wara li din il-gazzetta indikat li l-Gvern għandu f’idejh rakkomandazzjoni li minn ta’ l-inqas żewġ kmamar tan-nar, dik ta’ Ħal Lija u dik ta’ Ħal Luqa, huma perikolużi ma smajna xejn mill-awtoritajiet dwar x’beħsiebhom jagħmlu.
Niddejqu ngħidu li konna profeti imma fl-1 ta’ Lulju fl-Editorjal konna għedna: “Fi ftit jiem oħra l-mewt ta’ ħames persuni f’kamra tan-nar se tintesa u kollox se jibqa’ għaddej kif kien qabel. Il-messaġġi ta’ solidarjetà se jtiru mar-riħ u l-ebda politiku mhu se jagħmel xi ħaġa biex dan il-qasam ikun regolat kif suppost biex nevitaw li fil-futur jerġa’ jkollna traġedja. Il-biki ta’ min mar isabbar lill-qraba ta’ dawk li mietu hu biss biki tal-kukkudrilli.”
Fortunatament ma ġrat l-ebda traġedja oħra u nittamaw li qatt ma tiġri imma niddarsu ngħidu li kellna raġun. Il-kmamar tan-nar huma regolati b’mod antikwat u b’mod dilettantesk. Imma donnu li l-politiċi iktar jibżgħu mill-vot milli mit-traġedji. Forsi t-traġedji jagħtu ċans lill-politiċi jidhru mal-folla tnewwaħ wara d-destin minqux fil-kmamar tan-nar. Destin li jista’ jinbidel kemm-il darba tittieħed azzjoni serja mill-awtoritajiet.


Download the front page of ILLUM in PDF format


Arkivji



Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta

Għafas hawn


 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 9016, Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075