01 ta' Lulju 2007
L-Isptar Mater Dei: Il-mistenni wasal! Imma...
Charlot Zahra
Għal dawn l-aħħar 17-il sena l-poplu Malti kien bħas-Slaten Maġi jistenna l-Kewkba Ħabbara mis-Sema li tħabbar it-twelid ta’ l-Isptar Mater Dei. Sa fl-aħħar it-tarbija tant mistennija twieldet il-Ġimgħa filgħaxija.
Jassistu għall-ewwel bikja tagħha kien hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, li jista’ jitqies bħala l-missier addottiv li ħa l-proġett minn idejn Eddie Fenech Adami; il-Ministru tas-Saħħa Louis Deguara, li jista’ jitqies bħala l-omm naturali li tteħidilha l-proġett minn idejha f’nofs triq, u s-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech, li jista’ jitqies bħala l-omm addottiva li ħadet il-proġett f’idejha minn idejn Louis Deguara u wasslitu sat-twelid.
Nieqes għal kollox kien il-President Eddie Fenech Adami, il-missier naturali li ħareġ bl-idea ta’ sptar ġdid lura fis-Snin 90.
Anki l-Arċisqof Pawlu Cremona kien nieqes minn din iċ-ċerimonja għax kien qiegħed il-Vatikan biex jirċievi l-Pallium mingħand il-Papa. Minfloku kien hemm l-Arċisqof Emeritus Ġużeppi Mercieca.Fid-diskors tiegħu Gonzi kien, kif mistenni, trijonfalistiku għall-aħħar. “Illum wasalna hawn. Nirringrazzja lil dawk li ħadmu u ma qatgħux qalbhom biex wasalna fejn qegħdin.
“Madanakollu l-impenn ewlieni u l-isfida vera tagħna se tibda issa. Għandna bini sabiħ u proġett mill-aqwa. Biss issa rridu nagħtuh in-nifs tal-ħajja. U dan in-nifs irid jiġi mingħand kulħadd.”
Gonzi wissa: “Warajja għandi binja attrezzata u mgħammra bl-aktar apparat sofistikat li jeżisti bħalissa fid-dinja. Imma dan kollu mhu xejn ħlief għodda biex inwennsu lit-tifel li hu marid, li nservu lit-tfajla li għaddejja minn marda serja u li naqdu lil dik il-persuna li kieku ma nidħlux aħna se tispiċċa titlef saħħitha jew ħajjitha.”
Ħa l-okkażjoni ta’ din iċ-ċerimonja li kienet qed tixxandar dirett fuq it-televiżjoni ta’ l-Istat, biex jitkellem dwar is-solidarjetà u jitfa’ botta fina fil-konfront ta’ Josie Muscat u l-partit ġdid tiegħu Azzjoni Nazzjonali (AN).
“Jiena ngħodd dan il-mument tal-lejla bħala wieħed speċjali fl-esperjenza politika tagħna lkoll. Hu speċjali għax illum qegħdin nagħtu sura fiżika lil valur ewlieni li għandu jibqa’ jdawwal il-politika f’pajjiżna. Dan hu l-valur tas-solidarjetà.
“Hu proprju għalhekk li niddeskrievi dan l-isptar mhux bħala xi proġett tal-Gvern iżda bħala proġett li jwettaq b’mod konkret il-valur ewlieni fil-bini tas-soċjetà tagħna.
“Nenfasizza dan il-ħsieb illum, għax bdejna nisimgħu f’pajjiżna diskors li ma jdoqqx sewwa ma’ dan il-valur li minn dejjem kien is-sinsla ta’ l-identità tal-poplu Malti u Għawdxi,” qal Gonzi.
Il-miġja tal-Messija
Għall-gvern, il-ftuħ ta’ l-Isptar Mater Dei tassew qisu l-miġja tal-Messija meta wieħed iqis il-kwantità ta’ reklami fuq ir-radju u t-televixin, kartelluni fit-toroq u materjal pubbliċitarju ieħor li tqassam fid-djar tan-nies biex jgħidulna kemm il-Mater Dei hu sptar ta’ klassi mondjali.
Fetaħ Lou Bondì b’żewġ programmi ta’ diskussjoni mill-isptar il-ġdid ftit tal-ġimgħat ilu u għalaq Peppi Azzopardi, il-gladjatur l-ieħor tal-Where’s Everybody? fuq TVM, li fuq ix-Xarabank tiegħu ddiskuta l-isptar ftit tal-ħin wara li nfetaħ.
Fuq quddiemnett fil-kampanja pubbliċitarja kien hemm l-attriċi/preżentatriċi/DJ Eileen Montesin, li wara li kienet pom-pom girl tal-Partit Laburista fis-Snin Tmenin rat il-kewkba ta’ Fenech Adami fil-kampanja elettorali ta’ l-aħħar elezzjoni ġenerali u issa tippretendi li saret attriċi rispettabbli.
Kemm swiet din il-kampanja iżda ma nistgħux inkunu nafu għalissa, għax kelliem għall-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, li tmexxi l-isptar Mater Dei, qal lil Illum li din l-informazzjoni “hi ta’ natura sensittiva kummerċjalment”.
Skond il-kelliem, għadhom għaddejjin diskussjonijiet ma’ għadd ta’ kumpaniji li jaħdmu fil-qasam tal-media dwar id-dettalji speċifiċi tal-kampanja li se tibqa’ għaddejja sakemm tintemm il-migrazzjoni lejn l-isptar il-ġdid.
Iżda wieħed mhemmx għalfejn ikun xi professur tal-matematika biex jirrealizza li l-kiri ta’ kartelluni, l-istampar ta’ kotba u l-ibbukkjar ta’ spots fuq ir-radju u t-televixin bir-rata preżenti sakemm tispiċċa l-migrazzjoni lejn l-isptar Mater Dei sitt xhur oħra tiswa’ eluf kbar ta’ liri.
Korruzzjoni
Qatra fl-oċean meta tara li l-isptar sewa Lm250 miljun, għalkemm il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Alfred Sant qal nhar il-Ħadd li għadda li l-isptar se jiġi jiswa’ madwar Lm300 miljun.
L-ispiża finali ta’ Lm250 miljun tinkludi l-kuntratt ta’ Skanska ta’ Lm139 miljun kif ukoll Lm5 miljuni oħra għat-tieni u t-tielet fażi tal-bini, l-ispiża ta’ bejn Lm25 miljun u Lm27 miljun għall-apparat mediku, l-ispiża għall-IT (għalkemm dan il-kuntratt reġa’ ħareġ mill-ġdid wara li nstabu irregolaritajiet fit-proċess ta’ l-aġġudikazzjoni ta’ l-ewwel kuntratt), għamara, spejjeż marbuta ma’ l-esproprjazzjoni ta’ l-art, il-kuntratt ma’ Skanska li kien sar qabel l-1996 li sewa madwar Lm20 miljun, l-ispejjeż rikorrenti tal-FMS u Lm30 miljun imħallsa f’Taxxa dwar il-Valur Miżjud (VAT).
B’dawn is-somom kbar ta’ flus involuti, l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u irregolaritajiet oħra akkumpanjaw il-proġett tul il-mixja tiegħu.
L-aktar każ riċenti inkixef mill-eks deputat Nazzjonalista Frank Portelli, li llum imexxi l-Isptar St Philip’s, li waqt il-programm Bondi Plus ta’ l-1 ta’ Mejju qal li mhux konvint li t-tax-payer Malti se jieħu value for money ta’ Lm250 miljun li se jkunu ntefqu f’dan l-isptar.
“Miniex konvint f’dan is-sens. Per eżempju, dan l-aħħar irriċerkajt u sibt sptar f’Edinburgh, li hu n-New Royal Infirmary, li qisu l-isptar tagħna eżatt. Dan għandu 25 teatru ta’ l-operazzjonijiet, għandu l-istess footprint, attrezzat u komplut b’kollox eċċ. eċċ. Dawn bnewh f’sitt snin, mill-1996 sal-2002. Aħna domna mill-1990 sa l-2007, 17-il sena,” qal Portelli.
Mistoqsi minn Bondì biex jgħid fejn setgħu marru dawn il-flus, Portelli qal li marru f’commissions li ttieħdu minn persuni avviċinati minn kumpaniji partikulari biex iġibulhom kuntratti speċifiċi.
Ftit tal-jiem wara l-Prim Ministru talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga dwar l-allegazzjonjiet ta’ Portelli. Fis-16 ta’ Mejju Portelli ssejjaħ fid-Depot tal-Pulizija biex ikun mistoqsi dwar l-allegazzjonijiet tiegħu ta’ korruzzjoni waqt il-bini ta’ l-isptar Mater Dei.
Migrazzjoni
Il-pazjenti fejn huma? Dawk fadlilhom mill-inqas erba’ xhur oħra biex tarahom b’nemes. Tonio Fenech qal lill-ġurnal BusinessToday li l-mira tal-Gvern hi li l-migrazzjoni tintemm fi żmien erba’ xhur oħra, iżda ma eskludiex li tieħu saħansitra sa l-aħħar tas-sena.
Min-naħa tagħha, l-Union ta’ l-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qed tinsisti li biex jingħata l-istess livell ta’ servizz li qed jingħata fl-isptar San Luqa se jkun hemm bżonn mill-inqas 200 infermier oħra fl-isptar Mater Dei.
“Mhemm l-ebda mod li bihom nistgħu niggarantixxu l-livell ta’ servizz li qed jingħata bħalissa u jekk din is-sitwazzjoni se tibqa’ sejra se tbati l-kwalità ta’ ħajja tal-pazjent kif ukoll il-qagħda psikoloġika tal-membri tagħna bl-istress li se jiżdied,” qal Colin Galea, is-Segretarju tal-MUMN.
Galea qal li t-taħdidiet dwar il-migrazzjoni lejn l-isptar il-ġdid jinsabu “staġnati” għalkemm mistennija ssir laqgħa bejn l-Union u l-Prim Ministru fil-jiem li ġejjin wara talba li saret mill-MUMN.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali ta’ l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), Martin Balzan, qal li għalkemm id-diskussjonijiet fuq il-migrazzjoni lejn Mater Dei kienu fi stadju avvanzat, s’issa għad mhemmx ftehim dwar kif it-tobba se jaħdmu fl-isptar il-ġdid.
“Ninsabu qrib li nilħqu ftehim u jiena konvint li b’rieda tajba miż-żewġ naħat se nkunu nistgħu nimxi bil-migrazzjoni lejn Mater Dei. Għalkemm l-isptar kien inawgurat il-Ġimgħa, ninsab ċert li qatt ma kienet l-intenzjoni li jkun hemm attività intensiva fl-ewwel jiem.
“Id-diskussjonijiet tagħna huma ffukati fuq il-kwistjonijiet li jieħdu fit-tul dwar is-servizzi li se noffru lill-pazjenti u biex nassiguraw li dawn jitjiebu,” qal Balzan.
Sadanittant, il-faċilitajiet ultra-moderni li se jkun hemm fl-isptar il-ġdid għall-pazjenti – fosthom sistema li permezz tagħha tista’ tkellem lil infermiera mis-sodda tiegħek; plakek għall-Internet, it-telefon u t-televiżjoni; sistema ta’ pneumatic post li permezz tagħha jitwasslu l-affarijiet minn parti għall-oħra ta’ l-isptar u sistema ta’ X-Rays minghajr films – se jibqgħu jitgawdew mill-manikini li hemm għalissa fis-sodod.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt