Sa ċertu punt Lawrence Gonzi qed jiġrilu bħalma kien ġralu Karmenu Mifsud Bonnici bejn l-1984 u l-1987. Gonzi bħal Mifsud Bonnici ma kienx elett mill-poplu bħala prim ministru imma spiċċa Kastilja għax kien elett kap mill-partit tiegħu. Kien il-predilett u l-magħżul, midluk minn ta’ qablu. Il-partit tiegħu, li ilu għal dawn in-numru esaġerat ta’ snin fil-gvern bl-istess tużżana ministri, bl-istess klikek ta’ akkolti mdawrin magħhom, ixxotta mill-ideat, tqadded, iffossillizza u rabba l-koċċli fil-poter.
Gonzi ma kellux kuraġġ biżżejjed fih innifsu biex jagħmel żabra ġenerali u jnaqqi l-imranċat u jneħħi l-imħassar mill-kabinett tal-ministri. Fit-tliet snin li għaddew baqa’ bl-istess ministri fil-kabinett bl-eċċezzjoni ta’ John Dalli għax bħal donnu ma kienx jazzarda jiddisturba l-istatus quo impost bl-għażliet li kienu saru minn ta’ qablu. Ippermetta lill-predeċessur tiegħu jaqbeż minn kariga għall-oħra minflok ma nsista miegħu li jirtira kompletament mix-xena pubblika. Bit-tama li maż-żmien b’xi mod jirrimonta mill-abbissi tal-popolarità baxxa li qed igawdi bħalissa, x’aktarx li anki minn dan l-aspett Lawrence Gonzi se jispiċċa jagħmel bħal Karmenu u jibqa’ jkaxkar sa l-aħħar żmien li tippermettilu l-Kostituzzjoni biex isejjaħ elezzjoni.
Fl-1987 ħafna kienu dawk fil-kamp Laburista li minn banda xtaqu li l-partit ikompli jirbaħ u jittrijonfa u mill-banda l-oħra kienu qed jaraw il-kitba fuq il-ħajt li kien meħtieġ li l-partit imur fl-Oppożizzjoni biex jirriġenera ruħu u jirranġa fejn kellu bżonn jirranġa. Kien mument ta’ skizofrenija politika tiegħi u ta’ oħrajn li fl-istess ħin li ridna lill-partit jirbaħ, kontra qalbna ridnieh ukoll jitlef. Forsi għax l-unika triq għar-rebħ veru kien proprju li f’dak il-mument jitlef. M’għandnix xi ngħidu, huma twal wisq 18-il sena fil-gvern ta’ pajjiż żgħir bħal tagħna fejn il-gvern jistħajjel li hu l-bidu u t-tmiem ta’ kollox u fejn bejn elezzjoni u oħra prattikament għandek dittatura virtwali bil-pulit għal ħames snin.
Mugliett
It-Tnejn li għadda segwejt dak li kien għaddej fil-Parlament dwar l-ittra li aktar kmieni fil-ġurnata Alfred Sant bagħat lill-iSpeaker Anton Tabone fejn talbu jiċċensura formalment lill-Ministru Jesmond Mugliett. Sant argumenta li Mugliett kien gideb lill-Parlament meta ġimgħa qabel dan kien stqarr li kienet ‘deċiżjoni kollettiva’ li wasslet biex iż-żewġ eks impjegati li nstabu ħatja ta’ korruzzjoni ma tkeċċewx b’effett immedjat imma tħallew b’nofs paga pendenti sakemm inqatgħet it-talba li għamlu għall-maħfra presidenzjali li mbagħad wara rriżulta li kemm il-Bord u anki l-Kap Eżekuttiv ta’ l-ADT ma kinux qablu ma’ din id-deċiżjoni.
Kienet qisha biċċa teatru ta’ l-assurd meta Alfred Sant ipprova jipperswadi lil Tabone li Mugliett kien qarraq bil-Kamra meta kien aktar minn ovvju li lanqas f’elf sena ma stajt timmaġina l-Ispeaker, li hu wkoll deputat Nazzjonalista jasal biex jiċċensura lill- ministru tal-partit tiegħu stess.
X’jiswa li jkollok Speaker li suppost hu ’l fuq miż-żewġ naħat, imparzjali u indipendenti, meta f’mumenti kruċjali bħal dawn dejjem se jiġbed lejn xawwat in-naħa tal-gvern għax bħala deputat u kandidat Nazzjonalista ma jista’ qatt jaqta’ l-kurdun umbelikali minn mal-partit tiegħu?
X’jiswa li jkollok Awditur-Ġenerali mwaqqaf bil-Kostituzzjoni biex jiżgura l-kontabbiltà fin-nefqa pubblika, jekk imbagħad meta dan jinvestiga kwistjonijiet li jistgħu jimbarazzaw politikament lill-gvern bħal fil-każ tal-VOM, l-Awditur Ġenerali u l-istaff tiegħu jispiċċaw iċċensurati u investigati wara mozzjoni li saret mill-ministru Agostino Pio Gatt?
X’jiswa li jkollok awditur intern fil-MEPA jekk imbagħad tispiċċa żżarmah għal kollox mill-għodod meħtieġa biex dan ikun jista’ jaqdi d-dmirijiet u l-funzjonijiet tiegħu bis-serjetà? Jekk l-awditur intern tal-MEPA hu maħsub biex tassew jopera b’mod indipendenti mit-tmexxija eżekuttiva ta’ din l-Awtorità, il-loġika tgħidlek li l-għażla ta’ l-istaff tiegħu m’għandux tiġi mposta fuqu mill-Awtorità imma għandu jkun hu stess li jagħmel l-għażla.
Jidher li bejn Gonzi u sħabu l-ministri nibtet ċerta familjarità li fil-prattika għamlitha diffiċli ghalih li jbiddel fejn meħtieg ħalli ma jkomplix iqammel. Milli jidher f’‘it-tiġrija bejn il-ħbieb’ għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista saru ċerti kompromessi u kontro-kambji għall-appoġġ li kien imwiegħed lil Gonzi bil-konsegwenza li kulmin appoġġjah spiċċa tħalla f’postu.
Li ma kienx hekk kif tispjega li ministru bħal Francis Zammit Dimech, li fis-snin li għaddew spikka l-aktar għall-inkompetenza tiegħu, xorta waħda tħalla f’postu minkejja dawk ir-riżenji kollha li kellu fil-Bord tal-MTA u minkejja r-riżultati medjokri bil-miri li ma ntlaħqux fit-turiżmu?
F’termini elettorali Gonzi ma kienx jaffordja jwarrab lil xi ħadd bħal Zammit Dimech li medjokri kemm hu medjorki jirnexxielu minn hemm u minn hawn bit-tqassim tat-teddy bears u pjaċiri oħra jitla’ miż-żewġ distretti, distrett minnhom fejn jeżisti ferment liema bħalu fost il-votanti Nazzjonalisti. Gonzi qed ikollu jġorr lil FZD fuq dahru, żgur fl-interess tal-pajjiż imma fl-interess tal-partit, jekk iħares biss sal-ponta ta’ mnieħru.
Ludo
Gonzi jinsab maqbud f’morsa għax bit-tama li jżomm fil-wiċċ qed jispiċċa jinġarr mal-kurrent flok jidderieġi t-tmun biex jofroq il-ħalel tal-mewġ. Meta Gonzi baqa’ jistina rasu li ma jagħmel ebda tibdil fil-kabinett kien qed jarmi karta importanti minn idejh li permezz tagħha l-PN seta’ jiġi riġenerat fil-gvern mingħajr ma jkollu għalfejn imur fl-oppożizzjoni biex jagħmel dan. Kulma jmur id-dehra ta’ l-istess erba’ wċuh jiddominaw ix-xena pubblika, jippuppaw u jippużaw quddiem il-kameras ta’ l-aħbarijiet għal dawn is-snin kollha qed issir insapportabbli għal iktar u iktar nies. Kienet dehra tat-tqalligħ dik li rajna m’ilux fl-aħbarijiet ta’ Louis Deguara u Helen D’Amato flimkien ma’ numru ta’ anzjani u numru ikbar ta’ assistenti jilagħbu l-ludo u l-iskittles meta nfetħet speċi ta’ games room f’San Vinċenz fejn mhux żgur intefqu b’kemm jiswew ftit għexieren ta’ liri b’kollox.
L-alternanza fil-poter hi waħda mis-salvagwardji ewlenin fis-sistema demokratika. Bħala regola, partit politiku m’għandux jagħmel aktar minn żewġ leġislaturi fil-poter għax jibda jsaddad u ddur għalih il-moffa. Dan ma ngħidux jien imma Eddie Fenech Adami li niftakru jgħid li ċ-ċiklu naturali ta’ kull gvern hu ta’ żewġ leġiżlaturi u mhux iktar.
Din ir-regola taċ-ċikli politiċi mill-Indipendenza ’l hawn ħadmet dejjem tista’ tgħid... fl-1971, fl-1981/87, fl-1996 u ma ħadmitx fl-1998 għax ġara dak li ġara. B’dan il-kejl in-Nazzjonalisti ilhom li skadew imma x’se jiġri fl-2008 hu l-poplu li jħoll u jorbot.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt