15 ta' Lulju 2007 • Nr 37

Arkivji




 

 

 

15 ta' Lulju 2007
Qalb il-katusi ta’ Ħal Far

Ma nistħix minnek, imn’Alla jkunu dawn l-erba’ kelmiet kull ħmistax fejn niftaħ ftit qalbi miegħek għax inkella ma nafx kif kont ngħaddiha f’dan il-misħut kamp.
Biex timmaġina ftit fiex ninsab hawnhekk, itla’ waħda sa Ħal Far biswit il-kappella ta’ Patri Dionisju hekk kif taqbeż ir-roundabout. Imdawwar bil-gauze wire li kien sar biex jgħasses il-katusi tad-drenaġġ hemm xi 12-il kamp tal-kanvas wieħed fejn l-ieħor taħt xemx tiżreġ u taqli l-bajd.
Jien ninsab bejn wieħed u ieħor f’kamp bħalma hemm qalb il-katusi ta’ Ħal Far. Bid-differenza li x-xemx ta’ Lixandra taqli u tiżreġ id-doppju dik ta’ Malta. F’Malta jieħdu minuta biex jaqlu bajda fuq is-simenta u hawnhekk tieħu 10 sekondi biex tinqela minn quddiem u minn wara. Tajjeb li Malta tgħassu mhux biss fuq il-klandestini imma anki l-katusi biex mhux biss ma tarmu xejn, eżatt kif jgħid Alfred Sant li ħadd u xejn m’hu għar-rimi, imma skond dak li għadni kif qrajt fit-Times tant għandkom min għandu ġuħ li anki l-karozzi tal-vittmi tat-traġedja tal-kamra tan-nar ta’ Santa Liena spiċċaw serqu u lanqas ġiethom ħniena mill-familjari tagħhom.

Kelma ta’ bużnannu
Bħala l-bużnannu tas-soċjaliżmu f’Malta, minbarra li jien mixwi fix-xemx u mgħolli fis-sħana, ninsab ukoll imnixxef u mibluh b’dak li għadni kif smajt li qal wieħed Deputat Laburista Żurrieqi dwar kif il-klandestini qed jinvadu x-xarabanks ta’ Birżebbuġa.
Issa trid tkun vera minn wara l-muntanji biex bħala Deputat Soċjalista tipproponi li tagħmel sistema segregata tat-trasport għall-klandestini. Għax trid altru tkun għajnbaqru, bajju u ċuċ mill-kbar f’dik li hi storja biex dan ma jafx li waħda mill-ikbar battalji li għamel ir-reverendu Martin Luther King fil-ġlieda li mexxa għad-drittijiet ċivili tas-suwed, kienet propju kontra l-liġijiet ta’ Jim Crow li kienu jgħidu li s-suwed kellhom iċedu posthom lill-bojod fuq il-karozzi tal-linja.
Issa jekk dan il-bravu minn Nigret ried jidher tal-gustuż mal-kostitwenti tiegħu ta’ Birżebbuġa u tal-Marsa seta’ ssuġġerixxa, ngħidu aħna, li jiżdiedu l-vjaġġi tax-xarabanks jekk tant qed tikber id-domanda għalihom. Inkella seta’ talab li fuq dik ir-rotta jintużaw id-double-deckers tal-Garden Garage.
Imma li toħroġ b’anakroniżmu storiku bħal dak hi assolutissimament xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Li kieku kont għadni nfekkren fil-politika ta’ Malta lil dan id-deputat novizz kont indewwaqlu daqqtejn kif imiss fuq sormu biż-żarbun tal-militar li tawni dawn il-qammillin Ingliżi li għoġobhom jikkonfinawni hawnhekk.
Meta l-politika, mhux biss f’Malta imma fil-bqija tad-dinja, tappella għall-populiżmu vixxerali li jiġri wara l-voti mingħajr ebda sens ta’ direzzjoni jew twemmin ittendi li tagħmel bħal ċirku mejt fejn ix-Xellug faċilment jaf jispiċċa jitwaħħad mal-Lemin.
Dan id-deputat wera biċ-ċar li lanqas biss jaf fejn joqgħod l-Abc tal-Laburiżmu Malti aħseb u ara kemm jaf fejn joqgħod l-Abc tas-Soċjaliżmu Internazzjonali.
Dawn l-Ingliżi, li kontra qalbi kelli nagħmilha magħhom, tant huma xħaħ u qammilin li fil-kamp għandna l-istess erba’ tużżana kotba u spiċċajna naqrawhom għal ma nafx kemm-il darba biex ngħaddu siegħa żmien.
Rajt Malta Tinbidel ta’ Herbert Ganado rabba’ l-kallu daqs kemm-il darba qrajtu. F’dan il-ktieb għandek issib konferma ta’ kemm il-Lemin xi kultant jiltaqa’ max-Xellug politiku propju fejn l-inqas tistennih. Nerik Mizzi u Duminku Mintoff kellhom rispett u ammirazzjoni kbira għal xulxin. Ħafna jiftakru bl-eloġju kbir li kien għamel Mintoff lil Nerik meta miet fil-kariga ta’ Prim Ministru.
Imma ftit huma dawk li jafu bl-ammirazzjoni kbira li kellu Nerik għaż-żgħażugħ Duminku Mintoff. Mizzi tant kien anti-imperjalista u filo-Taljan li meta ra lil Mintoff jitqabad ma’ l-Ingliżi, Mizzi spiċċa mmesmerizzat warajh. Tant hu hekk li Herbert Ganado kien ħass li kellu għalfejn jiġbed l-attenzjoni ta’ Nerik Mizzi biex joqgħod lura milli jfaħħar u jafda lil Mintoff.
U b’dan il-ħsieb se jkolli nħallik għal-lum. Ta ta u żomm sod fit-twemmin tiegħek!

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt