08 ta' Lulju 2007 • Nr 36

Arkivji


08 ta' Lulju 2007
Xita ta’ nar u l-luttu ta’ parroċċa

Franica Pulis tintervista lil Dun Anton Cassar, kappillan ta’ Sta Liena

Iltqajt mal-kappillan ta’ Santa Liena ta’ Birkirkara Dun Anton Cassar fl-uffiċċju tal-Knisja kmieni filgħodu biex niddiskutu t-traġedja tal-kamra tan-nar ta’ Sta Liena li laqtet sitt dilettanti tan-nar u l-familji tagħhom. Dakinhar kien jaħbat eżatt ġimgħa wara l-inċident u kien il-jum li fih il-kappillan kellu jiltaqa’ mal-każini tar-raħal biex jiftiehmu x’se jagħmlu dwar il-festa ewlenija li s-soltu ssir f’Awwissu.
Dun Anton, minkejja s-serjetà tas-suġġett u ż-żmien li l-parroċċa tiegħu għaddejja minnu, jipprova jisdrammatizza ftit billi jgħaddili l-botti. Wara tazza ilma kiesħa u wara li qala’ l-batterija ta’ l-alarm li beda jdoqq f’nofs quddiesa, bdejt billi staqsejtu kif kien sar jaf bl-isplużjonijiet u x’kienet l-ewwel reazzjoni tiegħu.
“Kont qiegħed hawn l-uffiċċju. Smajt iż-żewġ splużjonijiet. Għidt li donnha kamra tan-nar. Mill-ewwel ħsibt li hi tagħna jew ta’ Briffa, għax dik qiegħda eżatt ħdejha. Kont l-uffiċċju, lestejt u mort. Ikkonfermawli li hi ta’ Birkirkara. Miegħi ħadt is-Sagrament tal-Griżma.
“Dak il-ħin ħadd ma kien jaf min hemm ġewwa. Kien hemm splużjonijiet għaddejjin il-ħin kollu. Kienet sitwazzjoni fejn tħossok inutli għax ma tista’ tagħmel xejn. Taf li hemm in-nies u taf li ma tista’ tagħmel xejn, anki min-naħa tal-Pulizija jew tal-Protezzjoni Ċivili.”
Is-sitwazzjoni kienet waħda simili għal min ikun qed jistenna l-isptar biex isir jaf x’sar minn xi qarib jew ħabib tiegħu wara li kellu inċident. Ma kienx hemm persuna waħda tibki. Min kien sieket jistenna u min kien qed isaqsi min daħal dakinhar jagħmel in-nar. Iżda x-xena ta’ warajhom, minflok ħajt abjad bir-riħa ta’ l-isptar, kienet duħħan tiela’ bi splużjonijiet żgħar li kienu għadhom għaddejjin. L-attitudni ta’ rassenjazzjoni tan-nies kienet tidher sew fuq wiċċhom minkejja li kienu għadhom għaddew biss sagħtejn.”
Issa li l-vittmi nstabu wieħed jista’ jimmaġina minn xiex għaddejjin il-qraba tagħhom. F’sitwazzjonijiet bħal dawn il-kappillan Karkariż jgħid li “mhemmx kliem ta’ sabar. F’kull ħaġa traġika l-qraba jsaqsu l-għala ġara hekk jew għaliex ġrat lil binhom jew lil żewġhom. Minbarra s-solidarjetà li turi magħhom importanti li huma jżommu lil Alla f’ħajjithom ħalli jagħtihom id-dawl f’din is-sitwazzjoni.
“Bħalma hemm fis-Salmi u l-Iskrittura, Alla hu l-fortizza fil-ħajja tagħna u tajjeb li npoġġuh fiha. F’dan il-mument Alla jagħtina l-qawwa biex nagħrfu s-setgħa tiegħu.”
Ikompli jitkellem dwar kif il-bniedem responsabbli minn ħajtu u importanti jifhem li l-ħajja għandha l-proċess naturali tagħha u li jistgħu jiġru inċidenti fiha.
“It-traġedja mhix xi ħaġa li għamel Alla. Jista’ jingħad li Alla kapaċi jagħmel il-mirakli imma l-ħajja umana trid tieħu l-proċess naturali tagħha u ma tiddependix kompletament minn Alla. Jekk taqbeż minn fuq siġġu jaf tikser idejk jew jiġrilek agħar.
“Iżda nemmen li jekk wieħed jafda fil-Mulej, isib il-kenn tiegħu f’dan l-hemm, forsi mhux issa, imma aktar ’il quddiem jaf isibu,” sostna l-qassis.
Jitkellem fuq it-tip ta’ għajnuna li d-djakunija toffri fil-komunità meta l-parruċċani jkunu għaddejjin minn xi żmien diffiċli.
“Bħala għajnuna ma noffruhiex f’dawn il-każijiet biss. Għandna d-djakunija li tgħin b’xi mod jew ieħor lill-komunità. Wieħed m’għandux juri l-appoġġ tiegħu f’dan il-mument biss.
“Hemm il-każ ukoll li wħud mill-vittmi kienu dawk li jaqilgħu l-ħobża għal familthom. Imbagħad hemm il-lat psikoloġiku. Aħna għalissa qed nippruvaw kemm jista’ jkun inżommu kuntatt regolari mal-familji.
“F’dan il-mument diffiċli tgħid x’għandhom bżonn. Bħalissa hu mument fejn il-bniedem jista’ jkun għadu ma aċċettahiex il-mewt. Il-bniedem irid jgħaddi minn ċerti fażijiet. Imbagħad kull bniedem hu individwali. L-importanti hu li dejjem tibqa’ dejjem qrib,” spjega l-Kappillan.
Il-Karkariżi bħalissa qalbhom sewda minħabba t-traġedja. Il-festa żgur se titnaqqas. Fil-fatt din il-ġimgħa Dun Anton kellu jiltaqa’ mal-każini biex jiftiehmu x’se jagħmlu fil-festa. Wisq probabli se ssir biss il-festa liturġika mingħajr il-briju ta’ marċi u nar.
Ġietni kurżità nistaqsih kemm hi ġustifikazzjoni valida meta wħud mid-dilettanti tan-nar jġibu l-iskuża li ‘Alla meta jridek isibek’ minħabba l-periklu li jiltaqgħu miegħu kuljum u forsi ma jiħdux il-prekawzjonijiet neċessarji biex jevitaw kemm jistgħu jkun dawn it-traġedji.
“Jien dejjem sostnejt li l-importanti hu l-bniedem. Għandu jkun hemm provvedimenti biex ma jsirux aktar traġedji u dawn iridu jipprovduhom l-awtoritajiet ekklesjastiċi u dawk ċivili,” qal il-Kappillan.
Iġib l-eżempju ta’ l-inċidenti li seħħew fuq is-siti ta’ kostruzzjoni u jgħid wara l-aħħar inċident l-Awtoritajiet ħarġu regoli ġodda biex jitnaqqas il-periklu minn dawn il-postijiet tax-xogħol.
“Din hi għajta oħra biex min hu fl-awtorità jagħmel minn kollox biex isiru r-regoli neċessarji. Is-soċjetà Maltija għamlet qabża kbira. Qabel f’xogħol perikoluż, il-ħaddiem kien jingħata d-danger money. Issa minflok tpoġġilu z-zunnarija f’ħalqu, il-ħaddiem qed jingħata aktar provvedimenti u regoli biex kemm jista’ jkun jitnaqqas il-periklu fuq xogħlu. L-istess għandu jiġri f’dawn il-ħidmiet. Wasal iż-żmien biex jittieħdu dawn il-provvedimenti serji għax kważi kull sajf qed ikollna traġedji simili!” enfasizza Dun Anton u kompla jgħid kemm hi importanti l-edukazzjoni speċjalment fejn jidħol dan it-tip ta’ periklu.
Il-kappillan spjega kif xi żmien ilu, hu flimkien ma’ xi kappillani oħrajn, kienu bdew jiltaqgħu mal-każini u l-għaqdiet pirotekniċi dwar il-festi biex joħolqu xi regoli addattati li jipproteġu aktar lil min igawdi l-festi. Semma l-eżempju ta’ wieħed mis-suġġeriment li kien ingħata waqt il-laqgħat biex il-marċ ta’ filgħodu ma jkunx itwal minn erba’ sigħat.
“Għandhom bżonn jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji,” kompla jsostni l-Kappillan, “għax trid tħares il-ħajja umana li hi l-akbar don ta’ Alla u għalhekk għandha tiġi rispettata. Bħalma naħsbu li kull persuna għandha dritt għal dar diċenti fejn tgħix, edukazzjoni tajba u xogħol, l-istess, dawn għandhom jieħdu ħsieb il-ħajja tagħhom.”
Meta mistoqsi hux se jieħu xi passi dwar il-festi futuri Karkariżi, Dun Anton wieġeb, “Jien ma nistax noħroġ regolamenti. L-awtoritajiet iridu joħorġuhom. Fil-każ meta jkun hemm ġlied bejn il-baned, dak hemm bord tal-Kurja li jinvestiga l-każ, imbagħad jiddeċiedu huma għandhiex titħassar il-festa jew le. Il-bord s’issa jinvestiga biss il-festi organizzati mill-Knisja u hu limitat biss għall-baned,” temm jgħid Dun Anton Cassa
r.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt