15 ta' Lulju 2007
24 siegħa jaħsibha jaċċettalux ir-riżenja
Kien lejl imqalleb għall-Ministru Jesmond Mugliett dak ta’ bejn it-2 u t-3 ta’ Lulju waqt li kien qed jistenna l-Prim Ministru jiddeċiedi jaċċettalux ir-riżenja.
Mugliett ma ħax it-tweġiba jekk kienx se jżomm postu fil-Kabinett jew le dakinhar stess li offra r-riżenja, jiġifieri t-Tnejn 2 ta’ Lulju wara nofsinhar. Il-Prim Ministru qallu li kien se jirrifletti fuq id-deċiżjoni. Ir-risposta ġiet l-għada t-Tlieta, 24 siegħa wara.
F’dawk is-sigħat kruċjali għall-futur politiku ta’ Mugliett, hu mifhum li l-Prim Ministru serraħ ħafna fuq il-pariri li tawh l-istrateġisti l-iktar qrib tiegħu f’Kastilja. Mhux eskluż li minbarra d-dettalji tal-każ id-deċiżjoni kienet imsejsa wkoll fuq xi ħsara seta’ jġarrab il-Partit Nazzjonalista b’riżenja ta’ ministru lejlet l-elezzjoni ġenerali.
Jidher iżda li d-deċiżjoni li r-riżenja ta’ Mugliett ma tkunx aċċettata ttieħdet bejn l-erba’ ħitan f’Kastilja mingħajr is-sehem tal-partit.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Joe Saliba kkonferma li qatt ma kien konsultat dwar il-każ Mugliett.
Saliba sostna li l-Prim Ministru fl-ebda ħin ma talbu parir dwar jekk għandhiex tkun aċċettata r-riżenja ta’ Mugliett.
Il-Ministru tat-Trasport inqabad f’urugan wara li żewġ uffiċjali għolja ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport qalu li kien il-Ministru stess li fi Frar li għadda ddeċieda biex żewġ ħaddiema ta’ l-ADT ħatja ta’ korruzzjoni ma jitkeċċewx minnufih skond dak li ddeċidiet il-qorti.
Meta mistoqsi minn din il-gazzetta jekk kieku kien konsultat kienx jagħti parir lil Gonzi biex jaċċetta r-riżenja ta’ Mugliett fid-dawl ta’ elezzjoni li tinsab fil-qrib, Saliba sostna li “il-kwistjoni msemmija m’għandha x’taqsam xejn ma’ l-elezzjonijiet.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-PN qal li l-Gvern ma jiħux deċiżjonijiet ta’ dan it-tip b’rabta ma’ elezzjoni ġenerali. Iżda Saliba fl-ebda ħin ma eskluda li l-parir tiegħu kien ikun biex ir-riżenja tkun aċċettata.
Saliba se jkun wieħed mill-mistednin fil-programm televiżiv Reporter bi produzzjoni ta’ Mediatoday li se jixxandar fuq TVM nhar it-Tlieta 17 ta’ Lulju. Dan il-programm se jitratta l-kultura tar-riżenji.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt