15 ta' Lulju 2007 • Nr 37

Arkivji




 

 

 

15 ta' Lulju 2007
Sa fl-aħħar... portal bil-Malti għall-Air Malta

Charlot Zahra

Il-linja ta’ l-ajru nazzjonali Air Malta ċediet għall-pressjoni li saret minn bosta individwi u organizzazzjonijiet wara li sar magħruf li l-portal il-ġdid tagħha, li tnieda xi xahar ilu, kien b’erba’ ilsna barranin iżda mhux bil-Malti.
Mistoqsi mill-ġurnal illum dwar il-passi li kienu se jittieħdu mill-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informatika li għandu r-responsabbilità politika għall-Air Malta dwar dan in-nuqqas, kelliem għall-Ministeru qal:
“Dan il-Ministeru jemmen li s-soċjetà ta’ l-informazzjoni Maltija u t-tkattir tagħha jiddependu minn kontenut utli għal udjenzi bil-Malti, u biex ikunu aċċessibbli għal kulħadd il-kontenut għandu kemm jista’ jkun ikun bil-Malti. Il-Ministeru huwa nfurmat li l-Air Malta se timplimenta fil-futur qarib verżjoni Maltija tal-portal il-ġdid tagħha.”
Kelliem għall-Air Malta ikkonferma ma’ dan il-ġurnal li l-linja ta’ l-arju nazzjonali se tintroduċi verżjoni Maltija tal-portal tagħha “ma l-ewwel espansjoni għal-lingwi ġodda ippjanata għall-bidu tas-sena 2008.”

Dan il-ġurnal jinsab infurmat li minn mindu tnieda l-portal il-ġdid ta’ l-Air Malta fit-12 ta’ Ġunju, il-kumpannija rċeviet bosta lmenti mingħand ħafna persuni li għandhom għal qalbhom l-ilsien Malti.
Fost dawn kien hemm ittra li ntbagħtet fis-26 ta’ Ġunju mill-President ta’ l-Għaqda tal-Malti fl-Università, Joseph P. Borg, liċ-Chairman ta’ l-Air Malta Lawrence Zammit, li fiha ntqal li “L-Għaqda tal-Malti tinnota b’dispjaċir li l-websajt tal-linja nazzjonali ta’ l-ajru tagħna tbarri għal kollox ilsienna u mhix tforni l-informazzjoni u s-servizzi tagħha ħlief b’erba’ lingwi barranin – bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u bit-Taljan.
“Aħna jidhrilna li din hi għażla mill-aktar diskriminatorja u l-ebda skuża ma tista’ qatt tkun ġustifikata meta wieħed iżomm quddiem għajnejh li fil-kostituzzjoni tagħna l-Malti huwa l-ilsien nazzjonali u huwa wieħed mill-ilsna uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
“Nixtiequ nfakkru li l-Air Malta hi kumpanija li l-fondi tagħha jiġu mit-taxxi tal-poplu Malti. Għaldaqstant l-Air Malta għandha tirrettifika dan in-nuqqas u taqdi qabelxejn lill-klijenti li jsostnuha.”
Kopja ta’ din l-ittra ntbaghtet lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi, il-President tal-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti Prof. Manwel Mifsud, ir-Rettur ta’ l-Università ta’ Malta Prof. Juanito Camilleri u l-President ta’ l-Akkademja tal-Malti, Dr Marco Galea.
Mistoqsi biex jikkummenta dwar id-deċiżjoni oriġinali ta’ l-Air Malta li ma tagħmilx verżjoni bil-Malti tal-portal il-ġdid tagħha, il-Prof. Mifsud, li huwa ukoll il-Kap tad-Dipartment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, qal lill-ġurnal illum: “Pajjiż li jirrispetta lilu nnifsu jaħtaf kull okkażjoni biex jirreklama dak kollu li jagħmlu nazzjon b’identità tiegħu, bħalma huma l-kultura, l-istorja u l-ilsien.  Malta mhux hekk. 
F’Malta bosta individwi u għaqdiet, u anke istituzzjonijiet nazzjonali għadhom ma aġġornawx ruħhom mal-ħsieb Ewropew, għadhom jistħu minn dak li l-UE qed tfehimhom li hu xieraq, tajjeb u dinjituż. Għadhom ma qamux għal din ir-realtà ġdida ta’ Malta nazzjon żgħir fost in-nazzjonijiet.  Għadhom jaħsbu b’moħħ kolonjali, u jġibu elf skuża għal għemilhom.
“L-UE tħallas ħafna flus għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni għall-Malti u ma ssejħilhomx flus moħlija.  Imma l-Air Malta, linja li tridha ta’ nazzjonali, ġabet l-iskuża banali li kellha flus biżżejjed għall-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż u l-Ġermaniż, imma ma kellhiex għall-Malti! U lil min ilmenta wegħditu li ’l quddiem tista’ tikkonsidra li tinkludi l-Malti ‘bħala lingwa oħra’. Il-Malti mhux lingwa oħra, huwa l-unika lingwa ta’ Malta għalkemm ninqdew ukoll bl-Ingliż bħala lsien uffiċjali, u kull servizz pubbliku f’Malta għandu jingħata qabelxejn bil-Malti, imbagħad imqar b’20 lingwa oħra.
“Din hija sitwazzjoni mhux biss inaċċettabbli, imma assurda.  L-Air Malta hija isssussidjata bil-qawwi mit-taxxi taċ-ċittadin Malti, li mbagħad meta jmur jinqeda jsib li fis-servizz ta’ l-Air Malta ma jistax juża l-Malti!  Hekk sewwa, iż-żiemel tiegħi, u nirkeb wara!
 “Għalhekk din issa hija wkoll responsabbiltà tal-Gvern Malti li jiżgura li l-Air Malta tirrispetta l-identità Maltija u li tkun ta’ servizz ukoll lil dawk il-ħafna Maltin li jinqdew qabelxejn bil-Malti.  Ma ninsewx li anke l-UE tisħaq li kull ċittadin għandu d-dritt jagħmel talba bi lsien twelidu u jirċievi tweġiba bl-istess lingwa.  Imma dan kollu għall-Air Malta donnu ma jgħoddx, billi laħqet ħadet ‘deċiżjoni kummerċjali’.
“Issa jekk din kienet deċiżjoni kummerċjali li l-Air Malta ħadet bil-libertà kollha, l-Air Malta għandha tiftakar li tkun deċiżjoni kummerċjali wkoll dik li jieħu bil-libertà tiegħu kull ċittadin Malti li, quddiem l-għażla ta’ alternattivi ta’ servizzi ta’ l-ajru, jagħżel is-servizz ta’ min jirrispettah verament,” wissa Mifsud.
Mistoqsi jekk kienx hemm xi interventi min-naħa tal-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti ma’ l-awtoritajiet jew ma’ l-Air Malta nnifisha sabiex is-sitwazzjoni tkun rimedjata u x’kien l-eżitu tagħhom, Mifsud fisser li l-Kunsill tal-Malti mhuwiex grupp ta’ pressjoni, u sa issa għadu ma ħa l-ebda azzjoni diretta. 
“Mindu nqalgħet din il-kwistjoni ftit ilu aħna qed insegwu l-każ u ninsabu infurmati li bosta ċittadini diġà lmentaw ma’ l-Air Malta dwar din l-imġiba.  Il-biċċa tqanqlet fuq forum ta’ l-Internet u kellha diwi qawwi wkoll fil-programm Kellimni bil-Malti li nieħu sehem fih fuq l-RTK. 
“Aħna kuntenti li n-nies irreaġew spontanjament u b’konvinzjoni, u ninsabu fiduċjużi li l-Air Malta qed tieħu l-messaġġ li dawn l-affarijiet illum ma jibqgħux għaddejjin kif ġieb u laħaq u li l-iżball li sar irid jissewwa mill-aktar fis b’deċiżjoni iktar għaqlija.  Jekk naraw li dan ma jiġrix, allura l-Kunsill tal-Malti mhux se jibqa’ lura milli jieħu l-passi biex l-ilsien nazzjonali jkun rispettat kif jixraqlu mil-linja ta’ l-ajru nazzjonali,” sostna Mifsud. 
Mistoqsi jekk jaħsibx li n-nuqqas ta’ verżjoni bil-Malti tal-websajt ta’ l-Air Malta ma jagħmilx sens lanqas mill-aspett kummerċjali meta tqis li għadd konsiderevoli ta’ nies jew ma jafux bl-Ingliż jew jippreferu jużaw l-Ilsien Malti, il-kelliem għall-linja nazzjonali ta’ l-ajru qal lil illum li l-erba’ lingwi ntagħżlu wara analiżi dettaljata tal-klijenti tagħhom fejn intwera biċ-ċar li madwar 1.3 miljun passiggier (li jammontaw għal 80 fil-mija) li jsiefru kull sena ma’ l-Air Malta huma barranin.
“L-Air Malta minn dejjem kienet minn ta’ quddiem u dejjem ġabet l-interess tal-poplu Malti l-ewwel u qabel kollox. Il-kumpanija ta’ kull sena tagħti ammont konsiderevoli ta’ flus u biljetti ta’ l-ajru lil organizazzjonijiet filantropiċi, kulturali, sportivi u ambjentali li jgħinu lill-komunità Maltija b’xi mod jew ieħor. L-Air Malta topera bejn Malta u 50 destinazzjoni u ħafna minn dawn d-destinazjonijiet toperahom b’sostenn għall-industrija ta’ l-ivvjaggar lokali. Għalhekk l-Air Malta tirribatti bil-qawwa kollha l-kritika li qed tpoġġi l-interess finanzjarju qabel l-ilsien Malti. L-Air Malta kienet hi, u tibqa’, l-unika linja ta’ l-ajru li tpoġġi l-interess nazzjonali Malti qabel l-interess kummerċjali. U dan huwa ppruvat mill-fatti,” qal il-kelliem.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt