15 ta' Lulju 2007
“Id-darts hu l-aktar logħba soċjali”
Hawn min iqisha logħba li ddejqek u kerha. Oħrajn, li huma xi ftit intiżi u forsi jipprattikaw id-darts, jgħidulek li l-isbaħ indoor sport li hawn. Bejn iż-żewġ verżjonijiet ma nafx liema waħda nemmen. “Jgħidu li l-ikraħ logħba li hawn għax qatt ma jkunu lagħbuha. Hija logħba sempliċi li trid bilfors ħafna prattika għaliha. Min hu plejer jgħidlek li d-darts l-isbaħ logħba li hawn. L-aktar importanti hu li timmira u tkun taf tgħoddha.”
Din kienet l-ewwel frażi li qalli l-President ta’ l-Malta Darts Association, Edward Bonnici hekk kif poġġejna għad-dell u l-arja friska li bdiet għaddejja nhar it-Tnejn tard wara nofsinhar.
Li hu żgur hu li l-logħba mhix waħda mill-aktar popolari li hawn fix-xena mondjali ta’ l-isport. Minkejja dan kollu, mhux l-ewwel darba li stazzjonijiet televiżivi ta’ popolarità kbira xandru b’mod dirett kompetizzjonijiet ta’ l-ogħla livelli.
Hawn Malta l-istorja xi ftit differenti…jew aħjar kompletament differenti. Dan għax f’din l-intervista sirt naf aktar mill-qrib assoċjazzjoni mill-iżgħar f’pajjiżna. B’attenzjoni liema bħala, u forsi b’passjoni li tmur aktar minn dak mistenni, il-President tal-Malta Darts Association ikellimni għal siegħa u nofs. Jgħidli l-problemi li kienu u għadhom isibu bħala assoċjazzjoni li magħha għandha plejers membri li fuq l-iskala ta’ l-isport li jipprattikaw huma ferm akbar minn dawk ta’ sport ieħor li f’Malta jingħata ħafna u ħafna aktar importanza mil-logħba li huma tant iħobbu. Jispera li fil-futur il-ħajja għalihom tkun xi ftit iktar faċli….
Edward jirrispondi għal kull mistoqsija li għamiltlu mingħajr l-ebda tidwir tal-lewża. Jgħidli x’kien il-fattur li snin ilu ta daqqa ta’ ħarta lill-assoċjazzjoni li hu President tagħha meta persuna popolari għajret sakranazza lin-nies li jilagħbu d-darts.
“Jien bniedem soċjali ħafna u nħobb nisma’ fuq kollox. L-isport inħobbu kollu tant li nqisu l-passatemp ewlieni tiegħi. L-aktar ħaġa għal qalbi li għandi huwa l-Kumitat tal-Malta Darts Association. F’Ottubru li ġej se nagħlaq 25 sena membru fih.
Dawn is-snin rajt tibdiliet mill-kbar kemm fl-organizzazjoni u kemm fin-nies li għandi miegħi. Inutli jekk ma jkollokx il-membri kollha jaħdmu. Sfortunatament hekk konna fil-passat. F’dawn l-aħħar tmien snin nista’ ngħid li l-11-il persuna li mmexxu l-MDA kollha nagħmlu xogħol utli.”
Edward jispjegali kemm hi żgħira l-Malta Darts Association iżda li fiha jeżistu nies b’ħiliet kbar.
“Aħna nagħmlu ħafna xogħol ’il barra mil-linja tagħna. Jien bħala President nieħu ħsieb ukoll ix-xogħol ta’ l-armar. Is-Segretarju Noel Gauci jieħu ħsieb ix-xogħol kollu ta’ l-uffiċċju u l-kuntatti kbar li rnexxielna nagħmlu ma’ barra f’dawn l-aħħar snin.
Tony Demanuele jagħmel xogħol importanti ħafna fejn jidħlu kuntatti ma’ lukandi u postijiet biex insibu s-swali neċessarji ħalli nkunu nistgħu norganizzaw il-kompetizzjonijiet tagħna b’mod komdu. Kulħadd għandu x-xogħol tiegħu u meta tinqala’ problema niltaqgħu biex niddiskutu u niddeċiedu. Kuntent ħafna bit-tim li qegħdin.”
Ikellimni fuq is-snin imgħoddija u kif minn sempliċi persuna dilettanta tal-logħba spiċċa jokkupa l-aktar kariga għolja fl-MDA.
“Minn dejjem kienet ix-xewqa tiegħi li nsir President. Kont ili 17-il sena membru tal-Kumitat u dejjem xtaqt li nieħu t-tmexxija f’idejja. Probabbli r-raġuni kienet li jien ma naqtax qalbi minn ċerti affarijiet u deċiżjonijiet. Min kien hemm qabli kien jaqta’ ftit qalbu u jekk jgħid li m’hemmx finanzi biżżejjed ma kien jorganizza xejn. Jien dejjem għidt li akkost ta’ kollox norganizzaw, imbagħad naraw wara x’se jiġri. Jien bniedem hekk u nista’ ngħid li s’issa dejjem wasalt. L-aktar importanti hu li naf li għandi budget u nipprova dejjem noqgħod miegħu. S’issa bl-għajnuna ta’ sħabi, dejjem ikkalkulajna tajjeb.”
Il-logħba tad-darts f’pajjiżna nqabbilha ma’ xema’ li fil-bidu tagħha tixgħel b’mod qawwi sakemm ftit ftit tbatti u tintefa’. Ngħidlu li din hija l-impressjoni tiegħi fuq il-popolarità tal-logħba f’pajjiżna. Edward jaqbel miegħi.
“Sfortunatament qeda tonqos il-popolarità. Sa 20 sena ilu kampjonat tat-tielet diviżjoni kien bi tliet sezzjonijiet. Imma dak iż-żmien kien hawn ħafna Ingliżi u l-ewwel priorità tagħhom kien ikun li jfittxu club li fih ikun hemm dartboard. Dak iż-żmien ukoll kellna għajnuna kbira meta l-istazzjon nazzjonali kien juri l-programm Bull’s Eye kull nhar ta’ Sibt u allura kienet spinta kbira għalina. Illum il-ġurnata li kieku ma jkollniex lil xi ħadd bħalek li jaħseb ftit fina, il-logħba li tant inħobbu ma tissemma mkien.
“Illum saret problema għall-clubs għax il-ħajja nbidlet ħafna u żagħżugħ għandu ħafna aktar affarijiet x’jista’ jagħmel jekk mhux darts. Biss ħaġa li ħadt pjaċir biha ħafna hi li mis-sena d-dieħla se jiżdiedu tliet clubs ġodda. Mort dorthom u jinsabu ħerqana ħafna tant li f’dan il-ħin tas-sajf qed jitħarrġu wkoll. Aħna nies bħal dawn ngħidulhom merħba magħna. It-tielet diviżjoni se jkun interessanti ħafna l-istaġun li ġej.”
Huma ħafna l-plejers li jgergru għax ma jarawx il-preżenza ta’ l-uffiċjali ta’ l-MDA fir-ranking tournaments. Insaqsih hux konxju ta’ din il-problema.
“Li nkunu kollha nixtieq jien ukoll. Jien l-ewwel wieħed li ma tantx nersaq lejn ir-ranking tournaments. Biss aħna dejjem ikollna tnejn min-nies hemmhekk li jieħdu ħsieb. Kulħadd għandu x-xogħol tiegħu u nemmen li hija problema interna tal-kumitat tagħna. B’xi mod irrid insolviha wkoll.”
Il-President ta’ l-MDA jirrakkuntali każ li fih l-assoċjazzjoni tiegħu kienet ħadet daqqa ta’ ħarta kbira b’paroli fil-vojt fuq il-mezzi tal-media xi snin ilu minn persuna distinta. Anki jekk ma jgħidli qatt min hu l-persuna, Edward jipprova jreġġa’ lura l-memorja u jiftakar.
“Ħadna daqqa ta’ ħarta kbira għax sfortunatament kien hemm min għajjarna sakranazzi waqt kumitat partikolari. Dik kienet ħaġa li tefgħetna 100 sena lura u għadna nsofru l-konsegwenzi tagħha sa llum. Min kien inzerta kien bniedem popolari allura d-diskors tiegħu mexa sew u għamlilna ħafna ħsara. Illum il-ġurnata r-risposta ħadha wkoll għax kulmeta konna nkunu se nidhru fuq it-televiżjoni jien dejjem infurmajtu biex jiċċekkja jekk jarax xi plejer ipejjep jew jixrob waqt li qed jilgħab.
“Veru li nilagħbu fil-bars u hemm minnha li jieħdu drink, imma l-biċċa l-kbira tal-plejers ma jixorbux alkoħol. Jien nemmen li d-darts bħala indoor game hija l-aktar logħba soċjali għax tkun qed tiltaqa’ ma’ ħafna nies differenti. Ħafna plejers jiġu bin-nisa tagħhom għal-logħob. Illum il-ġurnata qiegħda fl-istatut tagħna li waqt il-logħob plejer ma jistax jixrob u jpejjep. Waqt kompetizzjoni internazzjonali anqas jilbsu jeans ma jistgħu. Bħala MDA ridna nderru l-plejers skond ir-regolamenti tal-World Darts Federation. Aħna membri mal-WDA u allura bilfors irridu nobdu r-regolamenti tagħhom.”
Waqt li jkellimni naħseb fuq kemm ma tiġihx flus persuna li jixtieq jibda jipprattika din il-logħba. Kulma jrid hu l-ispazju neċessarju, dartboard u set darts. Ma kontx naf xi spejjeż jinvolvu biex tkun membru ma’ l-MDA.
“Jien nista’ ngħid li aħna l-iktar assoċjazzjoni ta’ sport irħisa li hawn Malta. Ir-reġistrazzjoni ta’ plejer hija Lm2.00c biss fis-sena. Minn informazzjoni li għandi jien, l-aktar assoċjazzjoni rħisa wara tagħna hija ta’ Lm13. f’dixxiplina oħra. Jekk irridu nistgħu ngħolluha biex ikollna aktar finanzi imma jien dejjem irraġunajt li l-assoċjazzjoni tagħna mhux qiegħda hemm biex tagħmel profitt. Il-flus li ndaħħlu dejjem nonfquhom f’affarijiet biex norganizzaw lill-plejers tagħna.”
Inkellmu fuq kwistjoni ta’ l-imgħoddi li kienet qamet fuq club partikolari li kien imġiegħel iħallas somma flus għax miegħu ffirmaw kwantità ta’ plejers ta’ l-ogħla livell u allura kien hemm min oġġezzjona. Kien regolament farsesk tant li meta nistaqsih jgħidli li dam jinżamm xi sentejn jew tlieta biss, sakemm kollox reġa’ ġie kif kien qabel.
“Le, dak ir-regolament m’għadux. Dak kien argument li qam darba u minħabba fih inbidel l-istatut. L-istatut jinbidel biss mill-clubs u mhux mill-Kumitat. Kien sar suġġeriment u ġie sekondat li jekk club ikollu għaxar top plejers irid iħallas. Niftakar sew li club ta’ Jesmonds kien weħel Lm1000. Mhux se nistħi ngħidha li dak iż-żmien bis-saħħa tagħhom organizzajna Malta Open mingħajr telf. Kienet regola li nżammet xi sentejn jew tlieta għax imbagħad kien hemm club li ried iwaqqagħha u saret votazzjoni u għaddiet li dan ir-regolament ma jibqax jeżisti. Minn naħa ta’ l-MDA batejna għax tlifna ċertu dħul imma llum il-ġurnata kull club jista’ jkollu kull tip ta’ plejer u kemm irid irreġistrati miegħu. Naħseb li ’l quddiem se jkollna nagħmlu ċerti ħlasijiet. Imma mhux se jkunu kbar bħal ma kienu qabel.”
L-aktar ġimgħa impenjattiva fil-kalendarju ta’ l-MDA hija dik li fiha tiġi organizzata l-Malta International Open. Nitkellmu fuq din il-kompetizzjoni tant popolari ma’ l-Ewropa.
“Il-Malta Open bdiet 18-il sena ilu. Fl-1991 iddeċidejna li nagħmlu wkoll il-European Cup fejn fiha kkonvinċejna lil Ewropa li aħna kapaċi norganizzaw daqs ħaddieħor.
Għal Malta International Open ġew anki plejers bħal John Lowe u Eric Bristow f’pajjiżna. Sfortunatamnet kienu ġew sospiżi mill-World Darts Association u ma jistgħux jilagħbu aktar. Is-sena l-oħra kellna fostna lil Tony Eccels li preżentament huwa n-numru 3 fid-dinja. Sfortunatament qatt ma rebaħha Malti. Kellna diversi plejers Maltin li telgħu sal-final imma dejjem tilfuha.”
Fl-istess nifs, Edward jgħidli li f’Malta għandna ħafna plejers ta’ livell għoli li ħadu popolarità kbira barra l-pajjiż.
“L-aktar plejers Maltin li ħadu fama internazzjonali huma Vince Busuttil, Charles Ghiller, Alfred Desira, Reno Mannara u Gordon Stanmore li kien tilef il-finali tal-World Championship ta’ taħt 16-il sena xi 10 snin ilu. Kulmeta jsiefer tara l-barranin iduru miegħu. Baqa’ jintgħaraf u popolari ħafna barra minn xtutna.
Jien nemmen minn pajjiżna oriġinaw diversi plejers kbar fil-logħba tad-darts. Imma jekk
ikolli nsemmi wieħed ngħidlek li l-klassi li għandu Vince Busuttil hija waħda unika. Ċert li kieku l-plejers kollha jkunu fl-aqwa tagħhom, Vince jibqa’ l-aqwa wieħed. Huwa bniedem determinat u għandu esperjenza kbira. Rebaħ disa’ darbiet iċ-championship ta’ Malta u fil-logħba ma jibża’ minn ħadd. Għalih ma tagħmilx differenza jekk jilgħabx miegħi jew ma’ Phil Taylor. Nemmen li huwa mill-ftit plejers li għandna jista’ jikkompeti bis-serjetà ma’ l-aqwa plejers tad-dinja.”
Nitkellmu fuq ir-relazzjonijiet li bħala MDA għandhom mal-World Darts Federation.
“Jekk tqis bħala Kumitat ngħidlek li għandna fama tajba ħafna għax sa l-edizzjoni tal-
Malta Open tas-sena l-oħra stess kellna ftaħir kbir. Niftakar li kien ġie bniedem Ingliż fuqi u qalli prosit ta’ l-organizazzjoni. Wara qalli li huwa wieħed mill-membri fil-Kumitat tal-World Darts Association.
“Għalija kien ta’ sodisfazzjon kbir għax aħna anqas biss konna avżati li kellu jiġi xi ħadd minn dan il-Kumitat f’pajjiżna. Konna kważi perfetti f’kollox u hu stess żvela magħna li kull sena jkunu qed iħarsu b’sodisfazzjon għal dan l-appuntament annwali f’Malta.”
Huwa appuntament ta’ fama Ewropew li però ftit issemma mill-media lokali. Jgħidli li sfortunatament il-mezzi tal-media lokali ftit li xejn jagħtuhom importanza.
“B’xorti ħażina ma tantx insibu għajnuna mill-media. Kull nhar ta’ ġimgħa s-segretarju jibqa’ mqajjem sa tard bil-lejl biex jibgħat ir-riżultati lill-media Maltija kollha imma rari naraw xi ħaġa fuq it-televiżjoni, radju jew fil-gazzetti. Għalina l-media kruċjali għax hi biss tista’ tqajjem il-logħba jew toqtolha.
“Il-futbol huwa reliġjon wisq għal Malta. Nemmen li għandu jkollu preċedent fuq sport ieħor għax huwa l-aktar wieħed popolari imma li naraw kollox futbol ma naqbilx. Nemmen li f’Malta hawn ħafna assoċjazzjonijiet żgħar ta’ sport li qed jagħmlu unur kbir lil pajjiżna imma ftit li xejn jingħataw importanza minn nies bħalkom.”
Fi ftit kliem nitolbu jiddieskrivili l-club champion ta’ Malta, il-Paola Wolves u l-plejer champion ta’ Malta, Vince ‘Ħassu’ Busuttil.
“Il-Paola Wolves huwa tim li mhu faċli xejn biex tirbaħlu. Għandu kważi l-plejers kollha ta’ klassi u l-uniku tim li rnexxielu jirbaħlu kien il-Jesmonds. Jien lgħabt kontra t-tnejn li huma u nista’ ngħid li l-Paola Wolves għandhom il-krema ta’ Malta magħhom u ftit nara avversarji għalihom f’dan il-pajjiż. Għandhom plejer aqwa minn ieħor u jekk ifalli wieħed hemm l-ieħor pront li se jaħdem għal sieħbu.
“Biex il-‘Ħassu’ rebaħ iċ-champion ta’ Malta ma kinitx faċli. Huwa klassi għalih u kellu staġun perfett. Nemmen li kien aħjar mis-sena ta’ qabel u bil-livell ta’ logħob li wera ftit li xejn setgħu jirbħulu.”
Nistaqsih x’relazzjonijiet għandhom mal-Kumitat Olimpiku Malti u ma’ l-awtoritajiet oħra konċernati.
“Mill-KOM rikonoxxuti żgur. Ma’ l-Imħallef Lino Farrugia Sacco għandi kuntatti mill-aqwa u sikwit niltaqgħu biex nitkellmu fuq il-problemi li niffaċċjaw. Jien ninżagħlu l-kappell għax imnalla jkun hu għalina f’ċerti sitwazzjonijiet.
“Imma mill-awtoritajiet Maltin sfortunatament ma tantx aħna rikonoxxuti. Ma nafx għaliex għax jien wieħed minn dawk li nagħmel bosta kuntatti mal-Ministri ta’ l-isport u t-turiżmu imma ma nafx għaliex daqqa jgħinuna u daqqa le. X’inhi r-raġuni ma nafx taqta’ li ġieli qaluli li m’hemmx flus. Jien qatt ma tlabthom eluf imma xi ħaġa żgħira. Dejjem emminna li l-iktar importanti huwa l-ftit mingħand il-ħafna.”
Edward jgħidli xi sponsors għandhom bħala assoċjazzjoni żgħira.
“L-akbar sponsor li għandna huwa d-Dolmen u ta’ dan irrid nirringrazzjahom. Li tana s-sala b’xejn huwa diġà xi ħaġa kbira għal assoċjazzjoni bħal tagħna għax iffrankawlna Lm1000 kuljum li għalina huma kapital. Naħseb li ħriġnieh sodisfatti ħafna u aktarx li għas-sena d-dieħla kollox se jerġa’ jiġi organizzat hemm. Tumas Group u xi aġenziji tagħhom stess qed jagħmlulna kuraġġ kbir u nixtiqilhom kull suċċess u ġid fix-xogħol tagħhom.
“Hemm ċans biex il-Malta Open li jmiss tixxandar diretta fuq il-Eurosport. Jiddependi mill-istazzjon jekk jaċċettawx jew le għax Tumas Group offra li jħallas l-ispejjeż hu bħala sponsor li jlaħħaq ma’ Lm10,000.”
Edward Bonnici fadallu żewġ ħolmiet li jixtieq jara jitwettqu qabel ma jċedi postu għal ħaddieħor. Filwaqt li jgħidhomli ntemmu din l-intervista billi jħoss li għandu jagħmel xi ringrazzjamenti.
“Nixtieq li meta tasal il-ġurnata li jien inwarrab inħalli warajja assoċjazzjoni popolari aktar milli hi. L-unika xewqa li fadalli hi li tiġi organizzata t-Tazza tad-Dinja f’pajjiżna. Dik hija l-unika ħaġa fid-darts li għadna ma ġibniex hawn Malta minn tant kompetizzjonijiet internazzjonali. Jekk jirnexxielna tkun xi ħaġa kbira ghal pajjiżna li jien inqisha miraklu. Hemmhek żgur li nirtira għal kollox. Bdejna naħdmu diġà għaliha imma hemm involuti eluf kbar ta’ liri fin-nofs. Irid ikollok kollox professjonali għax se jkunu qed isegwuna mad-dinja kollha.
“Nixtieq nirringrazzja lilkom talli ħsibtu fina u lill-media kollha li jgħinuna. Ma nistax ninsa persuna bħall-Imħallef Farrugia Sacco għax kulmeta ġejna bżonnu sibna l-għajnuna tiegħu. Ngħid grazzi lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-logħba tad-darts u qed jagħtu l-għajnuna tagħhom biex nippruvaw inkabbru l-isem tagħna. Finalment ngħid grazzi wkoll lill-mara tal-paċenzja li tieħu bija tal-ħin li nagħmel barra mid-dar naħdem volontarjament għall-ġid tad-darts f’pajjiżna.”
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt