15 ta' Lulju 2007 • Nr 37

Arkivji




 

 

 

15 ta' Lulju 2007
Ġustizzja mhux vendikazzjonijiet

George Vella llum jgħodd iktar minn 61 sena iżda l-irtirar żgur mhux fuq moħħ dan it-tabib Żejtuni. Sa ftit qabel ma nidħol fil-klinika tiegħu fid-dar għadu qed jara lill-pazjenti.
Wara mejda għolja ta’ l-injam u quddiem vetrina mimlija mediċini t-tabib iferra żewġ tazzi ilma u joħroġ mazz dokumenti relatati ma’ l-Unjoni Ewropea.
Id-dokumenti huma relatati ma’ l-aħħar abbozz ta’ trattat li kien diskuss biex jieħu post il-Kostituzzjoni Ewropea li lanqas pakkett Viagra bħal dak li għandu fil-vetrina t-tabib ma kien biżżejjed biex tqum mir-raqda li tefgħuha fiha l-Franċiżi u l-Olandiżi.
L-ewwel mistoqsija kważi tiġi weħidha. Dawk li jgħidu li l-Partit Laburista għaġġel biex fil-Parlament jivvota mal-Gvern favur il-Kostituzzjoni Ewropea meta seta’ jastjeni u jitlob kostituzzjoni mibdula ma kellhomx raġun ladarba llum l-UE qed titkellem dwar trattat differenti?
Mill-ħarsa ta’ wiċċu donnu jrid jgħidli li m’jienix l-ewwel wieħed li qed nagħmel din il-mistqosija.
“Min kien jaħseb fl-2004 li l-Kostituzzjoni Ewropea li ssawret wara proċess mill-iktar wiesa’ ta’ konsultazzjoni fejn anki aħna bħala Partit Laburista tajna s-sehem tagħna, kienet se tispiċċa kif spiċċat? Ħadd ma kien jemmen li se tispiċċa hekk. Iżda lanqas ma rridu ninsew li 18-il pajjiż kienu ratifikawha u erbgħa oħra kien waslu biex. Żewġ pajjiżi, Franza u l-Olanda, ċaħduha b’referendum u l-Ingilterra waqqfet il-proċess.
“Meta tħares lura tista’ tagħmel suppożizzjoni bħal dik iżda ma rridux naħarbu bl-idea li t-trattat il-ġdid li se jieħu post il-kostituzzjoni hu xi ħaġa radikalment mibdul għax mhuwiex. Il-ftehim li qed ikun propost illum ma fih xejn inqas minn dak li konna ivvutajna għalih fil-Parlament.”
Vella jerġa’ jmur lura għall-2004 u għal dak li ħafna qiesu kien salib it-toroq għall-Partit Laburista fuq il-kwistjoni Unjoni Ewropea.
“Għarbilna d-dokument bir-reqqa u għamilna numru ta’ rapporti tekniċi fuq l-implikazzjonijiet tiegħu. Kellna wkoll sensiela ta’ laqgħat fil-Grupp Parlamentari li fihom ukoll ħadna votazzjonijiet sigrieti. Dakinhar wasalna għall-konklużjoni li fil-Kostituzzjoni Ewropea ma kien hemm xejn li jmur kontra l-prinċipji tagħna. Konna wrejna wkoll in-nuqqas ta’ qbil mal-kelma ‘kostituzzjoni’ għax ridna mmorru lil hinn mill-kunċett ta’ Ewropa federali.
“Kien hemm żewġ kunsiderazzjonijiet oħra x’nagħmlu. Fl-interess nazzjonali rajna li ma kellniex għalfejn niftħu l-ferita dwar l-UE ladarba l-poplu kien iddeċieda favur dik l-għażla fl-elezzjoni ġenerali. Kien hemm ukoll l-interess tal-partit. Ma kienx jixraq ladarba ma kellniex riżervi gravi dwar il-kostituzzjoni u ladarba kkonkludejna li l-pajjiż ma kien se jitlef xejn mis-sovranità tiegħu li nħallu din il-kwistjoni tkompli għaddejja.
“Kieku llum għadna qed naljenaw il-pajjiż billi niddiskuti jekk għandniex nirratifikaw il-kostituzzjoni jew le minflok niffukaw fuq il-problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-familji.”
Filwaqt li jqalleb fid-dokumenti li għandu quddiemu, Vella jispjega li l-Presidenza Ġermaniża kienet intelliġenti biżżejjed biex tidentifika d-diffikultajiet partikolari ta’ dawk il-pajjiżi li kellhom problema bil-kostituzzjoni u ppruvaw iduru madwarhom.
“Sarkozy ma ridx kostituzzjoni iżda trattat li jbiddel l-oħrajn ta’ qablu biex ma jkollux għalfejn imur għal referendum. Il-Ġermaniżi waqqgħu l-kelma kostituzzjoni mill-ftehim il-ġdid u ħolqu żewġ trattati li bejniethom ibiddlu t-trattati ta’ qabel mingħajr ma jikkanċellawhom.
“Biex itaffu mill-biża’ li kellhom l-Olandiżi dwar Unjoni iktar federalista, il-Ġermaniżi neħħew kull referenza għall-identità simbolika bħall-bandiera, innu u insinja oħra.
“Iktar importanti kienet l-emenda li għamlu f’Artiklu 6 li kien jitkellem dwar il-primazija (primacy) tal-liġijiet Ewropej. Dan l-artiklu tneħħa fil-ftehim il-ġdid u minflok hemm qbil li l-Istati Membri xorta jridu jagħtu piż lill-każijiet kif inqatgħu fil-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea matul is-snin. Dan hu lingwaġġ legalistiku għax għalkemm il-primazija tal-liġijiet Ewropej mhix imnaqqxa fit-trattat il-ġdid awtomatikament kull pajjiż membru se jkollu jissuġġetta ruħu għal-liġijiet Ewropej skond kif jinqatgħu l-każijiet fil-Qorti Ewropea.
“Imbagħad kien hemm il-problema tar-Renju Unit li ma ridux li l-Kapitlu dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem ikun fit-trattat. Il-Ġermaniżi daħħlu dan iċ-Charter bħala entità separata anness mat-trattat li jorbot lill-pajjiżi membri imma lir-Renju Unit tawhom eċċezzjoni totali.”
Għal dawk il-Laburisti li baqgħu xettiċi dwar l-UE minħabba dik li jħossu li hi theddida għan-newtralità, dan il-logħob legali tqies bħala xaqq ta’ dawl biex Malta setgħet tinnegozja xi tip ta’ arranġament iktar b’saħħtu li jippreżerva n-newtralità iktar mid-dikjarazzjoni li għamel il-Gvern meta iffirma t-trattat tas-sħubija.”
Imma għal Vella qatt ma kien hemm xi tama li dan isir.
“Jekk ridna nagħmlu xi forma ta’ opt-out dwar in-newtralità dik kellha ssir fit-trattat ta’ sħubija. Ladarba l-Gvern ma nnegozjax klawsola speċifika bħal tad-Danimarka jew bħall-Irlandiżi, ma nistgħux nagħmlu xi ħaġa f’dan it-trattat ġdid. Dan it-trattat ma jirrevedix it-trattat ta’ sħubija.”
Nistaqsih dwar dak li qal fil-Parlament m’ilux li l-abbozz tat-trattat il-ġdid iżomm ukoll id-dritt m’inqux fil-kostituzzjoni abbandunata li pajjiż jista’ joħroġ mill-UE u jekk dan ifissirx li l-MLP mhux konvint mis-sħubija.
“Ma jfissirx hekk. Dan id-dritt fih innifsu hu garanzija li l-pajjiż għad għandu s-sovranità tiegħu għax jista’ jiddeċiedi li jitlaq meta jrid hu. Fil-Parlament qajjimt dan il-punt mhux għax qed nikkontempla li l-Partit Laburista għandu jużah imma għax dan kien ukoll l-argument li wżajna internament fil-partit biex nikkonvinċu lin-nies tagħna li kienu xettiċi dwar it-telfien tas-sovranità.”
Teżisti delużjoni fost in-nies dwar il-benefiċċji li suppost gawda l-pajjiż mis-sħubija anki jekk dan hu fenomenu mifrux f’kull pajjiż li jkun daħal ġdid. Iżda l-ikbar diżappunt jinħass dwar il-kwistjoni ta’ l-immigrazzjoni.
Vella jaqbel miegħi. “F’din il-kwistjoni l-poplu qed jistenna espressjoni tanġibbli tat-tifsira tas-solidarjetà. Jekk l-UE ma taddottax il-politika komuni tal-burden sharing inkunu diżappuntati.”
Jispjega li fl-abbozz tat-trattat il-ġdid hemm tliet faċċati sħaħ jitkellmu dwar il-migrazzjoni.
“Nemmen li fil-konferenza inter-governattiva li se tiddiskuti l-abbozz tat-trattat il-ġdid il-Gvern għandu juża l-veto fuq din il-kwistjoni jekk jibqa’ jkun hemm tnikkir minn pajjiżi oħra fuq politika komuni dwar l-immigrazzjoni.”
L-immigrazzjoni qed toħloq dibattitu sħiħ li ħafna drabi għandu konnotazzjonijiet razzisti. Il-politika tal-Gvern tibqa’ iffukata fuq id-detenzjoni u m’hemm l-ebda ħjiel ta’ politika ta’ integrazzjoni. Fuq l-immigrazzjoni m’hemmx wisq differenza bejn dak li qed jagħmel il-Gvern u dak li taħseb l-Oppożizzjoni u Vella jikkonfermali dan il-ħsieb.
“M’aħniex preparati għat-taħlit. M’għandnix il-kultura ta’ komunitajiet differenti jgħixu flimkien u allura influss qawwi ta’ nies jista’ joħloq problemi fis-soċjetà. Nista’ nifhem id-diffikultà ta’ dawn in-nies li wara li jgħaddu minn martirju jispiċċaw f’post ta’ detenzjoni hawn Malta. Kontra qalbi jkolli naqbel mad-detenzjoni għax il-pajjiż b’xi mod irid jivverifika min huma dawn in-nies u min minnhom verament għandu bżonn l-għajnuna tagħna.
“Il-fatt li huma bnedmin jeżiġu mingħandna bi dritt ċerta responsabbiltà iżda ma nistgħux nagħtuhom minn dak li m’għandniex. U hawnhekk fejn neħtieġu s-solidarjetà ta’ l-Ewropa.”
Diskorsu hu iffukat fuq il-problema li tolqotna fix-xhur tas-sajf meta jaħbtu ma’ Malta mijiet ta’ immigranti. Nistaqsih dwar dawk li qed jgħixu fostna fiċ-ċentri miftuħa u x’għandu jsir biex dawn jintegraw fis-soċjetà Maltija.
“Nemmen li għandu jkun hemm xi tip ta’ ravviċinament mal-komunitajiet ta’ immigranti li għandna fostna. Dan kien suġġeriment li anki kont għamilt lill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa madwar sentejn ilu meta beda jinħass ċertu sentiment kontra l-immigranti. Hemm bżonn naħdmu iktar f’dan is-sens,” jgħid.
Id-diskors idur fuq dak li qal sieħbu fil-partit Joseph M. Sammut dwar l-immigrazzjoni.
“Naħseb dak li qal Joseph Sammut fuq karozzi tal-linja segregati kien misinterpretat u mkabbar iżżejjed għax hu tkellem fuq il-bżonn li jkun hemm servizz aħjar għall-immigranti li hemm jgħixu Ħal Far.”
Infakkru li d-diskors ta’ Sammut fuq il-karozza tal-linja numru 13 irid jittieħed ukoll fil-kuntest sħiħ ta’ dak li tkellem dwaru inkluż il-biża’ li Albert Town fil-Marsa saret no-go zone minħabba l-immigranti u xnigħat oħra simili li iktar maħsuba biex ibeżżgħu milli biex ifittxu soluzzjoni.
“Ma kienx ikun diskors li nagħmel jien. Irridu naċċettaw ir-realtà ġdida li fit-tul se jkollna komunità iktar imħallta. Trid tagħmel politika speċifika ta’ integrazzjoni li timplika l-għoti tad-drittijiet ugwali lill-immigranti fosthom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ housing, għajnuna soċjali u edukazzjoni. Imma rridu naraw ukoll jekk is-sistemi soċjali jifilħux u jekk le kif se nipprovdu għalihom. Irridu nipproteġu lilhom kif ukoll lill-komunità Maltija biex din ma tistrumblax fil-proċess.”
Forsi din hi l-iktar darba li smajt lil xi ħadd fil-Partit Laburista, apparti d-deputat l-ieħor Żejtuni Joe Abela, jitkellem b’mod ċar dwar il-ħtieġa ta’ politika konkreta ta’ integrazzjoni.
Nistaqsih jekk l-MLP hux se jirbaħ l-elezzjoni li jmiss. It-tweġiba ma fihiex tidwir. “Nemmen li l-Partit Laburista se jirbaħ l-elezzjoni għax jixraqlu u fuq il-merti tiegħu.”
Niftaħlu kapitlu fuq Alfred Sant. Ħafna jsostnu li bih mexxej il-Partit Laburista se jsibha iktar iktar diffiċli milli jmissu biex jirbaħ l-elezzjoni.
“Fil-ħajja jeżistu l-fatti u l-perċezzjonijiet,” jgħidli b’ton ta’ wieħed xiħ fil-politika.
“Il-perċezzjonijiet huma iktar faċli biex tbigħhom, iktar u iktar jekk għandek il-media miegħek li tkompli trewwaħ. In-Nazzjonalisti kienu tajbin ħafna biex iddemonizzaw lil Alfred Sant u s-suċċess ta’ dik it-tattika kien fil-fatt li anki fost ċerti Laburisti tnissel sens li b’Alfred Sant ma stajniex nirbħu. Madankollu n-Nazzjonalisti kienu għamlu l-istess ma’ Mintoff, ma’ Karmenu Mifsud Bonnici u għalhekk qatt ma nista’ nemmen li l-avversarju politiku tiegħi se jagħtini xi parir, f’dan il-każ biex inbiddel il-mexxej, li bih se jgħini nkun aħjar minnu.
“Alfred Sant mhux perfett imma ma nemminx li hu liability għall-partit. Minn wara l-elezzjoni ġenerali ta’ l-2003 sal-lum il-Partit Laburista rebaħ kull appuntament elettorali nkluż l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. B’Alfred Sant nistgħu nirbħu u għalhekk m’għandix għalfejn naħseb mod ieħor. Jidher ċar li l-MLP miexi ’l quddiem.
“Il-Partit Nazzjonalista xjaħ, għejja u m’għandux ideat. Il-korruzzjoni li ħierġa bħalissa hi indikazzjoni ta’ sistema li qed titmermer.”
Ir-relazzjoni ta’ Vella ma’ Sant għaddiet mit-tlajja’ u l-inżul tagħha bħal dik ta’ żewġ maħbubin li llum m’għadhomx flimkien imma baqgħu ħbieb.
“Għandi relazzjoni tajba iżda ovvjament mhijiex intima bħalma kienet qabel għall-fatt li m’għadnix fit-tmexxija tal-partit. Il-kuntatt naqas ħafna imma xorta għadu jikkonsulta miegħi speċjalment fuq affarijiet Ewropej.
Meta tkun ilek barra mill-poter għal tul ta’ żmien hemm ir-riskju li l-għatx tipprova taqtgħu f’daqqa bil-konsegwenza li tispiċċa tweġġa’ lil ħaddieħor. It-tabib iqarras wiċċu meta nuża l-kelma ‘vendikazzjonijiet’.
“Dejjem tkellimna dwar ġustizzja mhux vendikazzjonijiet. Qatt u mkien ma tkellimna fuq vendikazzjoni. Il-prinċipju li tlaqna bih fl-1996 li lil min lest jaħdem anki jekk hu Nazzjonalist inħalluh hemm mhux se narmuh, imma lanqas mhu se nkunu naive.
“Min irid jaħdem magħna mhux se jkollu problema imma min se jipprova jfixkel billi jgħaddi informazzjoni żbaljata jew jagħti pariri ħżiena rridu nsibu mezz kif ma nħalluhx ikompli jagħmel hekk. Ma jistax ikun li jkollna min fiċ-ċivil jagħmlilna l-bsaten fir-roti.”
L-aħħar mistoqsija hi ovvja daqs l-ewwel waħda. Ilni ħafna nisma’ x-xniegħa li George Vella jkun nominat President tar-Repubblika jekk jitla’ l-Partit Laburista fil-Gvern.
“Nismagħha wkoll din ix-xniegħa bħal ħafna oħrajn. Jekk il-partit, jew aħjar il-Prim Ministru, jidhirlu li għandi kontribut x’nagħti lill-pajjiż, jien lest u nista’ ntih fil-Gvern.”
Nistennew u naraw!



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt