01 ta' Lulju 2007 • Nr 35

Arkivji




 

 

 

01 ta' Lulju 2007

Austin Gatt rebaħha l-imħatra?

TONI

L-imħatri tagħmilhom meta ma tkunx fiċ-ċert li se tirbaħ. Austin Gatt mhux wisq magħruf għall-għaqal fl-għażla tal-kliem u din ta’ l-imħatri se tibqa’ mniżżla fl-istorja bħalmeta Mintoff kien qal lil Ġużè Abela, “Aħleb, Ġuż!”
Kellu jkun f’dak il-jum iswed, meta l-ħaddiema spiċċaw mill-impjieg tagħhom bil-mijiet minn mad-Denim, li Austin b’ċertu sarkażmu iswed ħareġ b’din ta’ l-imħatri. Ftit intebaħ li kien qiegħed jikxef li mhux biss ma kellux pjan ċar għax hekk timplika mħatra, iżda wkoll li jħares lejn il-problema tal-qgħad b’mod simplistiku għall-aħħar.
F’dik l-okkażjoni l-ironija riedet, meta dak li qal kien għadu jidwi, li kumpanija Awstrijaka bl-isem ta’ Gama xorta waħda wriet interess li tkompli topera fil-qasam tat-tessuti u għalhekk issalva l-impjiegi ta’ dawk il-ħaddiema. In-negozjati ma’ din il-kumpanija fallew u minn dakinhar sal-lum drajna nisimgħu bil-mega sensji fil-qasam tal-manifattura lokali. Il-mijiet m’għadhomx jagħmlu aktar aħbar iżda saru biss statistika.
Iżda l-messaġġ li laħaq bagħat Austin lill-investituri barranin li xtaqu jew kellhom ħsieb jinvestu f’Malta kien ċar u tond: “Lil hawn tersqux manifattura lokali ma rridux”. Dan il-Gvern għal xi raġuni misterjuża li jafha hu biss daħħalha f’rasu li l-qasam tal-manifattura lokali hu fi stat moribond u jrid investiment f’kollox basta mhux f’dan il-qasam jew it-tarznari.
Imma l-aktar ħaġa li tweġġagħli rasi hi li kull darba li fabbrika tagħlaq il-bibien tagħha bħalma ġara dan l-aħħar fil-VF u l-Bortex dejjem jeħlu ma’ ras il-Gvern il-ħaddiema. L-argument fis-sempliċità tiegħu hu li s-salarji tal-ħaddiema huma għoljin u ma bqajniex kompetittivi fis-swieqi barranin.
Xejn ma sewa li neħħejna l-btajjel pubbliċi li kienu jaqgħu matul il-ġimgħa għax fejn konna bqajna. Kiluna l-pajjiżi ta’ l-Ewropa ta’ Lvant li llum membri ta’ l-UE bħalna, l-Asja u ċ-Ċina. Flok ma ngħidu li m’għamilna xejn biex inħajru investituri Ċiniżi jew Indjani biex jiġu Malta u b’hekk jużawna biex jidħlu fis-suq ta’ l-Unjoni kif kienu wegħduna fl-2003, illum ingergru li dawn kissruna.
Il-pagi tal-ħaddiema Maltin meta mqabbla ma’ dawk tal-ħaddiema Ewropej huma 65 fil-mija tal-paga medja li jirċievu dawk il-ħaddiema. Dejjem ngħidu li t-tessuti fi triqthom għal barra f’pajjiżi oħrajn, meta llum il-valur internazzjonali f’dan il-qasam biss hu ta’ $450 biljun fis-sena bid-domanda dejjem qed tiżdied. Hu veru li l-kompetizzjoni qiegħda dejjem tiħrax però f’suq li dejjem qed jespandi fiċ-ċokon tagħna ma nistax nifhem kif aħna mhu qed imissna xejn minnu.
Il-Gvern, għax hekk jaqbillu, jgħid biss biċċa żgħira mill-istorja. Il-Federazzjoni ta’ l-Industriji bi stqarrija wara l-oħra dejjem gergret li l-ispejjeż tal-produzzjoni kollha żdiedu minħabba l-politka żbaljata tal-Gvern. Ma jsemmux biss il-pagi iżda wkoll dan li ġej: Taxxi li dejjem jiżdiedu.
Biżżejjed ngħidu li dan l-aħħar il-Eurostat għadha kemm ippubblikat studju li kixef li Malta wara Ċipru, mill-1995 ’l hawn mill-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea żiedet it-taxxi fuq dak li kien hemm bi tmienja fil-mija.
Żieda kontinwa fit-tariffi, liċenzji u permessi ta’ 400 fil-mija, materja prima li konna nimpurtaw minn pajjiżi barra l-Unjoni u li minħabba t-tariffi doganali komunitarji żdied il-prezz tagħha. Servizzi ta’ dawl u ilma bi prezzijiet projbittivi. Tmintax fil-mija VAT kważi fuq kollox li hi fost l-ogħla rata fl-UE. Burokrazija li tinkolla f’kull awtorità u dipartiment governattiv b’ħafna ħela ta’ ħin. Rebus fil-prezzijiet fl-oġġetti ta’ konsum ta’ kuljum b’regolaturi jagħlqu għajnejhom meta suppost qegħdin hemmhekk biex jaraw li s-suq jimxi bil-fier u jibqgħu ma jagħmlu xejn. Dan kollu jwassal għal żvantaġġi u inflazzjoni tal-ħajja li allura jtellef fil-kompetittività.
Minbarra dan il-Gvern sal-lum għadu qatt m’għamel pjan ta’ intervent immedjat biex jgħin lill-kumpaniji zopop u dan xenarju fejn m’għadniex aktar nistgħu nieħdu miżuri ta’ protezzjoni għax malajr toqmos fuqna l-Kummissjoni Ewropea. F’dan ir-rigward il-Gvern ma ħasibx għal deroga effettiva. It-tneħħija ta’ kwoti protettivi u sussidji għall-industrija lokali u dawn fuq insistenza ta’ l-UE u ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ komplew tawna daqqa ta’ ħarta.
Fis-sewwa kulmeta kulħadd iċapċap għax waqgħu l-ħitan tal-protezzjoniżmu, li għamilna kien li tejjibna l-mobbiltà tal-kapital tal-pajjiżi sinjuri u komplejna ninstigaw biex l-investiment li kien hawn f’pajjiżna jemigra lejn dawk il-pajjiżi fejn hemm ħafna ħaddiema lsiera b’pagi miżeri u saħansitra jisfruttaw it-tfal iż-żgħar.
Poġġejna lilna nfusna fl-istess keffa tal-pajjiżi sinjuri meta dawn huma l-istess pajjiżi li mmanipulaw dan ix-xenarju dinji. Ngħixu fl-illużjoni li aħna b’saħħitna daqs dawk fil-G8.
Il-Gvern ma jaqbillux jgħid kollox. Ma jgħidx li kważi dejjem kienu l-ħaddiema fil-qasam tal-manifattura li flimkien ma’ oħrajn fit-settur privat li l-aktar ġabu lejn pajjiżna l-munita barranija.
Il-wegħda li l-impjiegi fis-settur pubbiku se jonqos ma nżammitx għax bejn wieħed u ieħor għadhom l-istess ta’ 20 sena ilu. Nesa l-Gvern li l-qasam ta’ manifattura għamel żmien pilastru ta’ l-ekonomija Maltija, bħalma nesa l-ħaddiema li issa qed jara żejda fl-Airmalta meta għal snin twal kienu huma li żammew l-industrija tat-turiżmu.
Il-Gvern qed jinsa wkoll x’ġara meta żarma l-kwoti ta’ l-importazzjoni u flokhom introduċa l-levies li kellhom jitneħħew minħabba l-UE. Il-levies kienu maħsuba biex ikun hemm perjodu ta’ transizzjoni mingħajr skossi. Kienu taxxa fuq prodotti barranin biex dawk Maltin jibqgħu kompetittivi. Tajjeb jew ħażin il-kompetizzjoni nżammet u magħha l-impjiegi. Il-flus miġbura mill-Gvern suppost kellhom imorru biex jiġu investiti fl-industriji lokali fosthom tal-manifattura, biex jilqgħu l-kompetizzjoni meta jitneħħew il-levies. Minflok intefqu fi ħwejjeġ oħra u minnhom ħoloq taxxa oħra biex nefaqha kif ried hu.
Għandna Gvern li jipponta subgħajh lejn kollox u kulħadd minbarra lejh innifsu. Ma kienx hemm fattur internazzjonali li m’għamilx ħajjitna aktar diffiċli iżda l-Gvern baqa’ jċiċċi u m’għamel xejn biex inaqqas il-ħsara li issa għaddejjin minna.
Meta nibdew inwaħħlu biss fil-ħaddiema għat-telf ta’ kompetittività, bħal donnu nkunu qegħdin nuru dispjaċir li s-salarji tagħhom għolew u nixtiquhom jerġgħu lura għaż-żmien meta kienu jitħallsu bis-soldi. Jekk dejjem niftaħru li l-livell ta’ l-għixien għola minħabba li żdidulhom il-pagi kif issa qegħdin ngħidu li dawn huma għoljin. Safejn naf jien l-ekonomija hi ċirku; aktar flus fl-idejn aktar infiq, aktar infiq aktar konsum, aktar konsum aktar produzzjoni. Fil-verità l-Gvern għandu politka fiskali kollettivista, u għalhekk ħafna mill-flus li jaqla’ l-ħaddiem mhux qegħdin jibqgħu fl-idejn iżda jispiċċaw fi bwiet pubbliċi. Nittama li mhux se jirxoxta xi ħadd li jgħidilna li anki dudu jgħix f’ċagħqa.
Fid-dawl ta’ dan kollu nasal għal konklużjoni waħda. Mhux il-każ li ngħid li Austin Gatt se jirbaħ l-imħatra iżda biss li aħna se nitilfuha.


PEPPI

Traġedja. Tkun taħdem. Għarus. Se tiżżewweġ. L-għarusa taħdem hemm ukoll. Filgħodu jgħidulhom li l-fabbrika tagħhom se tagħlaq. Dejn fuq il-post. Id-data tat-tieġ lesta. Id-depożiti tħallsu. Spiċċaw it-tnejn bla xogħol.
Hi kienet machine operator. Hu kien supervisor. X’se jagħmlu issa? Bla paga t-tnejn. Traġedja. Imma għandha tkun traġedja? Xogħol alternattiv forsi? Hi fuq il-magna biss taf. Anki biex taqra tbati. Hu m’għandux ċertifikat wieħed. Għandu esperjenza ta’ tmien xhur supervisor.
Ħobbu u obogħdu lill-Ministru Austin Gatt ma jaħbix ir-realtà anki kerha li rridu niffaċċaw. Forsi mhux l-istil li kont nagħżel iżda dak li qal Austin Gatt jgħiduh prattikament l-ekonomisti kollha li naf. Il-fabbriki tat-tessuti m’għandhomx futur.
Ħafna minnhom se jkollhom jagħlqu. Għala? Għax il-pagi f’Malta huma għolja meta mqabbla ma’ dawk f pajjizi oħra fit-Tielet Dinja. Allura s-sidien, li jagħmlu kollox biex lira jagħmluha għaxra, imorru f’dawn il-pajjiżi u jisfruttaw l-isfruttament ta’ ħaddiema sfruttati. Ngħiduha kif inhi, f’Malta l-VF kienet qed tagħmel il-qligħ. Din se titlaq biex tkun tista’ tagħmel qligħ ikbar x’imkien ieħor.
Ħa nkun ċar. M’għandiex tkun traġedja għax tagħlaq fabbrika tat-tessuti. Frankament naħseb li l-ħaddiem fil-fabbriki tat-tessusti hu fost l-iktar ħaddiem sfruttat fid-dinja. Ilni naħseb hekk minn meta kelli 16-il sena u bħala student ħdimt ġo fabbrika u sibt li l-magna li kont naħdem fuqha kienet stmata iżjed minni u minn sħabi. X’ma jmorrux pajjiżi oħra fejn il-ħaddiema ma jkunux f’union u tista’ tagħmel bihom li trid!
It-traġedja ta’ dawn il-ħaddiema li tilfu x-xogħol hi traġedja kbira għax is-sistema edukattiva tagħna, minkejja l-avvanz straordinarju li għamlet, baqgħet tħalli persuni li joħorġu minnha jaħsbu li ħajjithom trid tgħix ġo fabbrika jirrepetu l-istess movimenti qishom magni. Is-sistema edukattiva, kattiva, ħajrithom jemmnu li mhumiex kapaċi.
Il-Korporazzjoni tat-Taħriġ, l-ETC, tagħmel xogħol impekkabbli. Xogħol kontinwu f’taħriġ għal ħaddiema.
Iltqajt ma’ ħafna li permezz tat-taħriġ fl-ETC illum sabu impjieg li jirrispetta l-kreattività tagħhom ta’ bnedmin. Iżda daqskemm infaħħarhom għax-xogħol impekkabbli li jagħmlu daqshekk ieħor nikkritikahom għan-nuqqas serju ta’ relazzjonijiet pubbliċi li għandhom. Hawn ħafna ħaddiema li lanqas jafu x’tagħmel u x’taħriġ toffri l-ETC. Il-ħaddiema għandhom dritt sagrosant li jkunu jafu x’jistgħu jagħmlu, kif jistgħu javvanzaw, x’qed toffrilhom l-ETC.
It-taħriġ ma jridx jibda meta l-fabbrika tagħlaq. Jekk, kif qed jgħid l-istess Ministru, ħafna mill-fabbriki tat-tessuti se jagħlqu, allura għaliex il-ħaddiema nħarġuhom meta jagħlqu?
Anzi l-ħaddiema f’dawn il-fabbriki għandu jkollhom ħin dedikat mix-xogħol biex jitħarrġu. Naf x’qed ngħid. Jekk dawn il-fabbriki biex jisfruttaw aħjar lesti jmorru pajjiżi oħra x’qed iżomm lilna biex ngħidulhom minn qabel li l-ħaddiema tagħna mhux se jibqgħu lampa stampa?
Naf x’qed ngħid. Għandi provi f’idejja li ċerta fabbrika f’Malta bagħtet ħaddiema Maltin iħarrġu ħaddiema barra minn pajjiżna u spiċċat biex meta l-ħaddiema ta’ barra kienu mħarrġa, il-fabbrika keċċiet lill-Maltin u telqu. Hekk sewwa? U allura mhux sewwa li l-ħaddiema jkollhom id-dritt li jitħarġu?
Traġedja għax f’dan il-pajjiż għandna partit li twieled bħala tal-ħaddiema imma llum jara fi traġedji bħal dawn okkażjoni oħra kif jakkwista l-poter. Tal-biki. Il-Partit Laburista jaf għala qed jitilqu l-fabbriki tat-tessuti. Jaf li l-Unjoni Ewropea m’għandha x’taqsam xejn ma’ dan. L-MLP jaf li s-sigriet hu t-taħriġ. Iżda qatt ma tisma’ l-MLP iħeġġeġ lill-ħaddiema biex jitħarrġu, biex jisfidaw il-kapitaliżmu inuman li jużak u jarmik. Minn fuq jikkundannaw dawn is-sistemi, jibku dmugħ tal-plastik taparsi qed jiddispjaċihom għal dawn il-ħaddiema. Ħasra. Għad forsi xi darba l-MLP jerġa’ jsir verament ta’ u għal dawn il-ħaddiema?

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt