Kurt Sansone
L-eks deputat mexxej tal-Partit Laburista George Vella ma jemminx li Alfred Sant hu problema għall-Partit Laburista u jsostni li l-MLP se jirbaħ l-elezzjoni li ġejja fuq il-merti tiegħu.
F’intervista ma’ din il-gazzetta Vella jgħid li r-riżultati elettorali kollha mill-2003 lil hawn urew li l-Partit Laburista kapaċi jirbaħ b’Alfred Sant fit-tmun u għalhekk m’għandux għalfejn jaħseb mod ieħor.
“Fil-ħajja jeżistu l-fatti u l-perċezzjonijiet,” jgħid Vella meta mistoqsi dwar dak li ħafna jqisu bħala l-mażżra ma’ saqajn l-MLP, Alfred Sant.
“Il-perċezzjonijiet huma iktar faċli biex tbigħhom, iktar u iktar jekk għandek il-media miegħek li tkompli trewwaħ.
“In-Nazzjonalisti kienu tajbin ħafna biex iddemonizzaw lil Alfred Sant u s-suċċess ta’ dik it-tattika kien fil-fatt li anki fost ċerti Laburisti tnissel sens li b’Alfred Sant ma stajniex nirbħu. Madankollu n-Nazzjonalisti kienu għamlu l-istess ma’ Mintoff u ma’ Karmenu Mifsud Bonnici u għalhekk qatt ma nista’ nemmen li l-avversarju politiku tiegħi se jagħtini xi parir, f’dan il-każ biex inbiddel il-mexxej, li bih se jgħini nkun aħjar minnu.”