Emmanuel Micallef | 22 ta’ Lulju 2007 • Nr 38
Meta kont żgħir kien jgħidhieli missieri. Meta kbirt tgħallimtha mill-esperjenza: “dejjem hemm in-naħa l-oħra ta’ l-istorja jew tal-munita”.
Ħafna min-nies jaħsbu li kulma jixxandar minn min qiegħed fl-awtorità hu l-verità sagrosanta u ħadd m’għandu jmerih. Ħafna oħrajn għandhom it-tendenza li ma jixtarrux dak li jinstema’ fuq il-mezzi tax-xandir u dak li jidher jew jinkiteb fuq il-gazzetta.
Jagħmluha fatta li la ntqalet hekk ma jistax ikun mod ieħor. Min ma jirnexxilux jaqra bejn il-linji jew ma jitħajjarx jagħmel mistoqsijiet għal dak li jingħad b’mod uffiċjali jispiċċa jemmen dak li jara jew jaqra u meta tiffaċċah b’argumenti li jmeru dak li jkun imxandar, jibqa’ jsostni li l-verżjoni li xxandret ma setgħetx tkun mod ieħor “għax hekk qalu fil-gazzetti jew waqt l-aħbarijiet!”
Sfortunatament, dawk li mhumiex midħla tal-mekkaniżmu intern ta’ l-organizzazzjonijiet il-kbar lanqas biss jgħaddilhom minn moħħhom li l-istess strutturi ta’ l-organizzazzjoni jippermettu li jkun hemm manipulazzjoni ta’ l-informazzjoni biex meta din toħroġ barra ma tkunx tista’ tintuża kontra l-istess organizzazzjoni. Minħabba l-influwenza fuq l-opinjoni pubblika llum dawn l-organizzazzjonijiet ifittxu li jħaddmu esperti f’dan il-qasam ħalli meta toħroġ stqarrija għall-istampa jew tingħata konferenza ta’ l-aħbarijiet ma jagħtux lok għal interpretazzjonijiet mhux mixtieqa jew differenti mit-tagħrif li jkunu ddeċidew li jippubblikaw. Dan ix-xogħol illum sar iktar irfinat u fl-istess ħin il-finezza li biha qed titwassal l-informazzjoni qed toħloq sitwazzjoni li min jirċievi din l-informazzjoni jew jemminha kważi b’għajnejh magħluqin jew jinjoraha għax jiddubita mill-ġenwinità tagħha.
F’sitwazzjoni bħal din, l-importanza ta’ l-opinjoni pubblika tiddgħajjef u dan jista’ jwassal biex min hu f’pożizzjoni ta’ awtorità jkun inqas sensittiv għall-ideat u x-xewqat tal-poplu.
Jekk jiġri dan id-difetti tas-sistema demokratika jkomplu jitkattru u mhux jitnaqqsu. Fi żminijiet ta’ kampanja elettorali din id-doża tiżdied għaliex l-opinjoni pubblika tħalli impatt qawwi lejn fejn għandu jxaqleb ir-riżultat elettorali.
L-elezzjoni ġenerali tissejjaħ meta l-Prim Ministru jħoss li hu fl-interess nazzjonali. Ma ġietx elezzjoni li ma smajniex stqarrija bħal din. Iżda l-elezzjonijiet dejjem issejħu meta l-Prim Ministru u l-konsulenti ta’ madwaru dehrilhom li hu l-aħjar żmien biex jagħtu vantaġġ li jissarraf f’rebħa lill-partit li huma jmexxu.
Għandna iktar minn prova waħda li f’dan il-kuntest l-interess nazzjonali jfisser l-interess partiġġan. Wara kollox il-partiti politiċi għalhekk qegħdin – biex jirbħu l-elezzjoni u allura jagħmlu dak kollu possibbli biex jilħqu dan l-għan. Min allura jista’ jemmen li l-elezzjonijiet jissejħu fl-interess nazzjonali?
Anki l-istess kampanja elettorali fiha nfisha tmur kontra l-interess nazzjonali. Mhux biss tiżdied il-polarizzazzjoni politika fost il-poplu iżda nibdew insofru minn staġnar ekonomiku u inċertezza li tnaqqas ir-ritmu tal-progress prattikament f’kull settur. L-investituri kemm lokali kif ukoll barranin jippreferu jħallu dan iż-żmien jgħaddi qabel ma jieħdu r-riskju ta’ xi investiment; kull ħaġa li ssir nagħtuha t-timbru ta’ elezzjoni ġenerali – jekk jitwettaq proġett ngħidu li dan qed isir għax ġejja l-elezzjoni; jekk jingħataw benefiċċji soċjali ġodda ngħidu dan hu biss bżar fl-għajnejn; jekk ifeġġu opportunitajiet ta’ mpjiegi ngħidu li dan qed isir għall-voti u jekk il-qagħda teħżien minflok titjieb matul dan iż-żmien ta’ kampanja elettorali ngħidu li hemm bżonn jinbidel il-gvern illum qabel għada – kollox norbtu ma’ l-elezzjoni.
Saħansitra anke l-aħħar baġit tal-leġiżlatura niddeskrivuh bħala okkażjoni ta’ opportuniżmu politiku ta’ qabel l-elezzjoni. Għalhekk jiżdiedu l-inċertezza, il-frustrazzjoni u l-istaġnar. Fejn hu l-interess nazzjonali f’dan kollu? Forsi dan hu l-prezz li rridu nħallsu biex nirrispettaw ir-regoli tad-demokrazija!
Nemmen li fl-elezzjoni li ġejja – li ma tiġix qabel il-bidu tas-sena d-dieħla – il-poplu mhux se jinġarr mal-kurrent li se jonfħulu l-partiti politiċi. Il-poplu se jkollu jkun hu li jħares l-interess nazzjonali. Se jfittex in-naħa l-oħra ta’ l-istorja li jipproġettaw il-partiti.
Mhux biżżejjed li l-partiti jgħidu x’se jagħmlu. Mhux biżżejjed li jwiegħdu. Il-poplu jistenna li meta jgħidulu x’se jagħmlu jgħidu wkoll kif se jagħmluh. Il-poplu se jagħmel is-somom u jekk iwegħduh l-ilma jiżfen se jara u jifli jekk dan hux possibbli jew le. Il-poplu se jfittex il-kredibbiltà ta’ min se joffrilu l-aħjar għażla.
Jista’ jagħti l-każ li l-poplu jkollu jiddeċċiedi fuq dak li ma jismax iktar milli fuq dak li jisma’ fuq il-mezzi tax-xandir. Il-poplu se jara x’jaqbillu fl-aħħar mill-aħħar. Se jkun hemm min iħares lejn l-interess personali. X’se jakkwista mill-Gvern li jmiss jew x’ma akkwistax mill-Gvern preżenti. Se jkun hemm ukoll min se jimxi b’qalbu iktar milli b’moħħu. Jaġixxi bl-emozzjonijiet jew bis-simpatija tradizzjonali tal-familja. Iżda nemmen li mhux dawn se jiddeċiedu liema partit se jitla’ fil-Gvern fl-elezzjoni li ġejja. Dan se jintagħżel mill-maġġoranza tal-poplu li jemmen li jekk jitkattar il-ġid fil-pajjiż jitkattar il-ġid tal-familja.
L-isfida għall-partiti se tkun min hu kapaċi li jagħti dan is-serħan tal-moħħ. Mhux b’informazzjoni mgħawġa li twassal biss biex tgħammex l-għajnejn. Mhux b’manipulazzjoni ta’ meta tissejjaħ l-elezzjoni ġenerali għax hekk jaqbel lill-partit.
In-naħa l-oħra tal-munita se titla’ fil-wiċċ matul ix-xhur li ġejjin u mhux qed nirreferi għall-ewro li wkoll se narawh fil-wiċċ ftit qabel id-data ta’ l-elezzjoni ġenerali li jmiss! |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|