“Il-politika suppost li hi t-tieni l-eqdem professjoni. Jien irrealizzajt li għandha xebħ kbir ma’ l-eqdem professjoni.” Hekk kien qal l-eks President ta’ l-Istati Uniti Ronald Reagan. Tgħid kellu raġun jgħid hekk? Jekk ninżgħu mill-fanatiżmu politiku u l-emozzjonijiet u nilbsu l-libsa ta’ osservazzjoni oġġettiva malajr nintebħu kemm is-sistema politika rriduċejniha għal mekkaniżmu manipulat mill-ftit biex jinganna lil ħafna kważi fuq kull aspett.
Niftaħru li l-Parlament hu l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż iżda mbagħad nirriduċuh għall-post fejn id-diskussjoni tieħu xejra retorika, fejn il-membru parlamentari m’għandux il-libertà li jivvota skond il-kuxjenza tiegħu, fejn il-kelliema jispiċċaw jitkellmu mas-siġġijiet vojta u fejn dak li trid naħa jkun imponut fuq in-naħa l-oħra. Għollejna l-istess istituzzjoni fuq pedestal ’il fuq mill-poplu bil-privileġġi parlamentari bl-immunitajiet u l-pensjonijiet li għandhom il-membri, ħloqna proċeduri li jtellfu l-ħin produttiv tal-parlamentari u spiċċajna biex dik li suppost hi r-rappreżentanza tal-poplu tispiċċa istituzzjoni maqtugħa mill-istess poplu u li tistenna li l-poplu għandu jbaxxi rasu għal kulma tgħid u tagħmel.
Niftaħru kif il-Parlament hu l-benniena tad-demokrazija f’pajjiżna mbagħad meta niġu f’sitwazzjonijiet li nippruvaw dan nibqgħu b’xiber imnieħer.
Il-każ li tqajjem l-ġimgħa li għaddiet mill-Kap tal-Oppożizzjoni fejn allega li l-Ministru Mugliett kien qarraq bil-Kamra hu eżempju ċar. Fil-Parlament l-istess Ministru stqarr li l-intervent tiegħu fil-każ ta’ tixħim fl-Awtorità tat-Trasport kien wieħed limitat u frott ta’ deċiżjoni kollettiva. Minn dak li ntqal u nkiteb fil-pubbliku jidher li ma kien hemm deċiżjoni kollettiva xejn.
Il-Ministru jkun allura akkużat li qarraq bil-membri tal-Parlament. Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jikteb lill-Ispeaker biex jieħu passi. U x’ġara? Ittra minn naħa għall-oħra u kollox jibqa’ għaddej qisu ma ġara xejn. Issa dan il-fatt biss diġà hu xi ħaġa serjissima. Iżda fil-politika jgħaddi kollox. Il-messaġġ li ntbagħat lill-pubbliku kien li dak li jintqal fil-Parlament trid tibilgħu sa griżmejk għax ħlief il-verità sħiħa ma tingħadx. Mela ħasbu li l-poplu beċċun jew imbeċilli? Hekk irriduh jaħdem il-Parlament?
Fuq l-istess kwistjoni l-Ministru jikteb pubblikament u jgħid li jista’ jkun li kien għamel ġudizzju ħażin tas-sitwazzjoni iżda fil-kuxjenza ma kellu xejn u bi frankezza offra r-riżenja tiegħu biex ma jimbarazzax lill-gvern. Iżda l-Prim Ministru jidher li fehem bil-kontra, li jekk jirriżenja l-Ministru iktar kien se jimbarazza lill-gvern u allura ma aċċettax ir-riżenja. Għalhekk il-Ministru ddikjara li hu kien se jkompli f’xogħlu. Għal darb’oħra qisu ma ġara assolutament xejn!
U jekk xi ħadd jazzarda jagħmel xi mistoqsijiet fuq il-każ it-tweġiba diġà lesta: “Intqal biżżejjed. M’hemmx xi tgħid aktar!”
Fil-politika dawn huma dnubiet sagrileġġi. Wieħed jifhem li l-Ministru ma jkunx jaf x’inhu għaddej f’kull rokna tal-ministeru jew dekasteru tiegħu. Impossibli li jkun jaf x’qed jagħmlu dawk kollha li jaħdmu fid-dipartimenti jew azjendi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu u iebsa allura li jieħu t-tort tal-għemil ta’ ħaddieħor. Iżda għalhekk hemm ir-responsabbiltà politika. Mhux biex ipaċpaċ dwarha imma biex jassumiha bil-fatti. Personalment iktar naraha gravi li Ministru jqarraq bil-Parlament milli Ministru jintervjeni biex jirrakkomanda s-sospensjoni ta’ deċiżjoni dixxiplinarja. Għaliex il-Prim Ministru m’aċċettax ir-riżenja? Alla biss jaf x’għadda minn wara l-kwinti! U min jaf x’għadda meta l-istess Prim Ministru kien aċċetta r-riżenja ta’ l-eks Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin? Għalhekk l-ikbar dagħwa f’dan kollu hi li l-poplu jħalluh sajjem milli jkun jaf il-verità!
Dan l-aħħar kellna wkoll diskors fil-Parlament minn naħa ta’ membru ta’ l-Oppożizzjoni. Tkellem kif ħass u skond hu fl-interess tal-kostitwenti tiegħu. Qal li l-immigranti qed jiskomodaw bi kbir lir-residenti ta’ B’Buġa u għalhekk dawn il-povri għandhom jingħataw servizz tat-trasport segregat mill-kumplament tal-Maltin. Għamel referenza għall-fatt li anki fl-inħawi tal-Marsa fejn huma karatterizzati mill-prattika ta’ l-eqdem professjoni, dawn l-imsieken qed jimbarraw milli jersqu lill-Maltin. Ċaħad li hu xi razzist imma diskorsu ma rriflettiex għal kollox dak li ddikjara li hu mhux.
Anki jekk fil-fond ta’ qalbu kien ġenwin biex jaqbeż għall-kostitwenti tiegħu imma r-responsabbiltà politika kienet titlob li diskorsu jqisu qabel ma jgħidu. Spiċċa hu l-miskin għax ma sab wens mingħand ħadd, lanqas minn ta’ madwaru!
U xorta waħda kollox jibqa’ għaddej qisu ma ġara xejn!
B’hekk se jikseb il-fiduċja tal-poplu l-Parlament Malti? X’ma tħambaqx Mr Speaker!
Jekk fil-Parlament se nkomplu nħallu li jiġru dawn id-dnubiet allura kif nistgħu naċċettaw il-verġinità u l-innoċenza fit-tmexxija ta’ istituzzjonijiet oħra li għandu pajjiżna li għalkemm mhux daqs il-kamra tar-rappreżentanti imma huma importanti xorta waħda? Din mhix serjetà u l-poplu m’għandux jittieħed for granted! Wara kollox ikun x’ikun, id-dnub ma jorqodx.
Tgħid Reagan kellu raġun? Jew kellu raġun Charles De Gaulle meta qal li “l-politika hi suġġett serju wisq biex jitħalla f’idejn il-politiċi”?
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt