01 ta' Lulju 2007 • Nr 35

Arkivji




 

 

 

01 ta' Lulju 2007
In-Nazzjonalisti jittamaw sa l-aħħar
Il-Laburisti: ‘Ejja ħa neħilsu’

James Debono

L-aħħar stħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika ta’ illum juri li l-Laburisti huma ħerqana biex l-elezzjoni ssir f’Novembru bil-kontra tan-Nazzjonalisti li sforz it-tama li l-bilanċ elettorali għad jaqleb favurihom jixtiequ li l-elezzjoni tissejjaħ fl-iktar ġurnata tard possibbli.
Filwaqt li 58 fil-mija tal-Laburisti jixtiequ elezzjoni ġenerali f’Novembru li ġej huma biss erbgħa fil-mija tan-Nazzjonalisti li jixtiequ elezzjoni din is-sena. Fl-istess waqt 37 fil-mija tan-Nazzjonalisti jixtiequ li l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi jibqa’ jkarkar sa l-aħħar ġurnata kif kien għamel Karmenu Mifsud Bonnici fl-1987. Huma biss 15 fil-mija tal-Laburisti li jixtiequ elezzjoni fis-sajf tas-sena d-dieħla.
Din hi indikazzjoni ċara ta’ moral baxx fost il-votanti Nazzjonalisti li jidhru ferm inqas entużjasti mill-votanti Laburisti biex jixħtu l-vot tagħhom.
L-istħarriġ jirrifletti wkoll l-entużjażmu tal-votanti Laburisti li ilhom ma jaraw lill-Partit tagħhom fil-Gvern mill-1996 u ilhom ma jaraw Gvern Laburista jservi leġiżlatura sħiħa sa mill-1987.

L-iktar data popolari fost il-Maltin ta’ kull kulur hi Novembru. Filwaqt li 27 fil-mija jippreferu Novembru huma biss 10 fil-mija li jippreferu elezzjoni f’Mejju 2008, id-data indikata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Joe Saliba.
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kemm-il darba stqarr li m’għandu l-ebda intenzjoni jagħmel elezzjoni din is-sena. Fl-istess waqt Saliba kien qal li l-unika possibbiltà li ssir elezzjoni din is-sena hi jekk l-istħarriġ intern juri li l-PN qed igawdi xi vantaġġ ta’ 10 fil-mija fuq l-MLP, possibbiltà remota ħafna.
Is-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech f’intervista wkoll għamilha ċara li minħabba raġunijiet ta’ sigurtà marbuta ma’ moviment ta’ flus qabel id-dħul ta’ l-ewro ma jarax lok għal elezzjoni fl-aħħar tliet xhur tas-sena.
Iżda elezzjoni wara d-dħul ta’ l-ewro f’Jannar tfisser uġigħ ta’ ras oħra għall-Gvern ta’ Gonzi li jrid mhux biss jikkontrolla l-abbużi fil-prezzijiet iżda jiġġieled kontra l-perċezzjoni li l-ħajja se tkun ogħliet minħabba l-ewro.
Fl-aħħar mill-aħħar jista’ jkun li Gonzi jixtieq kampanja twila li fiha jkun jista’ jiddedika l-ħin kollu tiegħu biex ifiehem lill-poplu l-ħidma li wettaq il-Gvern tul din il-leġislatura.
Mexxejja oħra bħal Berlusconi fl-Italja u Schroeder fil-Ġermanja kienu bdew minn taħt fit-tellieqa elettorali iżda fl-aħħar kien kważi rnexxielhom jilħqu lill-avversarji tagħhom wara kampanja elettorali intensiva.
Filwaqt li Berlusconi kien ipprova jtawwal kemm jista’ jkun iż-żmien sakemm sejjaħ l-elezzjoni, Schroeder kien ħasad lil kulħadd b’elezzjoni bikrija.
Gonzi jrid jagħżel: jew jibqa’ jkarkar sa l-aħħar jew jispera f’kampanja intensiva fil-ħarifa. Sfortunatament għal Gonzi l-epidemija ta’ korruzzjoni li ħakmet lill-pajjiż dallmet il-ftuħ ta’ l-isptar il-ġdid u l-verdett ta’ Brussels favur is-sħubija fl-ewro li kienu ż-żewġ avvenimenti li bihom seta’ jieħu r-ruħ.
L-aħħar tama ta’ Gonzi issa hi fil-baġit li bih jista’ jroxx xi ftit iktar mis-sena li għaddiet.

Metodoloġija

L-istħarriġ sar permezz tat-telefon bejn nhar it-Tnejn 25 ta’ Ġunju u l-Ħamis 28 ta’ Ġunju. B’kollox intagħżlu 479 persuna għall-għarrieda mid-direttorju. 300 minn dawn aċċettaw li jkunu intervistati.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt