01 ta' Lulju 2007
Tal-Każin Malti jagħlqulu l-bieb f’wiċċu bi żball!
Tal-Każin Malti ħallew lir-raġel tal-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono barra mill-klabb esklussiv tagħhom wara li l-maġġoranza tal-membri vvutaw kontra s-sħubija tiegħu.
Tony Debono kien innominat u ssekondat minn żewġ membri tal-Każin ftit tal-ġimgħat ilu iżda r-raġel tal-Ministru Debono u l-kap tat-taqsima tal-bini ta’ Għawdex ma sabx l-appoġġ meħtieġ biex jissieħeb ma’ l-elit li jinġabru fil-bini tagħhom fi Triq ir-Repubblika, il-Belt. Iżda fi żvolta li wħud mill-membri qed isejħulha “kummiedja ta’ l-iżbalji” li imbarazzat lid-diriġenti tal-Każin, numru ta’ membri li tkellmu wara l-vot sigriet iddikjaraw li huma kienu ħasbu li qed jivvutaw għal Tony Debono ieħor – l-eks Kap Eżekuttiv tat-Telemalta u konsulent tal-Maltacom magħruf għas-salarji ġenerużi li ħa tul is-snin mingħand il-Gvern.
Ikkuntattjat minn Illum ir-raġel tal-Ministru qal li hu qatt ma kien interessat isir membru tal-Każin.
“Jien rani xi ħadd il-Belt u qalli li se jinnominani,” qal Debono. “M’għandi l-ebda interess li nsir membru u qatt ma kelli li kieku mhux għax tefgħuli ismi għall-vot. Lanqas biss naf xi jkun dan il-Każin.”
Ftit tas-snin ilu l-membri tal-Każin kienu imbarazzaw lil Guido de Marco, li dak iż-żmien kien il-President tar-Repubblika, meta vvutaw kontra s-sħubija ta’ l-eks Ministru tas-Saħħa Laburista Ċensu Moran innominat minnu.
L-eks Ministru kien żvelat mill-gazzetta tal-Knisja Il-Ġens li kien jirreferi n-nisa tqal li riedu jagħmlu abort għand tobba barra minn Malta.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt