01 ta' Lulju 2007 • Nr 35

Arkivji




 

 

 

01 ta' Lulju 2007
L-ewwel u qabel kollox…Messina u t-tim Nazzjonali

Lil Andrè ftit li xejn nafu. Ftit li xejn kelli ċans biex xi darba nsir nafu u nsib il-ħin biex nitkellem miegħu. Bir-raġun! Dan għax dan iż-żagħżugħ ta’ 20 sena diġà ilu jilgħab tliet snin f’pajjiż ieħor… proprju f’pajjiż fejn huma ħafna dawk li jqisu li hemm l-isbaħ u l-aktar futbol ta’ livell għoli.
Kont naf li dan seta’ kien il-mument opportun li nsibu Malta fuq btala. Hekk kien. Bħalissa, Andrè qiegħed igawdi t-temp sħun ta’ pajjiżna. Dawn huma ftit mill-ġranet fis-sena fejn il-plejer ikun qiegħed rilassat igawdi biss il-ħajja tad-divertiment. Fi ftit tal-jiem oħra jerġa’ jsib ruħu Sqallija, din id-darba bit-tama li l-club iżommu u jkun jista’ jagħmel parti mit-tim li se jipprova jirbaħ mill-ġdid il-promozzjoni fis-Serie A.
Iltqajt miegħu din il-ġimgħa. Tinduna mill-ewwel li għex tliet snin sħaħ ‘il bogħod mid-dar. Andrè tilef ħafna mid-djalett tal-Malti li kellu. Jgħidli li huma ħafna n-nies li qalulu hekk u jiddispjaċih li m’għadux jitkellem bl-istess mod ta’ kull Malti ieħor. Madankollu jgħidli li għadu jħossu Malti aktar minni.
“Kulħadd qed jgħidli hekk u jiddispjaċini ħafna. Issa bdejt verament nemmen dan kollu u jiddispjaċini li tlift xi ftit mid-djalett Malti. Ili tliet snin ngħix l-Italja. Xorta għadni nħossni Malti. Din hija art twelidi u kburi li nġorr il-bandiera tiegħi kulfejn immur.”
Jgħidli kif qed iqatta’ l-ftit żmien tas-sajf f’art twelidu qabel ma jerġa’ lura Sqallija għall-pre-season.
“Bħal dawn iż-żminijiet inqum fl-istess ħin tat-tfajla u nwassalha x-xogħol. Imbagħad immur lura d-dar ħdejn ħija u jew noqogħdu hemm jew immorru ngħumu.
Jien persuna sempliċi. Inħobb ħafna l-futbol. Il-bqija nqis ruħi bniedem normali bħal ħaddieħor. Il-ħajja rilassanti tiegħi tkun biss fil-perjodu tas-sajf għax nagħmel ftit ġimgħat ngħix hawn Malta.
“Matul l-istaġun meta nkun l-Italja nqum kmieni. It-Tnejn u t-Tlieta nitħarrġu wara nofsinhar u l-Erbgħa nitħarrġu darbtejn. Ftit noħorġu miż-żona ta’ fejn inkunu. Nieklu u ninħaslu fil-post fejn nitħarrġu. Il-club jenfasizza ħafna fuq l-ikel li nieklu. Ma jagħtiniex permess noħorġu nieklu barra. Għalhekk insibu kollox lest hemm ġew.”
Ninnota d-differenza bejn plejer li jgħix f’ambjent ta’ professjonisti u plejer tipiku Malti. Madankollu Andrè ma jemminx li b’dan kollu ssir plejer kbir.
“B’daqshekk ma jfissirx li dan kollu jagħmlek plejer kbir. Plejer kbir issir billi dak li tara jirnexxilek titgħallmu. Trid issib l-għajnuna meħtieġa u l-fortuna tidħol xi ftit ukoll. Imma nemmen ħafna li plejer jitwieled bit-talent. Issa hemm min jidher fih mill-ewwel u hemm oħrajn bħal Fabio Grosso u Luca Toni li ħareġ l-aħjar tagħhom meta qabżu l-25 sena. Xorta huma plejers kbar la waslu biex rebħu t-Tazza tad-Dinja. Mhux kulħadd l-istess.”
Nitkellmu fuq it-tfulija li kellu. Jirrakkontali kif kien beda jilgħab il-futbol sakemm waslet l-esperjenza ta’ Messina.
“Jien bdejt nilgħab il-futbol bis-saħħa ta’ missieri. Hu kien jilgħab ma’ Santa Luċija u jien dejjem ġrejt warajh kulfejn mar. Ta’ seba’ snin kont bdejt fin-nursery tagħhom u darba lgħabt f’tournament fejn fih ipparteċipaw Sliema Wanderers. Niftakar li kien rani Leli Fabri u kellem lil missieri biex immur mas-Sliema. Bqajt mal-Wanderers sakemm lgħabt ftit minuti fil-Premier. Ta’ dan iċ-ċans irrid ngħid grazzi lil Edward Aquilina u Hugh Caruana. Ħadt iċ-ċansijiet li mmur il-Yugoslavia u anki l-Italja u llum wasalt s’hawn.
“L-opportunità li nilgħab fl-Italja ġiet fuqi grazzi għal Claudio Lucchini li huwa impjegat ta’ Messina FC u kien offrieli ċ-ċans ta’ prova magħhom. Għamilt ġimgħa Sqallija taħt il-gwida tal-coach Sanderra, li sal-lum għadu ħabib tiegħi sew. Iffirmajt kuntratt ta’ sentejn imma s-sena l-oħra mort sena b’self ma’ Martina.”
Hu fatt li għal Malti biex jgħix barra mill-pajjiż diffiċli ħafna li jkun ’il bogħod mill-qraba u l-ħbieb. Nistaqsih kif irnexxilu jagħmel dan iż-żmien kollu waħdu.
“Meta kelli 17-il sena għamilt ħames xhur f’daqqa barra minn Malta. Ħadt l-iebes li ngħix mingħajr il-familja minn ta’ età żgħira allura ma sibthiex daqshekk diffiċli li ngħix ’il bogħod mid-dar.”
Andrè Agius twieled fit-12 ta’ Awissu 1986. Huwa t-tieni wild ta’ Martin u Carmen. Oħtu l-kbira jisimha Bernice u għandha 22 sena. Sara ta’ 19-il sena hija ftit iżgħar minn Andrè. L-iżgħar fil-familja huwa Luke li għandu 13-il sena. Andrè għarus lil Yanica Vassallo minn San Ġwann.
Ikellimni fuq l-aktar plejers ta’ età żgħira li kien viċin tagħhom u impressjonawh bil-kbir.
“Fl-uniku logħba li kont mgħajjat fis-Serie A kont viċin ħafna ta’ plejers kbar bħal Pozzi, Raggi u Almiron imma ma rnexxilhiex nilgħab kontriehom. Ċert li se nisimgħu ħafna aktar bihom fil-futur qrib. Dan għax kollha daqsi jew ftit ikbar minni.
“L-esperjenza ma’ Messina hi ta’ sodisfazzjon kbir li iżda bdiet diffiċli bi pre season iebes ħafna. Konna 35 plejer u biex iżommuni ma’ l-iskwadra kelli nistinka ħafna. Swietni ħafna li għamilt dak l-istaġun ma’ tim fis-Serie A u nista’ ngħid li f’dak il-perjodu sirt naf x’inhu l-vera futbol.”
Nistaqsih kif bħala plejer għex f’pajjiż u kif sab ruħu wara dak kollu li nqala’ fis-sajf li għadda. Andrè jiftaħ diskussjoni qawwija. Jiddiskrivili l-arja li ħakmet l-Italja f’dawk iż-żminijiet.
“Il-futbol Taljan kollu bata b’dak li ġara. L-istadiums naqqsu perċentwal kbir mill-partitarji li kien ikun hemm fihom isegwu l-partiti kull nhar ta’ Ħadd. Bliet kbar bħal Perugia u Taranto batew bil-kbir. Ir-referees mhux suppost li kellhom aktar skużi u b’hekk waqgħu aktar taħt il-lenti bil-konsegwenzi li bdew jiżbaljaw aktar.
“Dan l-aħħar kien hawn ħafna kritika mid-dinja kollha fuq il-futbol Taljan wara dak li ġara s-sajf li għadda. Imma t-Taljani tawhom risposta li jilagħbu l-aktar futbol tattiku bir-rebħ tat-Tazza tad-Dinja. Sebgħin fil-mija ta’ ġimgħa ta’ taħriġ ma’ club Taljan tkun tattika biss. Jinbidlu ħafna skemi fi ftit ħin u trid tkun moħħok hemm għal kollox.”
Nitkellmu fuq it-tim nazzjonali u l-kwistjoni li kellu ftit taż-żmien ilu meta Andrè kellu jagħżel bejn il-futur tiegħu barra minn Malta u t-tim Nazzjonali.
“Dak iż-żmien ma stajtx ngħid le lil Messina. Kont fi żmien li kien se jispiċċali l-kuntratt u kienu diġà kellmuni għall-kuntratt ieħor. Ma ridtx inkisser ir-reputazzjoni tiegħi ma’ xi naħa, anki għax għadni sal-lum inħossni onorat li nilbes il-flokk tat-tim Nazzjonali Malti. Ma ridtx nissogra li ninżel Malta u jeliminawni mill-ħsieb tagħhom li niffirma kuntratt ġdid. B’hekk dak il-perjodu kien mument li kelli nagħżel l-aħjar għalija għas-snin li ġejjin.
“Ma’ Mark Miller dejjem ftehimt u qatt ma sibt problema ta’ xejn. Dejjem għeni f’kollox u nirringrazzjah li fehimni meta kont konfuż f’sitwazzjoni bħal dik. Issa fadalli sena kuntratt ma’ Messina u ftit tal-jiem oħra nibdew il-pre-season. Imbagħad il-club jiddeċiedi jżommniex jew jerġax jislifni lil xi club ieħor.
“Mat-tim nazzjonali kelli biss esperjenza f’tournament. Il-bqija daqshekk. Fitzel kien qalli li jekk ma nilgħabx regolari mal-club tiegħi se jneħħini mit-tim tal-kbar. Għalija dan diffiċli ħafna għax jien qed nilgħab fl-Italja u mhux Malta. Miegħu mhemm l-ebda relazzjoni u ilna ma nitkellmu żmien twil.
“Raġuni oħra setgħet kienet li jien tajt fastidju lil xi plejers fit-tim nazzjonali tal-kbar peress li kont għadni ġdid fil-grupp. Jien tip ta’ bniedem li waqt it-taħriġ ma nagħmilx distinzjoni bejn plejer u ieħor u jekk ikolli ngħid xi ħaġa ngħidha lil kulħadd. Forsi kien hemm min iddejjaq li jista’ jitlef postu. Bħalissa għad għandi 20 sena u nixtieq ingawdi kemm jista’ jkun lit-tim ta’ taħt il-21 sena.”
Nitkellmu fuq it-tim ta’ Messina. Jagħtini l-opinjoni tiegħu l-għala t-tim safa relegat u kemm hu popolari f’din il-belt.
“Messina waqgħu t-tort tagħhom. Reġgħu rripetew l-istess żbalji ta’ l-istaġun ta’ qabel. M’għamlu l-ebda akkwist li seta’ jagħmel id-differenza. Is-sena l-oħra salvaw posthom fis-Serie A minħabba l-istorja tal-calciopoli. Kellhom l-istess tim li bih ġew relegati u allura bilfors li kienu se jiġri l-istess din is-sena.
“Iż-żgħar li qegħdin fit-tim ta’ Messina ma tantx għandna popolarità fil-belt. Jien kont viċin ħafna ma’ Coppola li issa telaq. Però meta tgħix ħajja bħal din ma’ nies ta’ tant fama trid turi rispett massimu. Fi Sqallija għandhom fama enormi plejers bħal Storari u Di Napoli. Kulfejn imorru jafhom kulħadd.”
Smajt ukoll xi diċeriji li Andrè seta’ ffirma ma’ club Malti għall-istaġun li ġej. Nistaqsih hux veru. Andrè jammetti imma ma jgħid qatt min kien il-persuna li ċempillu.
“Dan is-sajf ċempilli xi ħadd imma ma nistax ngħidlek min hu. Urini l-interess biex niġi Malta u niffirma ma’ club hawn. Ħadt pjaċir u rringrazzjajt lil din il-persuna imma l-priorità tiegħi se tibqa’ l-Italja. Apprezzajt ħafna imma nixtieq nirrispetta l-kuntratt li għandi ma’ Messina u nġeddu jekk kemm-il darba jiġini ċ-ċans.”
Andrè jgħidli wkoll li hu ammiratur kbir tal-Juventus. Jgħidli kif jaħsibha fuq dak kollu li ġara s-sajf li għadda u kemm hi kbira u b’saħħitha s-soċjetà Juventina fl-Italja.
“Jien Juventin. Minn mindu kont żgħir missieri ma kien isemmi xejn ħlief Juventus u Del Piero. Jien niftakar l-aktar l-era ta’ Zidane. Anqas stajt ma nsirx inżomm mal-Juventus.
“Għamilt tliet snin l-Italja imma ma kienx hemm għalfejn ngħix u nilgħab hemm biex inkun smajt bit-‘triade’ li kellhom il-Juventus. Moggi, Giraudo u Bettega jibqgħu dejjem nies ta’ integrità kbira. Ma naħsibx li tim kbir bħalma hu l-Juventus kellu bżonn dik l-għajnuna kollha li ssemmiet biex jirbħu. Anki jekk ikollok l-għajnuna ma tistax tisraq fil-logħbiet kollha kif ġew infamati biha. Għadhom sal-lum il-ġurnata ma sabux provi konkreti kontra l-Juventus. Hemm ftit kliem irrekordjat bit-telefon li fl-aħħar tal-ġurnata ma jfisser xejn.
Trid tkun għext u lgħabt l-Italja biex tkun taf kemm huma kbar il-Juventus. Għal din is-soċjetà, id-diriġenti u l-plejers dejjem kienu għasafar tal-passa għax ir-riżultati kienu, għadhom u se jibqgħu l-istess, anki jekk hawn min isibha diffiċli biex iniżżilha. Forsi l-uniku tim li hemm l-Italja bl-istess mentalità huma l-Milan. Nies u plejers biddlu ħafna imma l-mentalità baqgħet dejjem waħda…li jirbħu!”
Andrè ma jinsiex il-mument ta’ meta kien għadu tfajjel u kien jitħarreġ ma’ idoli kbar tal-futbol Malti ma’ Sliema Wanderers.
“Meta kont żgħir u bdejt mas-Sliema minn dejjem kont iffissat fuq Joe Brincat. Kien plejer kbir u anki dik li titħarreġ miegħu tinduna li kien xi ħaġa fuq l-oħrajn.
“Plejer ieħor li minn dejjem ammirajt huwa Gilbert Agius. Jgħaddi kemm jgħaddi żmien jibqa’ bniedem eżemplari u raġel fuq l-irġiel kemm fil-ground u kemm barra l-ground. Il-kapaċità teknika li għandu bil-ballun taffaxxinani. Huwa bniedem rispettat min kulħadd u bla dubju wieħed mill-aqwa plejers li qatt ħarġu minn Malta.”
Andrè jgħidli li l-akbar emozzjoni f’ħajtu tibqa’ dik meta ra kunjomu miktub fuq l-iscoreboard fil-partita tas-sena l-oħra mill-kampjonat tas-Serie A bejn Messina u Empoli.
“L-ikbar emozzjoni fil-karriera tiegħi kienet meta kont mgħajjat f’dik il-partita tas-Serie A kontra Empoli. Li tisma’ kunjom Malti fil-mikrofonu tal-ground ta’ Messina hija xi ħaġa kbira. Il-gear ta’ dik il-partita għadu sal-lum fil-kamra tiegħi. Li nara l-kunjom Agius fuq gear Taljan hija xi ħaġa sabiħa wisq. Kien mument indiskrevibbli.”
Fl-aħħarnett l-istilla Maltija jawgura affarijiet sempliċi għall-futur tiegħu u jirringrazzja lil dawk li f’ħajtu kienu l-aktar viċin tiegħu.
“Għall-futur nawgura biss li nibqa’ b’saħħti. Nixtieq li s-sena d-dieħla tkun waħda pożittiva u li forsi tkun dik il-ġusta biex insib spazju nilgħab fis-Serie B. Nixtieq li t-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena jkollna aktar riżultati pożittivi u tgħinna ftit aktar il-fortuna. Nispera li hekk kif jintemm l-istaġun li ġej niffirma kuntratt ieħor ma’ Messina.
“Kien hawn diversi persuni li f’ħajti għamlu differenza kbira. Marco Grech kien bniedem importanti ħafna u ma nistax ma nirringrazzjahx. Claudio Lucchini wkoll kien il-bniedem li wittieli t-triq fix-xena internazzjonali. Ma nistax ninsa bniedem bħal Etienne li ilu żmien twil jgħinni billi jagħtini prodotti tan-Nike. Fl-aħħarnett ngħid grazzi kbira lil missieri li kien il-moħħ wara s-suċċess li għamilt s’issa f’ħajti.”

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt