15 ta' Lulju 2007 • Nr 37

Arkivji




 

 

 

15 ta' Lulju 2007

Mugliett, korruzzjoni, riżenji u maħfriet

TONI

Intqalu ħafna affarijiet fuq il-każ ta’ Jesmond Mugliett iżda għadhom ma ntqalux l-aktar affarijiet importanti. Meta każ bħal dan jispiċċa speċi ta’ ballun fil-ġardina tal-politika partiġġana, bl-għaġġla biex kulħadd jgħid tiegħu l-ewwel, jaqbżulna ċerti dettalji li fis-sewwa jistgħu jkunu s-sustanza ta’ l-argument kollu.
Nifhem li f’Malta l-kultura ta’ riżenji eċċellenti hi skarsa. Kienu ftit l-okkażjonijiet li bihom dak li jkun jista’ jibni din il-prassi politika. Fl-Ewropa, li aħna b’widnejna dejjem nisimgħu, kien hemm diversi minn dawn ir-riżenji. Edwina Curry, Ministru Ingliż għall-Agrikoltura, irriżenjat għax kienet qalet il-verità li fil-bajd tat-tiġieġ x’aktarx kien hemm is-salmonella. F’kelma waħda kellha tirriżenja għax fetħet għajnejn in-nies!
Xi sentejn ilu Ministru għat-Trasport Portugiż (sic) irriżenja għaliex pont iġġarraf minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni li proprjament kienet responsabbli għalih l-amministrazzjoni ta’ qabel. Minn dawn ir-riżenji eċċellenti kellna diversi oħrajn fil-kontinent Ewropew. Kien hemm dik ta’ Carlo Donat Cattin fl-Italja. Dik ta’ Willy Brandt fil-Ġermanja u oħra fl-Ingilterra ta’ David Blunkett. Kollha irriżenjaw għal raġunijiet ħafna inqas serji minn dawk ta’ Jesmond Mugliett.
Iżda kif qalli wieħed li mhux skular, aħna lill-Ewropa fit-taxxi biss nimitawha: għall-bqija nsibuha komda biex ma nimitawha f’xejn. Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li biex jirriżenja Ministru minħabba xi att ta’ korruzzjoni fil-ministeru tiegħu mhux neċessarju li jiġi ppruvat li hu kellu x’jaqsam ma’ l-att fih innifsu. Ninsabu fil-kamp politiku u mhux dak penali!
Il-Gvern kien jaqbillu jargumenta b’dan il-mod biex inaqqas mill-ħsara, mentri l-Oppożizzjoni dan il-punt bħal donnha m’għamlitx enfasi biżżejjed fuqu. Mhux aċċettabbli li f’każijiet rampanti ta’ korruzzjoni dejjem jeħlu ta’ taħt, dejjem jirriżenjaw l-uffiċjali u l-ministru qatt. Mill-każ ta’ Mugliett għamilna pudina istituzzjonali li qatt ma rajt bħalha.
Il-gravità tal-każ kibret meta Franco Selvaggi, il-kap ta’ l-ADT, ried li jittermina l-impjieg ta’ tnejn li nstabu ħatja ta’ tixħim u l-Ministru Jesmond Mugliett intervjena peress li kien hemm talba għall-maħfra presidenzjali li jfisser li kieku din ingħatat allura kienet tinfluwenza fuq l-impjieg fis-sens li jinżammu. F’dawn iċ-ċirkostanzi ħareġ x’injoranza kbira u x’nuqqas ta’ sensittività politika għandhom il-politiċi tagħna.
Qabel xejn maħfra ma tfisser xejn! It-tebgħa ta’ min jinstab’ ħati tibqa’ hemm. Maħfra tfisser biss li jinħafer il-kastig iżda mhux il-ħtija. Agħar minn hekk, għalkemm skond Artiklu 93 tal-kostituzzjoni, il-maħfra tingħata mill-President, dan dejjem jaġixxi fuq il-parir tal-kabinett. Fi ftit kliem Jesmond Mugliett b’dak li kien qiegħed jitlob ġibed lil sħabu ministri kollha miegħu. Xi ħaġa li diġà għamel, għax jidher li persuna oħra fl-istess sitwazzjoni ta’ dawk li talbu l-maħfra ngħata maħfra u għadu fl-impjieg!
Libera nos Domino! Jien ngħid li Franco Selvaggi irriżenja mill-kariga tiegħu għax ma felaħx aktar u mhux għal xi raġuni mfassla għall-istampa!
F’din iż-żifna ta’ ‘square dancing’ politiku anki l-President tar-Repubblika jidħol fin-nofs. Skond artiklu 78 tal-Kostituzzjoni l-awtorità eżekuttiva ta’ Malta hi fil-President permezz ta’ uffiċjali subordinati għalih. Fost dawn l-uffiċjali subordinati hemm il-ministru, allura Jesmond Mugliett.
Qiegħed ngħid dan għaliex il-President attwali ma ddejjaqx jgħid, biex jidher sabiħ ma’ min hu konfessjonali, li f’każ ta’ liġi li tmur kontra l-kuxjenza tiegħu, bħalma hu d-divorzju, ma jiddejjaqx li ma jagħtix il-kunsens tiegħu għaliha. Għalhekk niskanta kif f’din is-sitwazzjoni, apparti l-obbligu kostituzzjonali li jġorr, mhux biss ma sab xejn li tniggiżlu l-kuxjenza, iżda diġà saħansitra ħafirha lil wieħed u għandi nifhem bil-parir tal-kabinett kollu!
Meta l-poplu inġenerali jibda jara dan kollu, jibda jitħawwad. Kif min hu bniedem ordinarju meta jagħmel żball, il-Ministru jaqa’ bħal tunnellata ċomb fuqu, u meta jiżbalja bl-ikrah Ministru, lanqas imħadda rix ma tolqtu? Anzi jinħasel bil-pulit!
Bħal tromba tar-riħ dawn l-avvenimenti ġibdu anki lill-Prim Ministru.
Tgħidx kemm dħakt u fl-istess ħin bkejt meta smajt li Jesmond Mugliett ta r-riżenja tiegħu lill-Prim Ministru. Kont tistenniha daqs kemm wieħed jista’ jistenna li filgħodu titla’ x-xemx u filgħaxija l-qamar, li din ir-riżenja ma kinitx se tkun aċċettata. Bħal meta Eddie Fenech Adami kien ta r-riżenja wara l-każ ta’ Emanuel Camilleri u ma ġietx aċċettata mill-President ta’ dak iż-żmien Ugo Mifsud Bonnici. L-ogħla istituzzjonijiet, tal-Prim Ministru u dik tal-President intużaw bħal speċi ta’ magna ta’ ħasil biex mingħalihom il-poplu jemmen li ġaladarba ma ġietx aċċetata r-riżenja allura mhemm xejn gravi.
Proprju meta l-Gvern qiegħed b’ħafna pompa jiftaħar li issa għandna liġi dwar l-amministrazzjoni pubblika, il-Prim Ministru beda bl-agħar eżempju possibbli, meta rrifjuta r-riżenja ta’ Mugliett – kulħadd jaħfer lil xulxin. Fis-sewwa l-Prim Ministru ma setax jagħmel mod ieħor għaliex jekk wieħed diġà ngħata maħfra, il-Kabinett kellu x’jaqsam magħha peress li l-President aġixxa fuq il-parir tiegħu!
Kif seta’ allura jaqa’ fil-kontradizzjoni li jaċċetta r-riżenja ta’ Jesmond Mugliett? Tibda taħseb li kollox huwa ‘stage managed’.
Apparti dan kollu, il-mod kif il-Prim Ministru ttratta ma’ Mugliett jikkontrasta ħafna mal-mod kif ittratta ma’ l-eks Ministru John Dalli, li llum irriżulta li kien framed up minn xi ħadd. Ir-riżenja ta’ John Dalli mhux biss aċċettaha iżda kienet preċipitata mill-Prim Ministru stess. Wara li rriżulta li l-bażi prinċipali ta’ din ir-riżenja sfurzata kien rapport ta’ ċertu Joe Zahra li llum irriżulta li hu falz, il-Prim Ministru lanqas kellem lil John Dalli aħseb u ara kemm talab skuża.
Meta wieħed jiftakar li John Dalli dejjem kien joffri xi xorta ta’ rivalità lill-Prim Ministru, kemm fuq pjan politiku, kif ukoll intellettwali, wieħed jintebaħ kemm għamilna pudina mħawra b’kollox mill-każ ta’ Jesmond Mugliett!
Artiklu 79 tal-Kostituzzjoni jgħid hekk: “Il-Kabinett ikollu d-direzzjoni ġenerali u l-kontroll tal-Gvern ta’ Malta u jkun responsabbli kollettivament dwar hekk lejn il-Parlament.” Issa f’dan kollu qiegħed nilmaħ kollox, minbarra, direzzjoni, kontroll u responsabbiltà. L-aqwa li l-qassisin fil-politika jaħfru u jagħtu assoluzzjoni lil xulxin. Min qal li Disney Land qiegħdha f’Orlando u Pariġi biss?

PEPPI

Fil-Palazz ta’ San Anton konna nżommu r-rigali kollha awditjati li kienu jidħlu għall-Istrina. Kien ikollna ċavetta aħna l-organizzaturi u ċavetta s-suldati li jkunu għassa mal-post.
Il-post kien jinfetaħ biż-żewġ ċwievet flimkien u għalhekk la aħna ma stajna niftħu weħidna u suppost lanqas is-suldati. Allura kien misteru kbir meta sibna li kienu naqsu tmien mobiles li kienu ntrebħu fl-Istrina. Ironikament marti Mandy, voluntiera fl-Istrina, kienet l-aħħar persuna li daħlet fil-post qabel insterqu.
Kif kien dmiri li nagħmel irrappurtajt lill-Pulizija li investigaw u sabu fejn kienu l-mobiles. Instabu għand żewġ suldati. Ittellgħu l-Qorti, instabu ħatja u tkeċċew. Għal ftit mobiles kienu tilfu kollox. Huma u l-familji tagħhom. Wara s-sentenza ippruvajt ngħin biex għall-inqas dawn iż-żewġ suldati ma jispiċċawx lampa stampa. Iżda milli qaluli fhimt li ma seta’ jsir xejn biex ma jkomplux jissallbu. Tilfu kollox.
L-istorja tal-Ministru Jesmond Mugliett fakkritni f’din l-istorja. Kien hemm differenza waħda. Lil dawn iż-żewġ suldati jiena ma kontx nafhom. Fil-każ tal-Ministru Mugliett inzerta li wieħed minnhom għamel xi żmien kanvasser tiegħu. Iżda minkejja li kien kanvasser tal-Ministru dan ma żamm lil ħadd milli jinvestigah u jressqu l-Qorti, kif fil-fatt ġara. Kien ikun korrott il-Ministru Mugliett kieku pprova jżomm milli dan jiġri. Mhux talli ma ġarax hekk talli wara l-ewwel sentenza l-Gvern appella għax qal li s-sentenza kienet laxka wisq.
Sadanittant, kif dejjem jiġri, dawn it-tnejn kienu sospiżi b’nofs paga sakemm il-każ tagħhom ikun konkluż. Il-Qorti ta’ l-Appell tat raġun lill-Gvern, ħarrxet is-sentenza u ordnat interdett perpetwu fuq iż-żewġ persuni ħatja. Tafu xi tfisser din? Li dawn qatt, qatt u qatt ma jistgħu jaħdmu mal-Gvern, ma jistgħux jivvutaw, ma jistgħux jixhdu, ma jistgħux jieħdu sehem f’kuntratti. Dawn iż-żewġ persuni appellaw, kif kellhom kull dritt jagħmlu, għall-maħfra presidenzjali.
Il-Ministru Mugliett f’dan kollu ma daħal xejn. Kulma għamel il-Ministru Mugliett kien li qajjem il-punt li qabel dawn jitkeċċew għal kollox għandhom jistennew x’se jkun il-ġudizzju tal-President. Diġà darb’oħra persuna misjuba ħatja u kkundannata ngħatatilha l-maħfra Presidenzjali u reġgħet ingħatat xogħolha. Meta l-President qatagħha li f’dan l-istadju ma kienx qed jaċċeta t-talba tagħhom, dawn tkeċċew.
Allura x’għamel ħażin il-Ministru Mugliette? Suppost ħasel idejh minnhom għax wieħed minnhom għamel xi żmien kanvasser tiegħu? Hekk għandu jsir quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn? Naħslu jdejna biex aħna nibqgħu nfuħu jiġri x’jiġri lill-persuni l-oħra? L-aqwa li ma jkunux uliedna jew tal-familja għax kieku ibqgħu ċerti, sinjuri qarrejja, li dawk kollha li bħalissa qed jippontifikaw qed jitkelmu mod ieħor. Kieku tgħidx kemm l-istess nies jippruvaw iħabbtu bibien biex xi ħadd juri ħniena magħhom.
L-uniku żball li għamel il-Ministru Mugliett kien li ma spjegax x’għamel fil-pubbliku minn qabel. Allura ma nifhimx dan l-għaġeb kollu li nqala’ fuq dan il-każ.
Mela jiena 28 sena ilu ġibt il-liċenzja tas-sewqan. Dakinhar xi ħadd kien qalli li stajt inħallas u ngħaddi żgur. Kont ħadtha bi kbira dak iż-żmien mhux tant għax korruzzjoni, iżda għax ma ridtx li nġib il-liċenzja għax inkun irranġajt. Ridt ngħaddi għax kapaċi. Ma ħallastx u m’għaddejtx. Bqajt ma ħallastx u fl-aħħar għaddejt.
Nirrakkonta din l-istorja għax il-korruzzjoni kienet, għadha u tibqa’ teżisti. L-unika differenza hi li issa qed jittieħdu passi. Qed jinqabdu. U issa għax qed jinqabdu u jitressqu l-Qorti, minflok ngħidu prosit qed ngħidu x’għarukaża li hawn il-korruzzjoni. X’irridu li jibqgħu moħbija mill-ġustizzja biex fil-vetrina nidhru nodfa? Naqbel li jkun min ikun, dawn l-abbużi m’għandhom ikunu tollerati qatt. Iżda b’ġustizzja mhux b’vendikazzjoni.
F’din id-dagħdigħa politika kollha kulħadd qed jinsa lil dawn iż-żewġ persuni. Ma rridx nagħmel l-istess żball. Għalhekk minn hawn nappella lill-President ta’ Malta biex jikkunsidra biex dawn iż-żewġ persuni ma jibqgħux ikkastigati għall-eternità. Jien lil dawn iż-żewġ persuni ma nafhomx. Iżda nagħmilha ċara li anke kieku kont nafhom, xorta kont nagħmlu dan l-appell.
Għax anke jekk temmen fil-kastigi jidher ċar li hu kastig sproporzjonat b’riħa qawwija ta’ “ġustizzja li mhux biss trid issir imma trid tidher li qed issir.” U biex tidher li qed issir qed insallbu lin-nies u qed nintefgħu nehdew nifirħu narawhom imsallbin għal dejjem.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt