15 ta' Lulju 2007 • Nr 37

Arkivji




 

 

 

15 ta' Lulju 2007
Il-liġi, id-drittijiet fundamentali u l-globalizzazzjoni

1. Imdorrijin wisq naħsbu fuq il-globalizzazzjoni f’termini ekonomiċi u soċjali mingħajr ma naraw u neżaminaw kemm din qegħda, fir-realtà ta’ kuljum, tolqot setturi oħra. Għalhekk m’għandhiex tkun xi ħaġa ta’ barra minn hawn li s-settur ġudizzjarju qiegħed jirċievi influwenzi simili. Żgur mhux forsi, il-pożizzjoni determinanti ta’ dan il-pilastru f’soċjetà demokratika li trid tidħol il-ħin kollu bejn il-forzi politiċi, ekonomiċi u s-soċjetà nnifisha, tfisser li fl-aħħar tal-ġurnata l-influwenzi tal-globalizzazzjoni jaħkmu lilna wkoll.

2. Dan apparti mill-forzi purament legali, li huma wkoll jeżerċitaw l-id tagħhom biex jibdlu. Fil-fatt, illum hemm irbit u influwenzi ikbar fir-rapporti bejn il-liġijiet ta’ kull pajjiż. Anzi, bl-Unjoni Ewropea, qed inbiddlu ferm u ferm iktar l-istrutturi legali interni ta’ kull stat, u ma’ dan, l-interpretazzjoni u l-ispirtu tal-liġi. Anki l-organi supra-nazzjonali fid-dritt ċivili u penali qed ikomplu jżidu fil-komplessità tal-kamp legali u dak li qed jiġi mistenni li jsarraf.

3. Diġà pajjiżna kellu din l-esperjenza pożittiva ta’ korp legali li ħaddan fih kemm kunċetti tad-Dritt Ruman kif ukoll dawk tal-pajjiżi Anglo-Sassoni, magħrufa aħjar bħala “Common Law”. Dan tana vantaġġi kbar fis-sens li konna ppreparati diġà għall-integrazzjoni li ħafna sistemi qed ibatu biex jagħmlu preżentement. Dan ovvjament għax din l-istruttura legali ssostni żewġ sistemi ekonomiċi b’saħħithom u allura jekk pajjiż irid jidħol f’dak is-suq irid joħloq ukoll l-ambjent legali li fih min jopera fis-settur iħossu komdu.
4. Wieħed mill-vantaġġi, u finalment wirt ta’ l-era ta’ l-Imperu Ruman, kien il-ġabra ta’ liġijiet u sistemi legali li permezz tagħhom kienu jiġu deċiżi u amministrati d-drittijiet taċ-ċittadini. Inbniet viżjoni komuni u akkumulat skola legali ta’ kif wieħed għandu jinterpreta l-liġijiet. Il-proċess ġudizzjarju ta’ San Pawl quddiem Festus, li nsibuh rakkuntat fedelment minn għajn mhux legali fl-Atti ta’ l-Appostli, għadu llum il-ġurnata jitlob mingħandna r-rispett. Rikonoxximent tal-fatt li dan il-Lhudi talab u ġieb fis-seħħ id-dritt penali tiegħu li jiġi proċessat quddiem l-Imperatur innifsu f’Ruma. Kellhom jeħduh magħhom u jġorruh bl-ispejjeż u d-diffikultajiet kollha, għax kellu ġabra ta’ drittijiet fundamentali li s-sistema kienet tħaddan u tirrispetta.

5. Mhux biss dan, imma ovvjament il-proċess tal-globalizzazzjoni legali qiegħed jinfluwenza wkoll l-amministraturi diretti tas-sistema. Il-korp tal-Ġudikatura ta’ kull pajjiż qiegħed isib ruħu ffaċċjat minn tliet proċessi ta’ pressjoni. L-ewwel, l-interpretazzjoni ta’ diversi normi li għax imwielda oriġinarjament minn missirijiet li m’humiex nazzjonali qed jitolbu li wieħed jistudja sistemi ġuridiċi oħra u jiċċita minn sentenzi mogħtija minn qrati oħra. It-tieni, l-ħarsien tal-korp sħiħ tad-drittijiet fundamentali li inevitabbilment jistgħu jsibu rwieħhom imċaqilqa minħabba l-introduzzjoni ta’ liġijiet ġodda. It-tielet, l-għarfien li s-sistemi ġudizzjarji qegħdin inevitabbilment jitqabblu u dan għax l-ekonomija qegħda tħares sabiex tinvesti flusha fejn hemm sistemi legali li ma jħallux il-kwistjonijiet li jiġiebu pendenti fit-tul.

6. Ebda sistema legali, ta’ ebda pajjiż, ma tista’ taħrab minn dan il-proċess inevitabbli u konsegwenzjali għall-fatti li l-progress uman qiegħed iġib. Anzi, jidher mill-iktar ċar, li kemm il-parlamenti ta’ diversi pajjiżi kif ukoll il-qrati tagħhom qegħdin jirreaġixxu biex ilaħħqu mal-mewġa li ġejja. Hemm min ikun preżenti ftit qabel, bħalma rnexxielna nkunu aħna fis-settur finanzjarju fejn illum bnejna korp legali ta’ normi li jitolbu l-integrazzjoni tagħhom fil-Kodiċi tal-Kummerċ. Iżda l-maġġoranza qed jibnu biex ilaħħqu mas-setgħa tal-forza tas-suq għax ovvjament hemm garanzija ta’ xogħol.

7. Però f’dan ix-xenarju li ilu jinbena dawn l-aħħar snin b’veloċità qawwija għad hawn settur li għadu mhux żviluppat kif għandu jkun, li jista’ jittieħed b’iktar determinazzjoni. Ħadt pjaċir naqra kliem l-Arċisqof Silvano Tomasi f’laqgħa f’Ġinevra fl-20 ta’ Ġunju 2007, tal-Kunsill tal-Ġnus Magħquda fuq id-drittijiet fundamentali, li qal dan: “The globalisation of the economy and communication should be matched by the globalisation of human rights. The priority of the rights of the human person takes precedence over the narrow political considerations and immediate advantages that may accrue by tolerating the violation of these rights.”

8. F’dinja li qegħda tiċkien u li bdiet proċess għall-uniformità legali kbira hemm bżonn iktar minn qabel li nissudaw id-drittijiet fundamentali. L-Unjoni Ewropea, bit-tradizzjoni tagħha ta’ sistema legali li ttrasformat u bniet ruħha fuq il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali tal-bnedmin, kif ukoll id-diversi pajjiżi demokratiċi li għadhom din il-prattika, iridu jqiegħdu dan fuq l-aġenda tagħhom. Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali huma garanzija ta’ stabbiltà, paċi u ġustizzja soċjali f’kull pajjiż, u fid-dinja. Hemm bżonn li nagħtu kas iktar ta’ dan u ma nabbandunawx l-għan aħħari li xi darba naraw renju globali aħjar f’din id-dinja.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt