Dan l-aħħar iltqajt ma’ ħabib antik tiegħi li kont naħlef li l-inqas ħaġa li tinteressah hi l-politka. Għandu mpjieg tajjeb, jaqlagħha tajjeb biex iżomm familja, isiefer għal xi ġimgħa kull sajf u jżomm villeġġatura. Jgħix komdu imma mhux f’xi lussu. Mhux każ ta’ xi ħadd li għandu investimenti fi proprjetajiet, b’xi jott u renta dieħla. Hu wieħed minn dawk li nikklassifikawh tal-klassi medja. Din id-darba mingħajr ma qbadtlu d-diskors jien, ħass li kellu jesprimi ruħu dwar kif qed iħares lejn is-sitwazzjoni politika fil-preżent. Qgħadt nisimgħu bil-kwiet iżda wara rriflettejt ħafna fuq dak li qalli u għidt, kos, dawn huma n-nies li ma jitkellmux imma se jkunu huma li jiddeċiedu min jirbaħ l-elezzjoni li ġejja. Huma dawn in-nies li la joqogħdu jsegwu l-One TV jew in-Net; la joqogħdu jattendu l-attivitajiet tal-partiti; la jaqraw x’jgħidu l-kandidati u lanqas biss jridu jidhru b’xi mod li huma mċappsin b’xi kulur; li wara kollox jiddeterminaw xi Gvern għandu jkollu l-pajjiż!
Bħal dan il-ħabib tiegħi hawn ħafna. Illum ngħid li dawn it-tip ta’ nies qegħdin jiżdiedu kuljum. Mhux essenzjalment ma jridux jafu bil-politka iżda xebgħu u ddejqu mill-mod kif il-partiti u l-politiċi tal-lum qegħdin jittrattaw liċ-ċittadin meta jikkomunikaw miegħu. Dawn huma nies li jemmnu li bil-politka jista’ jitwettaq ħafna ġid anzi jirrikonoxxu l-fatt li min jidħol fil-politika għandu għadma iebsa quddiemu.
Iżda mill-banda l-oħra jaraw li l-politka llum mhix qed tassigura għaqal u bżulija amministrattiva tajba biżżejjed biex tiggarantixxi kwalità ta’ ħajja aħjar għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna iktar milli għalina li qed ngħixu llum.
Għall-partiti l-politka saret tfisser qoxra iktar milli sustanza. Jgħodd kemm jagħmik ir-reklam u mhux kemm hu utli l-prodott jew is-servizz. Jekk għal kumpanija kummerċjali r-reklam ifisser ħafna għax l-għajta nofs il-bejgħ u allura dan iwassal biex iġib il-profitt, illum il-partiti qed jirraġunaw l-istess.
Għajjat kemm tiflaħ; għawweġ il-verità; ixħet id-dubju fuq ħaddieħor; ftaħar kemm int tajjeb int u l-aqwa mhux li nwettqu l-wegħdiet imma li nġiegħlu lin-nies jemmnu li l-wegħdiet jitwettqu, tajjeb jew ħażin, l-għada ta’ l-elezzjoni jew lejliet l-elezzjoni ta’ wara, basta nakkwistaw il-vot. Jekk hawn xi ħadd li sar jispeċjalizza fil-marketing jew fir-reklamar żgur li huma l-istrateġisti tal-partiti politiċi.
Biex tagħmel dan, minbarra nies kapaċi, irid ikollok ukoll l-eluf tal-liri. Għalhekk qed jiġri li l-partiti ż-żgħar ma jistgħux jaqbdu art għax ma jistgħu qatt ilaħħqu mal-kampanji tar-reklamar tal-partiti l-kbar. Jekk imbagħad dawn hux qed jiddejnu u jagħmlu pass li ma jifilħux biex jilħqu l-għanijiet tagħhom hi kwistjoni oħra għalkemm fl-aħħar għad tinfaqa’ l-bużżieqa!
L-umiltà u l-maturità politika li tant huma essenzjali fil-politiku ma jeżistux. U għalhekk ħadd ma jrid jassumi r-responsabiltà politika. Ħadd mill-politiċi ma jasal biex jammetti fejn ikun żbalja. Minflok jgħidu li nbidlu ċ-ċirkustanzi u għalhekk qed jinbidlu maż-żminijiet.
Ħadd mill-partiti ma jammetti li għandhom diżgwid intern u jippruvaw ibenġluha li dak hu biss immaġinazzjoni fil-partit oppost jew inkella jippruvaw ibellgħuha li d-diżgwid mhu xejn ħlief diversità ta’ opinjonijiet li hi permessibli għax l-organizzazzjoni hi waħda demokratika u tirrispetta id-drittijiet ta’ l-espressjoni. Mur emminhom! Fir-realtà d-diżgwid jinqala’ għax it-tmexxija tkun dgħajfa; għax l-elementi bażiċi ta’ direzzjoni u viżjoni jkunu neqsin. U jekk dawn l-elementi jeżistu fil-partiti allura hi ħaġa loġika li jkunu riflessi fil-Gvern tal-ġurnata.
Għadni rrid nisma’ lill-Partit Nazzjonalista jgħid fejn morna żmerċ fil-pjanijiet li kellna minn meta sseħibna fl-Unjoni Ewropea. Għad irrid nisma’ wkoll lill-Partit Laburista jgħid f’liema oqsma switilna ta’ ġid l-istess Unjoni Ewropea.
Issa li jibda tiela’ d-deni ta’ l-Elezzjoni Ġenerali l-partiti jinsew li qegħdin fil-politka biex ikunu ta’ servizz għaċ-ċittadin; jinsew x’għandu bżonn pajjiżna; jinsew lill-familji fil-bżonn; u jikkonċentraw biss kif se jisolħu l-voti ta’ kulmin għandu dritt jivvota. Dak l-importanti, imbagħad wara naraw!
Mhux ta’ b’xejn li iktar ċittadini qegħdin jintebħu b’din il-logħba politika u jdabbru rashom. Filwaqt li minn banda dan jiswa ta’ ġid għall-elettorat għaliex il-politiku jibda jifhem kif liċ-ċittadin għandu jittrattah aħjar – fis-sustanza mhux fil-qoxra – mill-banda l-oħra l-pajjiż qed ibati meta dawk li jagħżlu li jidħlu fil-politka qed jinħakmu minn sistema li flok tiġbed liċ-ċittadin lejhom qiegħda tbiegħdu.
Il-ġenerazzjoni ta’ warajna tinħtieġ politiċi ta’ stoffa ferm aktar minn dawk tal-lum. Iżda s-sistema tal-lum mhix taħseb għal dan u sfortunatament jekk wieħed jifli l-backbenchers u l-attivisti li qed jinbtu fil-partiti llum wieħed malajr isaqsi ‘fejn huma l-mexxejja politiċi ta’ għada?’
Iċ-ċittadini siekta iżda li jiddeċiedu, bħalma hu ħabibi, fuq dan se jiddeliberaw meta jiġu biex jixħtu l-vot tagħhom. X’futur politiku se jsibu uliedhom? Jekk l-inċertezza tispikka f’dan ir-rigward allura l-parir li jagħtu lil uliedhom hu wieħed: dabbar rasek!
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt