01 ta' Lulju 2007
Mument iebes għal trejdunjonista
Kurt Sansone jintervista lil Roberto Cristiano, Segretarju tat-Taqsima Manifattura tal-GWU
Niltaqa’ ma’ Roberto Cristiano ftit wara li spiċċa minn serje ta’ laqgħat mal-ħaddiema tal-VF li ġimgħa qabel ħadu l-aħbar tas-sensja għax il-kumpanija kienet se tagħlaq il-bibien tagħha f’Malta. Il-vuċi kalma ta’ Cristiano u t-temperatura friska tal-kamra mkessħa bl-aircondition mhumiex biżżejjed biex jaħbu s-sħana tal-mument diffiċli li għaddej minnu dan it-trejdunjonista żgħażugħ.
“Hu xokk tremend,” jgħidli meta nistaqsih kif ħassu jwassal l-aħbar tas-sensji lill-membri tiegħu. “Jaqbadni l-bard jekk biss insemmiha.”
Jispjega li fil-każ tal-Bortex, anki jekk l-aħbar ta’ sensja qatt mhi sabiħa, kienet ilha ġejja għax il-maniġment kien qed iżomm il-ħaddiema informati l-ħin kollu bis-sitwazzjoni. Iżda fil-każ tal-VF l-aħbar kienet doċċa kiesħa għax ma kellhom l-ebda ħjiel.
“Lanqas il-maniġment Malti tal-VF ma kien jaf bl-għeluq tal-fabbrika. Id-deċiżjoni ttieħdet mis-sidien barra minn Malta,” isostni Cristiano.
“Tiġini quddiem għajnejja x-xena ta’ tfajla mill-VF li malli saret taf bl-aħbar bdiet tgħajjat. Ma ttihiex tort. Tlett ijiem wara kellha tiżżewweġ. F’mumenti bħal dawn tibda tinduna li wara kull persuna hemm storja ta’ bniedem, ċirkustanzi partikulari u emozzjonijiet differenti. Dawn il-ħaddiema jibdew jaraw id-dinja tispiċċa quddiemhom,” itenni b’ton mimli emozzjoni.
“Forsi l-iżball li nagħmlu hu li niffukaw biss fuq min iżżewweġ jew qed irabbi familja imma ma’ dawn hemm ukoll ġenituri weħidhom, ħafna minnhom ommijiet mhux miżżewġa, persuni single li b’dak li jaqilgħu jgħinu wkoll lill-ġenituri anzjani tagħhom u każijiet oħra li mhumiex daqshekk ovvji.
“Il-ħaddiem jirbaħ id-dinjità mix-xogħol u t-telf ta’ l-impjieg mhux biss iġiblek l-inkwiet finanzjarju ta’ kif se tlaħħaq mal-ħajja iżda wkoll ifarkek psikoloġikament,” jgħid Cristiano.
Inwaqqfu u nistaqsih jekk Austin Gatt rebaħx l-imħatra li għamel li l-manifattura għad trid tispiċċa minn Malta.
“Il-ħaddiema tilfu l-imħatra għax huma li tilfu l-impjieg. Kont inkun iktar kuntent li kieku Austin Gatt la kellu din il-konvinzjoni li l-manifattura se tispiċċa jagħmel xi ħaġa biex itaffi l-weġgħa tat-telf ta’ mpjieg u jiżgura li dawn isibu xogħol ieħor malajr kemm jista’ jkun. La kellu din il-konvinzjoni kont nippretendi li jorganizza korsijiet ta’ taħriġ għall-ħaddiema f’oqsma li qed iħabbtu wiċċhom mad-diffikultajiet.”
Iżda kemm verament jemmen li f’pajjiżna għad hawn lok għall-industrija tal-manifattura?
“Hawn lok u post għal kull settur. Bl-istess argumenti li jsiru għall-manifattura għandna xi garanzija li l-call centres li qed jinfetħu fis-settur tas-servizzi mhux se jitilqu għal post ieħor fis-snin li ġejjin kif qed jiġri fl-Ingilterra llum?
“Il-problemi li qed tħabbat wiċċha magħhom Malta mhumiex relatati biss mas-settur tal-manifattura. Jeħtieġ li nsaħħu dak li għandna billi ma nkunux biss ċentru ta’ produzzjoni iżda l-fabbriki jsiru wkoll ċentri ta’ żvilupp. Il-Bortex għax snin ilu għarfet il-ħtieġa li tagħmel din il-qabża se tkun tista’ żżomm magħha 129 ħaddiem minflok tagħlaq għal kollox.
“Importanti li jkun hemm inċentivi li jħajru lill-kumpaniji jinvestu fir-riċerka, marketing u l-innovazzjoni biex jaddattaw ruħhom għall-bdil fis-swieq. Sfortunatament ċerti impjegaturi ma addattawx ruħhom u baqgħu ffukati biss fuq il-produzzjoni.”
Jitkellem ukoll dwar il-bżonn li l-inċentivi fil-Business Promotion Act jitjiebu iżda jilmenta li donnu mhemmx wisq ħeġġa mill-awtoritajiet biex dan isir.
“Meta tisma’ xi kumment politiku li l-manifattura għad trid tispiċċa ma tantx jgħin biex tixxettel il-fiduċja fil-pajjiż,” isostni Cristiano.
Iżda hemm argument ieħor li jdejjaq lil Cristiano. “F’dan il-pajjiż meta nitkellmu fuq kompetittività dejjem nitħaddtu fuq il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema qishom dawn huma l-uniċi żewġ affarijiet li jolqtu l-kompetittività. Kull darba tisma’ diskors dwar il-bżonn li jitnaqqru kundizzjonijiet miksuba fil-passat.
“In-Nokia fil-Finlandja tagħmel xogħol ta’ manifattura u produzzjoni u żgur ma toffrix pagi baxxi. Iżda n-Nokia kienet kumpanija li għarfet tinbidel maż-żmien u b’hekk tejbet u ddiversifikat l-operat tagħha biex baqgħet toffri x-xogħol fil-Finlandja, pajjiż li żgur ma tistax issejjaħlu taċ-cheap labour.”
Iqajjem l-argument tat-taħriġ u l-bżonn li l-ħaddiema jibqgħu jitgħallmu u jsostni li r-responsabbiltà għandha tkun tal-Gvern, tal-unions, ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema nfushom.
“Dawn il-persuni li jaħdmu fil-manifattura jistgħu jsibu mpjieg alternattiv ngħidu aħna fit-turiżmu. Mhux kulħadd se jkun kapaċi jagħmilha ta’ waiter jew jagħmel xogħol li jġibu f’kuntatt mat-turist imma hemm ħafna xogħolijiet oħra li jistgħu jimtlew bħal chamber maids jew fil-manutenzjoni.
“Ma ninsewx li qabel ma daħlu jaħdmu fil-fabbriki tat-tessuti dawn in-nies ma kinux ħajjata. Dan kien xogħol li qatt ma għamlu. Tgħallmu u wħud minnhom jaħdmu wkoll fuq magni kompjuterizzati. M’għandhomx għalfejn isibu problema biex jaddattaw għal xogħol differenti iżda jeħtieġu l-għajnuna biex jagħmlu l-qabża.
“Wara kollox dawn in-nies għandhom ukoll l-etika tax-xogħol. Jifhmu r-responsabbiltà x’inhi, għandhom rispett lejn min iħaddimhom u l-kollegi sħabhom. Dawn huma kwalitajiet bżonnjużi għal kull post tax-xogħol.”
Iżda għal Cristiano mhijiex skuża li għax ħaddiem ma jkunx imħarreġ ma jsibx xogħol. Irridu nibqgħu naħdmu biex ikun hemm post għal kulħadd fid-dinja tax-xogħol, isostni.
Cristiano jaf li ħafna ħaddiema għandhom reżistenza għat-tagħlim iżda jgħid ukoll li parti mid-diffikultà hi n-nuqqas ta’ ħin.
“Dawn in-nies ma jaqilgħux xi pagi fenomenali. Anzi ħafna minnhom jaqilgħuha u jikluha u għalhekk dik is-siegħa overtime żejda jew part-time jarawha bħal manna mis-sema. Li jiġri hu li ħafna minnhom idumu x-xogħol u ma tlumhomx meta jgħidulek li m’għandhomx ħin biex jistudjaw jew jitħarrġu.”
It-tama ta’ Cristiano hi li l-ħaddiema ssensjati tal-VF u l-Bortex ikunu assorbiti fis-suq tax-xogħol malajr kemm jista’ jkun.
“L-unika differenza minn meta ġraw is-sensji tad-Denim hu li bħalissa kulħadd ikun qed joqrob lejn ix-shutdown u għalhekk ħafna impjegaturi jkunu qed jistennew li jidħlu lura mill-waqfa tas-sajf qabel ma jdaħħlu lil xi ħadd ġdid.”
Indawru d-diskors u nitkellmu fuq il-problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-għadd ta’ ħaddiema part-time li dejjem qed jikber.
Cristiano jgħid li dan is-settur hu kkaraterizzat mill-prekarjat għax ħafna impjegaturi ma jużawx il-part-timers għax ikollhom biċċa xogħol li tirrikjedi numru ta’ siegħat iżda biex jieħdu mill-part-timers ħidma kważi ta’ xi ħadd full time mingħajr ma jkollhom l-obbligi lejn il-ħaddiem skond il-liġi.
“Bħalissa l-part-timers jieħdu l-benefiċċji ta’ sick leave, leave, żidiet u oħrajn fuq bażi pro-rata kemm-il darba jaqbżu ħidma ta’ 19-il siegħa fil-ġimgħa. Ħafna qed jabbużaw b’mod legali mis-sistema billi jħaddmu l-part-timers 18-il siegħa u nofs b’hekk ma jkunux intitolati għall-benefiċċji. Naf b’każijiet fejn persuna titħaddem għal 10 siegħat ma’ erba’ kumpaniji ta’ l-istess sid biex il-part-timer ikun qed jagħti ħidma daqs wieħed full-time mingħajr ma jgawdi minn ebda benefiċċju għax fl-ebda ħin ma jkun qed jaħdem iktar minn 19-il siegħa ma’ kumpanija waħda.
“Sfortunatament l-avviż legali li kellu jirranġa din l-anomalija billi jniżżel ir-rata ta’ siegħat għal tmienja minflok 19 għadu fuq il-mejda. Jekk dan isir liġi jkun pass ’il quddiem iżda ma nifhimx għaliex il-benefiċċji m’għandhomx japplikaw fuq bażi pro rata mill-ewwel siegħa ta’ xogħol part-time.”
Cristiano jgħid li fost il-part-timers hemm perċezzjoni ħażina li jekk jidħlu f’union min iħaddimhom ikeċċihom jew li l-union ma tkun tista’ tagħmel xejn għalihom.
“Huma dawn in-nies li jeħtieġu l-union għax huma sfruttati u għandhom bżonn il-protezzjoni. Sfortunatament l-ikbar problema tibqa’ f’dawk il-postijiet tax-xogħol li mhumiex organizzati.”
Cristiano jqajjem il-kwistjoni ta’ l-impjegati fil-ħwienet li sal-lum għadhom mhux organizzati f’xi tip ta’ union. Jgħid li hemm abbużi kbar.
“Naf b’każi fejn salesgirls ikunu mitluba jidħlu x-xogħol fit-8.30am u jitilqu mill-ħanut fis-7.30pm iżda huma mħallsin biss għall-ħin li jagħmlu bejn id-9am u s-7pm. Hemm oħrajn li għax ikunu ġodda ma jitħallsux kummissjoni bħall-ħaddiema l-oħra jew ma jingħatawx break. Sfortunatament ma jkunux iridu jitkellmu għax jibżgħu u jekk jibqgħu siekta diffiċli tiddefendi l-kawża tagħhom.”
Argument li jitqajjem ħafna drabi hu dwar l-immigrazzjoni illegali u l-impatt tagħha fuq is-suq tax-xogħol.
Ma joqgħodx idur mal-lewża. “Iddejjaqni l-kelma illegali, qishom xi kriminali. Hawn ħafna razziżmu fil-konfront ta’ dawn in-nies. L-ikbar theddida għas-suq tax-xogħol mhumiex l-immigranti li hawn fostna imma l-abbuż ta’ min iħaddem li jdaħħal l-immigranti b’kundizzjonijiet u salarji inqas milli titlob il-liġi. U dan l-abbuż ma jseħħx biss fil-konfront ta’ l-immigranti imma wkoll fil-konfront ta’ ħaddiema Maltin, part-timers, ħaddiema każwali u dawk bil-kuntratt.”
Jisħaq li l-abbuż tal-liġijiet tax-xogħol hu ħażin għax joħloq problemi għal min irid jaħdem b’dinjità.
“Iżda l-problemi mhumiex mifruxin biss fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-ġbir ta’ l-iskart fejn naraw ħafna suwed jaħdmu u forsi huma l-iktar ovvji. L-abbuż mifrux ukoll fl-industrija tat-turiżmu imma l-ħaddiema involuti huma mil-lvant ta’ l-Ewropa, għax anki hawn issib diskriminazzjoni kontra min hu iswed. Dawn il-ħaddiema mil-lvant jidħlu bil-visa b’mod regolari u jibqgħu hawn. Min jimpjegahom ma jħaddimhomx bil-ktieb tax-xogħol u jħallashom inqas mill-paga minima u b’kundizzjonijiet degradanti.”
Cristiano jsostni li l-abbużi jiġru f’dawk is-setturi u postijiet tax-xogħol li mhumiex organizzati f’union. “F’postijiet tax-xogħol li nirrappreżenta jien il-union tisħaq li kull impjegat li jidħol, ikun min ikun, jitħaddem bl-istess kundizzjonijiet tal-ftehim kollettiv.”
Iżda għalih is-soluzzjoni hi li l-ħaddiem ikollu l-informazzjoni kollha dwar id-drittijiet tiegħu ħalli ma jiddejjaqx jitlob dak li ħaqqu u fejn ikun il-każ jirrapporta.
“Hemm bżonn li l-ħaddiem jieħu r-riedni f’idejh u jiġġieled għad-drittijiet tiegħu. Għad fadal ħafna post għall-ħidma tal-unions, anki fiż-żminijiet tal-lum. La int impjegat union dejjem tista’ tgħinek. Sħubija f’union toffrilek is-solidarjetà anki fil-każ ta’ ħaddiema li huma impjegati b’kuntratt jew part-time.”
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt