15 ta' Lulju 2007 • Nr 37

Arkivji




 

 

 

15 ta' Lulju 2007
Kriżi ta’ valuri

Teżisti kriżi ta’ valuri fis-soċjetà u mhix kriżi marbuta mal-moralità sesswali jew dik reliġjuża. Il-valuri tar-rispett lejn il-proxxmu, il-kontabbiltà u l-ġustizzja fl-amministrazzjoni pubblika tnawru sew u qed iwasslu għal tmermir fis-sistema demokratika.
Mhux ta’ b’xejn li l-poplu qed jitlef il-fiduċja fl-amministrazzjoni pubblika. Il-każijiet ta’ korruzzjoni u tixħim li ħarġu dan l-aħħar jixxukkjaw. Iżda meta l-awtoritajiet jibqgħu ċċassati quddiem sitwazzjoni bħal din qisu m’għandniex għalfejn ninkwetaw għax min qed jabbuża nqabad, tibda tinduna li l-problema hi ferm ikbar.
Meta l-każijiet jibdew ifaqqsu wieħed wara l-ieħor bilfors li hemm problema fis-sistema kollha kemm hi. Bilfors hemm nuqqas ta’ kontabbiltà. Bilfors li min abbuża għal tant snin ħassu komdu jagħmel hekk għax ma kien hemm ħadd jew xejn x’jissindikah.
Iżda forsi l-iktar każ li jdarras hu dak tal-Ministru Jesmond Mugliett. Il-Ministru qatt ma messu ndaħal f’deċiżjoni amministrattiva biex tkun obduta ordni tal-Qorti. Il-messaġġ li ntbagħat f’dan il-każ ma għenx biex titnissel il-fiduċja tan-nies f’Awtorità li sa sena ilu nbarmet minn skandlu ta’ korruzzjoni marbut mal-liċenzji tas-sewqan.
Iżda lanqas l-aġir tal-Prim Ministru ma għen biex titnissel il-fiduċja. B’kejl għal kollox differenti minn dak li uża meta aċċetta r-riżenja ta’ John Dalli, il-Prim Ministru ħalla lil Mugliett ikompli fil-kariga tiegħu.
Issa biex l-istorja verament issir kummiedja l-Awtorità ppubblikat ittra li fiha bilkemm mhux qed tagħti raġun lil Mugliett anki jekk sa ftit tal-jiem ilu l-istess uffiċjali fl-Awtorità kienu qed igiddbu lill-Ministru tagħhom.
Mill-borma tal-Gvern mhix ħierġa riħa tfuħ lanqas jekk tipprova timmaġina l-itjeb minestra ttektek fuq in-nar. Il-ftaħir tal-Prim Ministru li dawn il-każijiet ta’ korruzzjoni huma xhieda li l-amministrazzjoni pubblika qed taħdem sew u b’ġustizzja iktar jixbaħ l-għajta ta’ prostituta li tgħid li hi verġni. Ruma qed taqbad u l-Imperatur iktar mehdi jdoqq l-arpa waqt li jitpaxxa bl-ispettaklu.

Merħba lill-ewro
Ix-xena tal-Prim Ministru bir-rappreżentanti tal-korpi kostitwiti u l-unions bilqegħda warajh waqt li qed iħabbar uffiċjalment li Malta se ddaħħal l-ewro fl-1 ta’ Jannar li ġej kienet waħda rari ħafna.
M’hemmx dubju li d-dħul ta’ l-ewro hu pass importanti ħafna għall-pajjiż mhux biss għax se nissieħbu f’munita b’saħħitha li tgħaqqadna ma’ suq kbir imma iktar minn hekk għax se ddaħħal dixxiplina fiskali li fit-tajjeb jew fil-ħażin se torbot idejn kull gvern Malti minn issa ’l quddiem.
Mhumiex żbaljati r-riklami li qed joħroġ il-Gvern li jqabblu d-dħul ta’ l-ewro ma’ avvenimenti oħra storiċi bħall-Indipendenza u l-Ħelsien għax il-bidla li se jgħaddi minnha l-pajjiż hi ferm ikbar minn bidla fil-muniti u l-karti tal-flus.
Se tkun bidla kulturali fil-mod ta’ kif pajjiżna jrid imexxi flusu. Se tfisser iktar stabbiltà fil-munita li biha jinnegozjaw il-kummerċjanti. Se tfisser rati ta’interess iffissati mill-Bank Ċentrali Ewropew bil-pajjiż jitlef l-istrument tal-kambju bħala għodda ekonomika. Se tfisser poter ikbar lill-konsumatur għax ikun jista’ jqabbel il-prezzijiet ta’ oġġetti u servizzi f’Malta ma’ dawk f’pajjiżi oħra fiż-żona ewro.
Dan jagħmel mill-ewro avveniment storiku importanti u għalhekk kien tajjeb li l-Prim Ministru ġabar warajh lill-partijiet soċjali. Jeħtieġ li l-bidla ssir bl-ikbar għaqal u bl-inqas skossi. Jekk il-partijiet soċjali kollha joffru l-għajnuna tagħhom kulħadd se jiggwadanja.
Apprezzajna wkoll il-preżenza tal-GWU bl-ogħla uffiċjali tagħha, xi ħaġa li kienet nieqsa mill-jigsaw puzzle ta’ Eddie Fenech Adami lejlet ir-referendum fl-2003. M’għandniex dubju li l-preżenza tal-GWU llum hi dovuta għall-fatt li l-Partit Laburista qal iva għall-ewro u allura m’hemmx kontroversja politika fuq il-kwistjoni.
Nittamaw li issa l-GWU tingħaqad mal-UĦM fil-proġett li din ta’ l-aħħar għandha biex tissorvelja l-prezzijiet qabel u wara d-dħul ta’ l-ewro. Dawn iż-żewġ unions kbar jistgħu jservu ta’ kelb tal-għassa fuq in-negozjanti li jittantaw jabbużaw mill-qalba tal-munita biex iħaxxnu bwiethom mingħajr ġustifikazzjoni.
Il-pass li jmiss jeħtieġ li nagħmluh ilkoll flimkien
.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt