01 ta' Lulju 2007 • Nr 35

Arkivji




 

 

 

01 ta' Lulju 2007
Bżonn ta’ baġit sensibbli

Biex jitqies bħala Oppożizzjoni kredibbli partit politiku jrid mhux biss jagħmel il-kritika imma iktar importanti minn hekk jagħmel proposti alternattivi li jkunu politikament sensibbli u ekonomikament fattibli.
Kull sena f’dawn iż-żminijiet Alternattiva Demokratika tlesti l-proposti tagħha għall-baġit. Din is-sena erġajna ħejjejna l-proposti tagħna u ippreżentajniehom direttament lill-Prim Ministru. B’hekk l-iskuża li spiss jagħmlu dawk tan-naħa tal-Gvern, li ma semgħux bil-proposti tagħna, ma tkunx tista’ terġa’ tintuża.
Qed nesiġu li din is-sena l-Gvern m’għandux jagħmel l-istess żball li għamel is-sena l-oħra u jagħti tnaqqis tat-taxxa b’mod indiskriminat. Dan kien żball għax b’din il-miżura spiċċaw gawdew biss dawk in-nies li jaqilgħu l-aktar. Il-familji li jaqilgħu ftit spiċċaw jieħdu jew ħmerija jew xejn!
Għalhekk qed nipproponu li l-Gvern jindirizza lil dawk l-aktar li jinsabu fil-bżonn. Fost dawn hemm il-familji li għadhom qed irabbu lit-tfal. Qed nipproponu biex dawn il-familji jingħataw Allowance Speċjali għat-Tfal ta’ Lm160 fis-sena għal kull tifel u tifla sa l-età ta’ 16-il sena. Ipproponejna wkoll li l-leave tal-maternità jiżdied minn 13-il ġimgħa għal 26 ġimgħa u jkun il-Gvern li jerfa’ dan il-piż bil-ħlas ta’ Lm70 fil-ġimgħa biex ma nżidux għalissa l-piż fuq min iħaddem.
Biex nindirizzaw il-kompetittività azjendali għamilna proposta li r-rata ta’ tassazzjoni għall-kumpaniji tinżel minn 35 fil-mija għal 30 fil-mija filwaqt li r-rata ta’ tassazzjoni fuq il-banek għandha titla’ minn 35 fil-mija għal 40 fil-mija. It-taxxi għandhom iħallsuhom l-iktar dawk li jifilħu. Ipproponejna wkoll li r-rata ta’ VAT fuq ristoranti tinżel minn 18 fil-mija għal 12 fil-mija.
Tkellimna wkoll dwar is-soprataxxa fuq l-elettriku. Ma naħsbux li l-proposta ta’ l-Oppożizzjoni li jraħħas is-soprataxxa bin-nofs hi għaqlija. Din hi proposta populista wisq u tfakkarni fil-proposta ta’ l-2003 ta’ ‘Xahrejn bla taxxa.’
Minflok qed nipproponu li l-mekkaniżmu tas-soprataxxa jinbidel biex dawk li jagħmlu sforz biex jiffrankaw l-elettriku jħallsu soprataxxa ta’ inqas minn 45 fil-mija filwaqt li dawk li jaħlu iktar iħallsu soprataxxa ta’ iktar minn 45 fil-mija.
B’dan il-mod il-Gvern ikun jista’ jirkupra l-prezz taż-żejt u jippremja lil dawk li jużaw l-enerġija b’iktar għaqal.
L-inġustizzja tal-liġijiet tal-kera tista’, u għandha, tkun indirizzata f’dan il-baġit. Għalhekk Alternattiva Demokratika qed tipproponi li mis-sena d-dieħla, u sakemm tkun riformata l-liġi tal-kera, il-Gvern jibda jagħti kumpens lis-sidien ta’ terz tal-valur xieraq tal-post fl-2008, li mbagħad jitla’ għal żewġ terzi fl-2009 u kumpens sħiħ fl-2010.
B’kuraġġ għamilna proposta oħra li biha l-Gvern jintroduċi inċentivi fiskali fuq kiri ta’ djar li llum jinsabu vojta. Speċifikament ipproponejna li tkun applikata rata ta’ tassazzjoni ta’ 15 fil-mija fuq il-valur tal-kera ta’ kull proprjetà li mhix l-ewwel jew it-tieni residenza tas-sid.
B’din il-miżura għandhom jiżdiedu iktar proprjetajiet fis-suq kemm għall-bejgħ kif ukoll għall-kiri. Naħsbu wkoll li din il-miżura tista’ sservi wkoll biex il-prezzijiet ma jkomplux telgħin sparati ’l fuq.
Fl-aħħar għamilna proposta li meta btajjel pubbliċi jiġu bejn it-Tlieta u l-Ħamis, il-btala titressaq għal nhar ta’ Ġimgħa biex jinħolqu iktar long weekends. Din il-proposta diġà ntlaqgħet tajjeb minn ħafna nies u hi ta’ benefiċċju għal Għawdex li biż-żieda ta’ iktar long weekends ikun jista’ jgawdi iktar mit-turiżmu Malti. Din il-proposta mhu se tiswa xejn lill-Gvern.
L-Alternattiva Demokratika hi lesta twarrab il-partiġġaniżmu billi tagħmel proposti konkreti u kredibbli. Nistennew li l-Gvern ikollu l-umiltà politika u s-sens li jikkunsidra bis-serjetà l-proposti tagħna.

Edward Fenech hu kelliem fuq Finanzi, Ekonomija u Turiżmu ta’ Alternattiva Demokratika

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt