08 ta' Lulju 2007 • Nr 36

Arkivji


08 ta' Lulju 2007
Tifel jingħata l-morfina bi żball

Julia Farrugia

L-Awtoritajiet tas-Saħħa qed jinvestigaw il-każ ta’ tifel ta’ tliet snin li bi żball ingħata doża ta’ morfina. Dan il-każ seta’ wassal għall-mewt tat-tifel għaliex teknikament qatt ma kellu jingħata din il-mediċina.
Il-każ seħħ nhar l-Erbgħa li għadda fis-Sala Disneyland ta’ l-isptar San Luqa. Sorsi qrib il-familja tat-tifel ikkonfermaw ma’ din il-gazzetta li ċ-ċkejken kien ilu għal din l-aħħar ġimgħa jingħata kura għall-meningite. Ġara li bi żball l-Erbgħa filgħaxija t-tifel ingħata l-morfina taħt forma ta’ drip.It-tifel beda juri sintomi differenti hekk kif f’ħin minnhom telagħlu raxx kbir.
Kien f’dan il-ħin li l-familja tiegħu kienet infurmata li sar żball u li t-tifel ingħata l-morfina meta ma kellhiex tingħata.
Jirriżulta li wara dan il-każ it-tifel kellu jinżamm aktar l-Isptar San Luqa biex jingħata iżjed kura minħabba l-problema ġdida.
Ray Busuttil, Direttur Ġenerali tas-Saħħa, ikkonferma ma’ din il-gazzetta li “kien hemm inċident fis-Sala Disneyland”.
Busuttil sostna li dan il-każ “qed ikun investigat mill-Management ta’ l-Isptar.”
Mhux magħruf jekk s’issa sarux xi sospensjonijiet ta’ ħaddiema. Mistoqsija f’dan is-sens s’issa baqgħet mhux imwieġba.
Nifhmu li l-investigazzjoni interna fl-Isptar San Luqa għandha tistabbilixxi jekk f’dan il-każ kienx hemm negliġenza jew le. Irid ikun ikkonfermat ukoll jekk it-tort f’dan il-każ hux ta’ persuna waħda jew jekk hemmx involuta aktar minn persuna waħda.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt