Franica Pulis tikkummenta dwar il-films u t-tielet edizzjoni tal-West Side Film Festival f’Malta
Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet Kinemastik tellgħu t-tielet edizzjoni tal-West Side film festival, l-ewwel waħda li fiha l-Kummissjoni tal-Films Maltija tat sehimha flimkien mal-British Council.
Sfortunatament ma nistax inqabbel din l-edizzjoni mat-tnejn ta’ qabilha u lanqas nista’ ngħid li kont hemm għat-tlett ijiem sħaħ. Iżda mill-ftit li rajt nista’ ngħid żgur li din kienet mimlija daqs bajda b’varjetà ta’ films ġejjin minn madwar id-dinja kollha, anki mir-Repubblika Ċeka u mill-Arġentina. Bħala ammonti l-aktar li kien hemm kienu dawk Brittaniċi (18), Daniżi (disgħa) u Maltin (tmienja).
Il-films kienu differenti ħafna minn xulxin fit-temi, fil-baġit biex inħadmu u anki jekk kinux jittrattaw storja jew le. Fil-fatt uħud mill-films jaf ma kienx lokhom li jidhru matul il-festival.
Fl-opinjoni tiegħi dawn kienu x-xogħlijiet bħal ta’ Lejf Marcusson – Stones u Den Offentlige Rost - li minkejja li huma tajbin, iktar jaqgħu fil-qasam ta’ animazzjoni jew installazzjoni artistika milli film kif forsi wieħed jifhem b’mod tradizzjonali. Dan minħabba li x-xogħol kien ixaqleb aktar fuq manipulazzjoni ta’ fotografija u arti. Magħhom kont inpoġġi l-film ta’ Cathleen Tanti, L-Istorbju fil-Flixkun, li għalkemm kien xogħol miġbud sew bi stampa tajba, kien ħarira mtawwal u l-kontenut kont nimmaġinah aktar bħala xogħol teatrali fuq palk milli film.
Films li personalment kienu oriġinali u ta’ ispirazzjoni mit-tieni nofs tas-Sibt kienu (S)Laughter mir-Renju Unit ta’ Adam Lieber, l-Amerikan The Oates Valor ta’ Tim Thaddeus Cahill u l-film rebbieħ Ċek Clay Pigeon ta’ Milos Tomic. Ta’ Lieber laqatni fih il-bilanċ bejn in-narattur sejru komiku u ż-żeffien tat-tip tap, jekk tista’ tgħidlu hekk, li kienu qegħdin jiddiskutu u juru l-ħoss. Kien film artistiku li ma jolqotx lil kulħadd minħabba li hu xi ftit astratt. Il-film ta’ Cahill kellu storja tajba mimlija umoriżmu iswed minħabba r-relazzjoni tat-tifel mal-missier xurban u anki minħabba ċerti sitwazzjonijiet li żgur wieħed qatt ma jimmaġina. Fosthom bint li tiddeċiedi taħrab mal-ħabib tagħha u ommha tmur tavża lil omm il-ħabib u tieħu lit-tifla magħha biex tagħmlilha t-traduzzjoni ta’ li qed jingħad.
Clay Pigeon imbagħad kien fuq livell totalment differenti. Hi storja astratta ta’ koppja li qed jinnamraw fuq l-għoljiet. Hu maħdum b’mod mgħaġġel bħal films antiki silenzjużi ta’ Charlie Chaplin. F’nofs l-istorja t-tfajla tneżża’ lill-maħbub tagħha u taħt ħwejġu toħroġ l-uniformi ta’ suldat. Tkompli tneżżgħu minn xagħru u d-daqna u fl-aħħar jiġi liebes il-beritta, bl-uniformi kollha lest għall-gwerra.
Il-ġuvni jmur għall-gwerra iżda d-direttur ħariġha billi l-ġuvni jibda dejjem nieżel fl-art sakemm jinbela’ kollu kemm hu. L-istorja tagħlaq billi jġiblek lit-tfajla tagħmel l-istess movimenti li kienet tagħmel mal-maħbub tagħha imma din id-darba weħidha. Hu film li jġiegħlek taħseb kemm minħabba t-tema kif ukoll minħabba l-mod artistiku kif inġibed.
Mill-films tal-Ħadd it-tlieta li laqtuni l-aktar kienu ta’ Slavko Vukanovic Omar the Dark li kien film miġbud bla kulur bażat ħafna fuq umoriżmu iswed. Li kien hemm żgur hu li kien maħdum bi ftit flus u b’kamera waħda iżda r-riżultat kien tajjeb ħafna bl-udjenza ċċapċap sew fi tmiemu. Il-film Arġentin Ahora Todos Parecen Contentos kien maħdum fuq stil klassiku bi storja. Li kien hemm interssanti hi l-ħajja Arġentina li ġab Gonzalo Tobal u l-istorja bejn ħarba ta’ għalliem u l-istudenta tiegħu ta’ xi 14-il sena.
Il-festival għalaq b’Silence is Golden ta’ Chris Shepard mir-Renju Unit. Dan spikka l-aktar minħabba t-tpinġijiet tat-tifel u l-umoriżmu li kien joħrog bih. L-istorja tagħlaq b’mod sejru ħafna għax it-tifel li jkun tant tmejjel bil-ġar ‘miġnun’ jispiċċa juri li kien hu stess li kien qed isabbat rasu mal-ħajt.
Indur fuq l-organizzazzjoni u l-post li ntagħżel fejn jintwerew il-films. Nissuġġerixxi li l-post jinbidel minkejja li hu sabiħ. Matul il-films kien hemm ħafna affarijiet li jtellfu, l-aktar il-logħob tan-nar li kien qiegħed jidher fuq il-port ta’ faċċata, l-iscreen bid-dell tas-siġar jidher fuqu u n-nies li ħassewhom komdi li f’nofs film iqumu u jinżlu jixorbu mill-bar.
Bħala films ma nafx għandux ikun maqsum f’aktar kategoriji bħal cartoons, installazzjonijiet artistiċi, films tradizzjonali, films artistiċi, eċċ. Iżda jekk issir hekk jaf il-programm isir wisq tqil, għax ngħiduha kif inhi, hemm limitu ta’ kemm wieħed jiflaħ jara installazjonijiet artistiċi jew films astratti f’lejla waħda!
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt