Id-deċiżjonijiet tant mistennija dwar id-dħul ta’ l-ewro u l-konferma tar-rata issa ttieħdu mill-Kunsill tal-Ministri. B’hekk, minn issa ’l quddiem, nistgħu nikkonċentraw fuq l-adozzjoni imminenti ta’ din il-munita l-ġdida li se twassal għal diversi benefiċċji għall-pajjiżna.
Ir-rwol tal-Kumitat Nazzjonali għall-Bidla għall-Ewro issa se jsir aktar kruċjali hekk kif il-kampanja ta’ informazzjoni tintensifika ruħha speċjalment wara l-jiem tas-sajf. Madankollu diġà għaddejjin diversi inizjattivi li jippermettu kemm lill-konsumatur kif ukoll lin-negozjanti jħejju minn issa għal din il-bidla.
Qabel xejn il-ħwienet issa huma obbligati li juru l-prezzijiet biż-żewġ muniti. Kważi l-ħwienet kollha diġà qed juru l-prezz bil-Lira u bl-ewro. Dan hu fattur pożittiv għaliex b’hekk il-konsumatur diġà għandu għodda essenzjali biex jidra l-prezzijiet bl-ewro. Dan jgħin biex il-konsumatur iserraħ moħħu li mhux se jkun hemm abbuż wara d-dħul tal-munita l-ġdida għax jekk xi ħadd jabbuża, il-konsumatur se jkun f’pożizzjoni li jinduna!
Tajjeb li nfakkar li mill-ewwel pajjiżi li daħhlu l-ewro, kienu tlieta biss, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Portugall, li daħħlu l-wiri tal-prezz fiż-żewġ muniti b’mod obbligatorju. Huma kienu fost il-pajjiżi li lanqas li kellhom ċaqliq fil-prezzijiet.
Iżda dan mhux l-unika metodu li l-NECC ħaseb għalih biex jiżgura li l-prezzijiet ma jogħlewx aktar min-normal. Price Watch huwa proġett fejn qed jinġabru l-prezzijiet ta’ mijiet ta’ prodotti li jintużaw b’mod regolari minn mijiet ta’ ħwienet u ristoranti. Dan biex inkunu nistgħu nagħtu xhieda ċara ta’ x’verament huma l-bidliet li qed iseħħu f’dan il-proċess. Dan il-proċess huwa msaħħaħ b’inizjattiva oħra msejħa Mystery Shopping fejn organizzazzjoni indipendenti qed tagħmel spezzjonijiet għall-għarrieda u tiġbor ukoll sensiela ta’ prezzijiet bl-għan li jkun garantit kull trasparenza fil-proċess.
Madankollu jien konvint li l-maġġoranza assoluta tas-sidien tal-ħwienet se jwettqu bidla b’mod ġust għaliex l-ewwelnett l-esperjenza li kellna s’issa, dejjem urietna li fejn tlabna l-koperazzjoni mis-settur tan-negozju dejjem sibniha. U t-tieni raġuni hi li nemmnu li l-ġustizzja u t-trasparenza fil-prezzijiet huma fl-interess tagħhom ukoll.
Għall-konsumatur l-NECC ukoll qed jaħseb biex dan ikun ippreparat sewwa. Barra mill-wiri tal-prezzijiet taż-żewġ muniti, il-kampanja informattiva se tkun imsaħħa, speċjalment wara s-sajf. Iżda minn Settembru mhux se niffukaw fuq il-mezzi tax-xandir tradizzjonali biss. Se nkunu aktar qrib il-konsumatur. Dan se jsir permezz ta’ ċentri lokali fejn wieħed jista’ jakkwista informazzjoni dwar l-ewro, attivitajiet ta’ informazzjoni fil-parroċċa u f’ċentri lokali u anke, fejn wieħed jixtieq, informazzjoni diretta fid-dar tal-persuna. L-għan tagħna hu li l-bidla għall-ewro tkun waħda li fiha l-bżonnijiet ta’ kulħadd jiġu ikkunsidrati. Nemmnu li dan il-proċess, minkejja li fih diversi aspetti li wieħed irid jikkunsidra, m’għandux joħloq problema fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Ħsibna anke għal persuni li għandhom xi żvantaġġi partikolari u anke għat-tfal, li kemm fil-livell Primarju kif wkoll fil-livell Sekondrju se jsibu mis-sena skolastika l-ġdida programm sħiħ li jippermetti lilhom u lil tal-familja biex jidraw minn kmieni din il-munita l-ġdida.
Importanti li minn issa n-negozjant idur madwaru, jara l-attivitajiet tiegħu ta’ kuljum u jistaqsi x’bidliet għandu bżonn jagħmel. Programmi ta’ l-IT, l-istrateġija ta’ bejgħ u pprezzar, kemm se jkollu bżonn flus ewro f’Jannar, kif se jaħdem b’żewġ muniti: dawn huma ftit kwistjonijiet li tal-ħanut irid mhux biss jaħseb fuqhom minn issa iżda anke jieħu azzjoni dwarhom.
Il-messaġġ tagħna huwa wieħed sempliċi: il-bidla għall-ewro se ġġib magħha vantaġġi għan-negozju u l-konsumatur. Dawn issa ilna nitkellmu dwarhom: stabbiltà fil-prezzijiet, aktar kompetizzjoni u aktar opportunitajiet, l-investiment barrani se jsir aktar faċli, anqas spejjeż fl-ivvjaġġar jew biex wieħed jixtri prodotti minn barra, u fuq kollox, garanzija li l-finanzi Maltin se jkunu mħarsa mill-Unjoni Ewropea b’mod li ma nerġgħu qatt naqbżu livelli eċċessivi ta’ dejn jew defiċit. Iżda issa hu l-mument li kulħadd jagħmel l-isforz tiegħu: il-konsumatur li jilqa’ l-informazzjoni li ngħaddulu u jifliha sew, in-negozjant li jwieġeb minn issa l-mistoqsijiet li poġġejt hawn fuq.
L-ewro hu l-pass li jmiss u bl-għajnuna ta’ kulħadd nistgħu nagħmlu bidla ta’ suċċess.
Joseph FX Zahra
hu Chairman Kumitat Nazzjonali għall-Bidla għall-Ewro
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt