L-Erbgħa li għaddew ma kienx tas-soltu, mhux minħabba s-sħanat ta’ barra minn hawn li jġiegħluk taħseb jekk jibqgħalekx saħħa taħseb mhux biss fuq it-tbagħbis tal-bniedem fil-klima imma anki fuq kemm se jkollu jilheġ u jonfoħ min minna se jispiċċa jinħaraq għal dnubietu fl-abissi ta’ l-infern. Min jaf, forsi diġà ninsabu fl-infern mingħajr ma nafu. L-Erbgħa li għaddew kien wieħed speċjali għax Gordon Brown, wara stennija twila, fl-aħħar sar mexxej tal-Partit Laburista Ingliż u Prim Ministru tar-Renju Unit u Walter Veltroni, is-Sindku ta’ Ruma, aċċetta li jiġi nnominat bħala l-ewwel Mexxej tal-Partit Demokratiku Taljan li se jiġbor fih diversi partiti taċ-Ċentru Xellug. Tibdil f’pożizzjonijiet importanti tat-tmexxija f’pajjiżi li għandhom ċerta influwenza fuq il-mod kif nagħmlu l-politika f’pajjiżna.
Brown vs. Blair
Fis-snin li għaddew il-kuntrasti bejn Gordon Brown u Tony Blair kienu kontinwi u qawwija. L-istorja tmur lura għall-1994 meta Brown u Blair kienu għadhom ħbieb kbar meta kien miet ħabta u sabta fil-kariga l-mexxej Laburista Ingliż John Smith.
Brown, li kellu għeruq aktar fondi fil-partit minn Blair, kien wieħed mill-favoriti nett li jirbaħ it-tmexxija.
Minkejja l-ħbiberija kbira li kien hemm bejniethom, Blair iddeċida li jidħollu fl-għalqa u jikkontesta wkoll għat-tmexxija u Brown spiċċa ħadha bi kbira mhux ftit. Imma fl-aħħar mill-aħħar Brown iddeċida li ma jikkontestax lil Blair hekk kif laħqu ftehim bejniethom li wara t-tieni leġislatura Blair iwarrab minn 10 Downing Street. Sadattant Blair ikkonċeda li Brown ikollu d-dritta u l-aħħar kelma f’dawk li huma finanzi u affarijiet ekonomiċi tal-pajjiż. Iżda kien hemm mument fejn tant inġema’ demm ħażin bejniethom li Blair kien beda jaħsibha serjament li jneħħi lil Brown minn Ministru tal-Finanzi. Il-qiegħa bdiet tisħon wara li Blair rebaħ it-tielet elezzjoni in fila u ma beda juri l-ebda sinjal li kien se jitlaq it-tmun minn idejh. Anki jekk xi ftit snin aktar tard minn kif stipulat bil-ftehim li suppost kien hemm bejniethom, fl-aħħar wasal il-mument ta’ Gordon Brown.
Ferm aktar sobriju u awstier u inqas daħqan minn Blair, assolutament mhux it-tip li joqgħod jitħallat ma’ tal-jet set u l-istilel taċ-ċinema bħalma kien jagħmel Blair. Għama minn għajn waħda b’riżultat ta’ inċident li sofra waqt partita rugby, m’għandux il-preżenza u l-kunfidenza li kellu Blair fih innifsu u f’kulma jagħmel. Mill-banda l-oħra l-fatt li hu xi ftit introspettiv jagħmlu politiku ta’ konvinzjonijiet aktar sodi u b’saħħithom. Konvint f’dak li jemmen, irid jikkonvinċi lil ħaddieħor.
Blair kien jiġi kkritikat li kien tat-teflon jew tat-tafal li jifforma u jadatta ruħu skond iċ-ċirkustanzi. Min-naħa tiegħu Brown fid-diskors meta nħatar mexxej bħal-lum ġimgħa, b’wiċċu minn quddiem stqarr li hu jħaddan “politika tal-konvinzjoni… ‘conviction politics’…il-konvinzjoni li kulħadd jixraqlu ċans ġust fil-ħajja.
“Il-konvinzjoni li kull wieħed minnha għandu responsabbiltà lejn ħaddiehor. Il-konvinzjoni li meta min hu b’saħħtu jgħin lil min hu dgħajjef, dan jagħmilna lkoll aktar b’saħħitna.
“Dak kollu li nemmen fih u kulma nipprova nagħmel ġej mill-valuri li kbirt magħhom: id-dover, l-onestà, ix-xogħol iebes, il-familja u r-rispett lejn ħaddieħor. Sejjaħlu l-ixprun tal-kuxjenza soċjali, sejjaħlu l-anġlu t-tajjeb fin-natura tagħna, sejjaħlu twemmin fid-dmir ċiviku.
“Ingħaqadt ma’ dal-partit meta kont għadni adoloxxenti għaliex kont nemmen f’dawn il-valuri. Dawn jiggwidaw ix-xogħol tiegħi u huma l-kumpass morali tiegħi. Dawn huma dak li jien. U peress li dawn huma l-valuri tal-partit tiegħi, il-partit li għandi mmexxi jien għandu jkollu mhux biss sett ta’ policies – imma għandu jkollu wkoll ruħ.”
Diskors li jqanqal u jċaqlaq aktar u aktar meta ġej minn fomm xi ħadd li m’għandux il-fama li hu tajjeb wisq għat-teatrini u għall-manipulazzjoni ta’ l-emozzjonijiet tan-nies. Gordon Brown hu t-tip ta’ politiku ta’what you see is what you get. Taf fejn inti miegħu, ġenwin u mhux se jidħak bik għax ma jafx. Kompla jgħid: “Il-preżentazzjoni qatt m’għandha tkun sostitut għall-kontenut tal-policies. Ma nemminx li l-politika għandha tkun taċ-ċelebritajiet.”
Ir-ruħ tal-politika
Naf li ma jaqbillek qatt tagħmel eloġju fuq il-ħajjin, għax waqt li għadu ħaj għad dejjem jista’ jiddiżappuntak. Imma fil-kas ta’ Brown lest li nieħu dan ir-riskju u ma niddejjaqx niżbilanċja ruħi.
Li jkollok lil xi ħadd li ilu iktar minn 10 snin fil-poter li jisħaq li l-politika m’għandhiex tkun biss kwistjoni ta’ sett ta’ policies, dwar maniġment, effiċjenza u titjib fl-amministrazzjoni, imma għandu jkun fiha wkoll ‘ruħ’ mhux strettament f’sens reliġjuż, verament hemm dik ix-xi ħaġa f’Gordon Brown li tagħmlu differenti mill-bqija.
M’għandniex nistennew taqlib jew tibdil rivoluzzjonarju għax żmien ir-rivoluzzjonijiet ilu li għadda u Brown mhemmx dubju li se jibqa’ ankrat fiċ-Ċentru ta’ l-ispettru politiku. Imma mogħni bl-ixprun tal-kuxjenza soċjali u bil-kumpass morali jurih it-triq, l-Ingilterra hi destinata li jkollha Prim Ministru straordinarju f’kull sens tal-kelma.
Inqas kariżmatiku imma ta’ kuxjenza u ferm aktar profond minn ta’ qablu. Is-sondaġġi ta’ l-opinjoni pubblika mill-ewwel urew fiduċja fih meta għall-ewwel darba f’diversi xhur, jekk mhux snin, il-Partit Laburista reġa’ jinsab quddiem jaqta’ lil Partit Konservattiv b’diversi punti perċentwali.
Brown vs. Gonzi
L-Ingilterra bħal Malta issa għandha Prim Ministru ġdid li se jkun qed imexxi l-pajjiż mingħajr ma rebaħ l-elezzjoni. Għalkemm Brown teoretikament kieku jrid għad fadallu sa l-2010 f’10 Downing Street, hu digà ta struzzjonijiet lill-campaign manager tiegħu biex jibda jħejji għal elezzjoni bikrija s-sena d-dieħla. Par idejn ġodda fit-tmun se jġibu magħhom ideat u prioritajiet ġodda għall-pajjiż u għalhekk ir-raġuni tgħidlu li ma’ l-ewwel opportunità għandu jmur għall-elezzjoni biex jikseb mandat popolari.
Mhux hekk f’Malta fil-każ ta’ Gonzi. Għax apparti li tilef kull elezzjoni li nżammet mindu ħa t-tmexxija tal-partit u tal-pajjiż, bħal donnu Gonzi qatt m’għaddielu minn rasu li fis-sitwazzjoni tiegħu ta’ Prim Ministru mhux elett f’elezzjoni, il-prassi f’pajjiżi oħra hi li mal-ewwel opportunità jmorru għal elezzjoni ġenerali. Iktar u iktar meta Gonzi spiċċa jimplimenta miżuri iebsa ta’ awsterità li ma kien hemm l-ebda xamma tagħhom fil-programm elettorali ta’ l-aħħar elezzjoni meta qalu li l-finanzi tal-pajjiż kienu fis-sod u spiċċaw żiedu l-piż tat-taxxi b’medja ta’ Lm60 miljun ta’ kull sena.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt