Il-Punt | 22 ta’ Lulju 2007 • Nr 38
Ftit issib min ma jaqbilx li lit-tfal ix-xorb jagħmlilhom il-ħsara. L-istħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika bħal dak li sar f’Ottubru ta’ sentejn ilu minn ġurnal lokali tal-Ħadd wera li l-biċċa l-kbira tal-Maltin kienu tal-fehma li dawk li għadhom m’għalqux it-18-il sena m’għandhomx jitħallew jixorbu l-alkoħol.
Imma mhumiex biss iż-żgħażagħ li ssirilhom il-ħsara minħabba x-xorb. Tfal ferm iżgħar ukoll għandhom bżonn min iħarishom mill-effetti ta’ l-alkoħol. Mhux biss mix-xorb li jistgħu jixorbu huma, imma wkoll, jew aktar u aktar, minn dak li jixorbu l-ġenituri tagħhom.
Anke hawn ma tantx issib min se jħaqqaqha ma’ l-idea li x-xorb tal-kbar jaffettwa ħażin anke liż-żgħar. Ix-xbiha tal-missier li jmur lura d-dar fis-sakra u jwerwer lil martu u lil uliedu hija parti mill-immaġinazzjoni tagħna lkoll għax smajna b’inċidenti bħal dawn, qrajna fuqhom jew nafu min għadda minn dawn l-esperjenzi.
Iżda m’hemmx għalfejn ikun hemm il-vjolenza fiżika biex it-tfal ibatu minħabba li missierhom jew ommhom jixorbu. L-inċertezza, l-ansjetà li tiġi mill-biża’ minn dak li jista’ jiġri, l-inkonsistenza billi daqqa l-ġenitur jurik li jħobbok, jifhmek u jagħti kasek, drabi oħra, meta jixrob iwarrbek u jagħtik x’tifhem li m’intix importanti daqs ix-xorb, l-argumenti bejn il-ġenituri, is-sens ta’ mistħija meta t-tfal jirrealizzaw li l-familja tagħhom differenti minn oħrajn, kollha jistgħu jaffettwaw ħażin lit-tfal li jgħixu f’familji fejn hemm l-abbuż mix-xorb.
Nitqarrqu jekk naħsbu li huma biss it-tfal imfarfrin, jew għall-inqas dawk li huma kbar biżżejjed biex jifhmu x’ikun għaddej fil-familja, li jbatu l-konsegwenzi tax-xorb tal-ġenituri. Hemm diversi studji li juru li anke tfal ta’ età żgħira ħafna jiġu affettwati u mhux ftit.
Żewġ studjużi Amerikani, Kenneth Leonard u Rina Eiden, studjaw l-iżvilupp ta’ tfal żgħar li kellhom missierhom alkoħoliku meta kellhom sena, imbagħad sena u nofs, imbagħad sentejn u imbagħad tliet snin u qabbluh ma’ l-iżvilupp ta’ tfal daqshom li ma kellhomx missierhom alkoħoliku.
Leonard u Eiden sabu li meta t-tfal kellhom sena, il-missirijiet li kellhom problema bix-xorb kienu jkellmu lil uliedhom inqas mill-missirijiet l-oħra, kienu inqas konxji mill-imġiba ta’ wliedhom, kienu jesprimu aktar emozzjonjiet negattivi u kienu aktar nervużi ma’ uliedhom. Meta t-tfal kellhom sena u nofs kienu juru aktar sintomi ta’ dipressjoni u ansjetà imqabbla ma’ dawk it-tfal ta’ l-età tagħhom li ma kellhomx missierhom alkoħoliku.
Nistgħu ngħidu bla tlaqliq li x-xjenza tikkonferma u ssaħħaħ dak li jgħidilna s-sens komun u li għallmuna l-esperjenzi tagħna. Studju wara l-ieħor juruna li aktar mat-tfal idumu jgħixu f’ambjent fejn hemm xi ġenitur li jabbuża mix-xorb, aktar se jgħaddu minn għawġ u se jkollhom problemi. It-tfal subien ta’ min jixrob aktar hemm ċans li jkollhom problemi ta’ saħħa mentali, li jkunu mqarbin ħafna u aggressivi. Barra minn hekk, il-ġenituri li jixorbu ma jkunux kapaċi jkejlu sew kemm għandhom iżommu dixxiplina: jew ikunu stretti wisq ma’ wliedhom jew ma jżommulhomx biżżejjed.
Ta’ min isemmi wkoll li dawk li għandhom mill-anqas wieħed mill-ġenituri jixrob hemm aktar ċans li huma wkoll ikollhom problemi tax-xorb ’il quddiem. Waħda mir-raġunijiet hija l-ġenetika: dak li jkun ‘jiret’ mingħand il-ġenituri t-tendenza li jabbuża mix-xorb. Imma l-ġenetika mhix l-unika spjegazzjoni. F’dawn l-affarijiet l-ulied għandhom tendenza qawwija ‘jikkupjaw’ l-għemil ta’ missierhom jew ommhom. Mhux hekk biss, f’familja fejn hemm xi ħadd jixrob se jkun hemm aktar ansjetà u inċertezza li jistgħu jħajru lil dak li jkun li jfittex solliev fix-xorb. Naturalment f’familja bħal din ix-xorb se ssibu faċilment.
X’jista’ jsir biex inħarsu lit-tfal minn dan l-abbuż? Importanti li nxerrdu l-kelma u nwasslu l-messaġġ li hemm għajnuna professjonali kemm għal min jixrob u kemm għal dawk tal-familja tiegħu, kemm kbar, kemm żgħar. L-għajnuna tista’ tingħata lil tal-familja, anke jekk il-persuna li tixrob ma tkun trid tagħmel xejn fuq il-problema. Sempliċi telefonata fuq numru li ħafif ħafna biex tiftakru – 151 – u li ma tiswilekx ċenteżmu hija biżżejjed. Ħadd ma jkun jaf bil-problema tiegħek ħlief min ikun qed jaħdem miegħek biex jgħinek.
Anke jekk inti taf b’xi ħadd li għandu l-problema tax-xorb fil-familja tista’ tirreferih billi ċċempel 151. Ngħiduha bil-quddiem li f’dawn iċ-ċirkustanzi – jiġifieri fejn min qed jitlob l-għajuna mhuwiex membru tal-familja fejn qed isir l-abbuż mix-xorb – ikun aktar diffiċli li jsir intervent.
Imma min jaf b’sitwazzjonjiet bħal dawn m’għandux x’jitlef jekk iċempel 151 u jfiehem lil min iwieġbu li hemm min għandu bżonn l-għajnuna. Manuel Mangani hu uffiċjal
ma’ l-Aġenzija Sedqa |
 |

Download the front page of ILLUM in PDF format

Ara x'se jkun hemm f'Reporter
ta' nhar it-Tlieta
Għafas hawn



|