08 ta' Lulju 2007
Il-kumpass morali ta’ Gordon Brown
Meta aktar kmieni din is-sena Gordon Brown nieda formalment il-kampanja tiegħi għat-tmexxija tal-Partit Laburista Ingliż hu qal li ommu Elizabeth u r-raġel tagħha John, li hu Ministru fiċ-Church of Scotland, ipprovdew il-kumpass morali li iggwidah tul ħajtu.
Hu minnu li f’kampanja politika dak li jkun jipprova jbigħ lilu innifsu mill-aħjar li jista’, kultant anki bħala ‘prodott’. Iżda xi ħaġa li tolqotni dwar Gordon Brown hi s-saħħa morali tiegħu, il-forza tal-konvinzjoni tiegħu, l-għożża għall-valuri mingħajr ma jingħalaq fih innifsu u jinsa li l-problemi ta’ għada ma jistgħux jiġu indirizzati bis-soluzzjonijiet tal-bieraħ.
Hemm min iqis li t-triq tiegħu lejn il-kisba ta’ 10 Downing Street kienet mixja u vjaġġ epiku li ilu għaddej mat-13-il sena. Ħafna kienu dawk li ħasbu li meta l-Mexxej Laburista John Smith miet għall-għarrieda f’Mejju ta’ l-1994 Brown kien se jkun is-suċċessur tiegħu.
Ma nistax ngħid li qatt kilt il-kirxa ma’ Brown iżda tkellimt miegħu fit-tul f’żewġ okkażjonijiet: f’Mauritius waqt li konna flimkien għall-Konferenza tal-Ministri tal-Finanzi tal-Commonwealth fl-1997 u fil-bidu tas-seklu meta saru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew tar-Reġina Elizabetta f’Londra.
Il-bniedem jista’ jkun li m’għandux il-kariżma ta’ Tony Blair. Dan fil-fatt kien evidenti meta nhar l-Erbgħa li għaddew segwejtu fuq Sky TV waqt il-Prime Minister’s Question Time mill-House of Commons.
Iżda hu bniedem konvint minn dak li jemmen fih, bniedem b’formazzjoni politika soċjal-demokratika soda u li anki mill-interventi tiegħu ta’ nhar l-Erbgħa wera fejn tħabbat qalbu l-aktar: il-bżonn ta’ aktar housing għal dawk fil-bżonn bi prezzijiet li jistgħu jilħqu magħhom, il-ħtieġa tat-tisħiħ tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa kif ukoll il-bżonn ta’ djalogu bejn ir-reliġjonijiet ħalli tingħeleb it-tensjoni u n-nuqqas ta’ fiduċja bejn id-diversi komunitajiet li tul is-snin għamlu mir-Renju Unit komunità multi-etnika.
Għandu għedewwakemm irid. Hemm min isejjaħlu control freak filwaqt li oħrajn qalu li kapaċi jkun bla ħniena daqs wieħed Stalinista. Hu allegat li l-ispin doctor ta’ Blair, Alastair Campbell, darba qal fl-1998 li Brown għandu ‘problemi psikoloġiċi.’
Dawn kollha jfakkruni fl-attakki li spiss isiru b’mod konċertat fuq Alfred Sant. Iżda l-istess bħal Sant għandu kwalitajiet li mhux kemm issibhom malajr f’politiċi oħrajn. Jaqra ħafna. Għandu intellett ferm ogħla minn ta’ politiċi sħabu. Jimpressjonak minkejja li m’għandux dik it-tbissima naturali ta’ Blair. Aktar ma ssir tafu aktar tinduna kemm hu bniedem enigmatiku u profond fil-ħsibijiet u fl-ideat tiegħu. Għalkemm jingħad li jħossu rilassat mal-ftit ħbieb li għandu kultant iħoss ruħu stramb ma’ nies ta’ barra ċ-ċirku ta’ ħbieb tiegħu.
Iżda l-fatti jitkellmu waħedhom. Mhux biss hu l-aktar wieħed li serva bħala Ministru tal-Finanzi iżda hu meqjus minn ħafna bħala forsi l-aqwa wieħed li ra pajjiżu f’dawn l-aħħar snin.
L-isfond akkademiku u professjonali tiegħu hu mħallat. Ta’ 16-il sena kien diġà qed jistudja l-Istorja f’Edinburgh University. Ġab first class degree u aktar tard dottorat. Għamel żmien jgħallem fl-Università ta’ Edinburgh u anki ħadem bħala ġurnalist għat-TV Skoċċiż.
Ħidmietu ma kinitx ristretta biss għall-finanzi. Dejjem ħadem biex itejjeb il-qagħda tan nies ta’ pajjiżu. L-impenn tieghu kontra l-faqar – speċjalment fost it-tfal – dejjem kien prijorità tiegħu. Kif kienu wkoll il-ġlidiet favur l-għajnuna għall-kontinent Afrikan u d-dinja li qed tiżviluppa.
Fil-globalizzazzjoni jara sfida li toħloq opportunitajiet u żbilanċi ġodda.
Il-Partit Laburista Malti għandu jara fih sors ta’ ispirazzjoni għaliex filwaqt li Blair kellu l-istil li wieħed jistenna fl-era ta’ l-informatika, dan il-bniedem għandu is-sustanza ta’ politiku kbir li kapaċi jaddatta is-Soċjalizmu demokratiku għaż-żminijiet tal-lum, bla ma jwarrab il-valuri soċjali tiegħu iżda fl-istess ħin mingħajr ma jistrieħ fuq dogma li immuffat u għamlet żmienha.
Għalkemm iħossu qrib l-Istati Uniti, tant li jqatta’ l-biċċa l-kbira tal-btajjel tiegħu hemmhekk, u għandu rabtiet kbar ma’ l-aqwa ekonomisti tal-pajjiż, nemmen li r-relazzjonijiet ta’ pajjiżu ma’ l-Amerika filwaqt li jibqgħu sodi sejrin ikunu aktar bilanċjati b’tali mod li jgħinuh jikseb aktar rispett u ġieħ. Minn niesu stess u mill-komunità internazzjonali.
Il-forte tiegħu fil-fehma tiegħi huma s-saħħa, l-esperjenza tiegħu u s-sens qawwi ta’ ġudizzju li għandu.
Dawn kollha jagħmlu minnek mexxej kapaċi. Kif jien perswaz li se jkun Gordon Brown. Iżda aktar importanti minn hekk se jagħti r-ruħ lura lill-Partit tiegħu! Dwar dan m’għandix dubju.
Leo Brincat hu kelliem għall-Affarijiet Barranin tal-Partit Laburista
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt