01 ta' Lulju 2007 • Nr 35

Arkivji




 

 

 

01 ta' Lulju 2007
Bejn il-basla u qoxritha

Ma nafx x’fettillu sieħbi l-kollega Fortunat Mizzi jidħol bejn il-basla u qoxritha bejn Sant u Gonzi biex issa se jispiċċa b’riħitha. U vera fortunat Dottor Mizzi għax hu spiċċa bi vjal imsemmi għalih ġo ġnien fejn il-Kolossew u bust tiegħu fi ġnien ieħor fejn Piazza del Popolo f’Ruma, u jien imqar lapida xi mkien fid-deżert biex forsi xi darba jiġu jfittxuni u jsibuni ta’ Tista’ Tkun Tkun Int u jagħmluli xema’  fuq qabri.
Sieħbi Fortunat naf li ma jieħux għalija għax għalkemm hu kien minn Għawdex u jien minn Malta, għamilna żmien ngħixu kważi faċċata ta’ xulxin fit-telgħa tal-Ganċ il-Belt ħdejn ta’ Ġieżu u ġieli ħbatna f’xulxin jew inzertajna fl-istess ħin għand il-parrukkier u għedna kelma.
Għalkemm ma konna naqblu kważi f’xejn kellna l-mod kif xorta waħda nibqgħu nirrispettaw lil xulxin. Sieħbi Fortunat fetillu jidħol fil-kwistjoni li nqalgħet bejn Sant u Gonzi dwar jekk hemmx taxxi indiretti jew le fuq is-servizzi edukattivi. Dan kollu nqala’ meta fi programm imtella’ minn wieħed li jistħajjel li hu xi Bruno Vespa imma li ma joqgħodx lanqas fejn il-ponta ta’ difrejh, qam is-suġġett fuq liema taxxi beħsiebu jnaqqas il-compagno Sant hekk kif ikun elett bħala Prim Ministru. Appena Sant fetaħ ħalqu biex jgħid li beħsiebu jneħħi l-VAT minn fuq is-servizzi edukattivi, fil-pront Gonzi intervjena bl-iktar mod patronizzanti u ċert minnu nnifsu, biex jgħidilna li ma kienx hemm VAT fuq servizzi edukattivi u li s-Sur Sant ma kienx jaf x’qed jgħid. Hekk kif Sant ipprova jsostni li fil-fatt hemm il-VAT fuq il-kotba u materjal edukattiv ieħor, mill-ġdid indaħal Gonzi biex jgħid li jaħasra m’hemmx VAT fuq il-kotba u li s-Sur Sant ma jafx il-fatti kif inhuma. U l-istess ghamel il-preżentatur Bondipiù b’ton qiesu qed iħabbar xi dogma tal-fidi wkoll ta palata kif jaf hu billi qal li ma kienx hemm VAT fuq il-kotba. Tant instemgħu ċerti minn dak li bdew jgħidu Gonzi u sieħbu Bondiplusultrà li għal mument anki Sant deher ikkonfondut u beda jiġi fid-dubju.
La macchinetta delle bugie del Partito Nazionale fil-pront ippruvat tagħmel montatura minn tagħha biex minn dan il-battibekk televiżiv in do minore tagħmel daqxejn ta’ xkuma bla bajd.  Il-media Nazzjonalista ħarġet tirreplika lilha nnifisha li Sant ma jkunx ippreparat, li jħarref u jaqla’ l-affarijiet minn żniedu. Din il-montatura daret iċ-ċiklu tas-soltu, l-ewwel Il-Mument , imbagħad il-MaltaRighteous Now u l-101 u fl-aħħarnett in-NET TV u l-għada b’xi editorjal ta’ John Zammit fuq in-Nazzjon Tagħhom li ma jaqrah ħadd, bit-tama li tqanżiħa bħal din x’imkien tkun sabet xi beċċun u teħel f’moħħu.
L-ebda ġurnalista minn dawk minfuħin kollha arja li jriduha ta’ ‘arani u la tmissnix’ ma indenja ruħu jivverifika eżattament min kellu raġun bejn Sant u Gonzi u s-sinjorin li qadlu forċina.
L-impressjoni ġenerali tan-nies li ħarġet minn dan il-programm kienet li Alfred Sant kien żelaq żelqa nobis. Sakemm kellu jkun tifel ta’ l-iskola minn Għawdex li kiteb ittra zgħira fuq it-Times  xi ġimgħa wara u spicca faqa’ l-bużżeqa li ppruvaw jonfħu n-Nazzjonalisti b’ħafna tqanżiħ. Mhux talli hemm VAT fuq is-servizzi edukattivi, talli kien l-istess Gvern Nazzjonalista li impona l-VAT fuq student software package tal-Microsoft ipprovdut mill-Ministeru ta’ Augustin Pius.
Kif fil-fatt hu l-istess gvern ta’ Gonzi li mhux biss impona l-VAT fuq dan is-servizz edukattiv li jipprovdi hu stess imma hemm il-VAT fuq biżibilju ta’ prodotti relatati ma’ l-edukazzjoni. Ibda bl-uniformijiet, pitazzi, kotba, foto-kopji, kull kwalità ta’stationery u spiċċa bil-kompjuters.
Fuq dawn ta’ l-aħħar mhux biss hemm il-VAT imma hemm ukoll l-eko-tax u l-VAT fuq l-eko-tax li skond il-Perit Cacopardu din m’hi eko-taxxa xejn imma skuża oħra biex il-gvern iżid fid-dħul tiegħu.
Carissimo Fortunato tajjeb tivverifika ftit il-fatti qabel ma toħroġ għonqok ghad-dixxendenti politiċi tieghek.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt