01 ta' Lulju 2007 • Nr 35

Arkivji




 

 

 

01 ta' Lulju 2007
Kmamar tal-mewt

Niddikjara bla tlaqliq li nħobb il-logħob tan-nar, ta’ l-art u ta’ l-ajru, għax fih nara spettaklu artistiku, ħiliet fis-sengħa tal-piroteknika u mingħajru ma jkunux kompluti l-festi u l-festivals.
Iżda fl-istess waqt nistqarr li ma niflaħx nara iktar familji jbatu, tfal isiru ltiema, nisa jormlu għax żwieġhom jiffissaw fuq dan id-delizzju u jispiċċaw vittmi ta’ proċess li jpoġġi lil ħajjithom imdendla fuq ħarira l-ħin kollu. Ma jistax ikun li nibqgħu b’idejna fuq żaqqna u ma nagħmlu xejn biex neqirdu dan il-periklu minn fostna.
Jekk hemm bżonn inħottu kull fabbrika tan-nar u mhux inħalluhom jinħattu bl-isplużjonijiet makabri. M’għandniex triq oħra u rridu nieħdu deċiżjoni darba għal dejjem.
Qed inħallsu prezz qares wisq biex ingawdu dan l-ispettaklu fil-festi li norganizzaw. Kull mewt jew vittma ta’ l-isplużjonijiet tal-kmamar tan-nar tfisser biss kemm aħna niġu naqgħu u nqumu mill-ħajja ta’ dawn in-nies. Ma jistax ikun li nibqgħu nibku d-dmugħ tal-kukkudrilli u nixxukkjaw ruħna bi traġedji u l-imwiet u nibqgħu ngħidu li dawn huma każi iżolati u sfortunati. Bħala ċittadini nagħmlu tajjeb li nipprotestaw u nippressaw lil min qiegħed fl-Awtorità biex inħarsu l-ambjent li ngħixu fih u biex ma nħallux issir moħqrija fuq l-annimali. Iżda għandna obbligu morali li niddefendu l-ħajja, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi.
Hekk qegħdin nagħmlu fil-każ ta’ l-immigranti illegali, huma x’inhuma l-piżijiet li rridu nġorru. Iżda m’aħna nagħmlu xejn, ħlief nikkunslaw bil-miskin u l-jaħasra meta naraw quddiemna nies li għall-gost u l-pjaċir qegħdin jissograw ħajjithom billi jehdew fil-logħob tan-nar. Il-qtil daqstant viljakk ta’ dawn il-vittmi hu dnub daqskemm hu l-abort fuq l-innoċenti. Għalhekk jekk nemmnu verament fil-ħajja rridu niddefenduha dejjem u kullimkien u mhux noqogħdu nagħżlu ċ-ċirkostanzi kif jaqbel lilna.
Għal ħafna minnhom in-namra għan-nar qiegħda f’demmhom. Ma jqisu xejn u ma jaraw xejn ħlief li jqattgħu l-biċċa l-kbira tal-ħin liberu tagħhom jaħdmu fil-kamra tan-nar. Għal uħud dan sar mezz ieħor kif jaqilgħu lira, forsi wkoll barranija; qisu xi negozju. Jafu li qegħdin f’ħalq il-mewt imma konvinti li “fejn iridek isibek” u allura jikkonvinċu lil nieshom li m’għandhomx għalfejn jinkwetaw. Għajnhom mimlija li qed jagħmlu sagrifiċċju għall-glorja tal-patrun!
Iżda quddiem dan ir-raġunament mimli emozzjonijiet għandhom jirbħu l-għaqal u r-rispett lejn il-ħajja umana. Naf li nista’ nweġġa’ fil-laħam il-ħaj lil dawk kollha dilettanti tal-logħob tan-nar: kemm dawk li jaħdmuh u dawk li jitpaxxew jarawh. Iżda ma nistgħux inħallu li sseħħ traġedja oħra mingħajr ma nieħdu d-deċiżjoni li l-logħob tan-nar ikun abolit immedjatament.
Ma joħorġux aktar permessi biex jinħadem in-nar. Nagħmluha ċara li jkun reat kriminali għal min jazzarda jilgħab bl-isplussiv. Jekk id-droga toqtol, daqshekk ieħor il-logħob tan-nar!
Wara t-tkexkixa nazzjonali bl-isplużjoni tal-kamra tan-nar ta’ Santa Liena, fix-Xwieki, l-Alternattiva Demokratika qed titlob lill-partiti politiċi kollha biex iduru madwar mejda u jaraw x’jista’ jsir jew aħjar kif ikun ikkontrollat il-periklu tal-logħob tan-nar minn issa ’l quddiem.
Suġġeriment tajjeb li għandu jintlaqa’ mhux biss mill-partiti imma anki minn soċjetajiet, organizzazzjonijiet, il-knisja u ċ-ċittadini kollha.
Wieħed ma jridx jinfaxxa rasu qabel jaqsamha iżda meta fin-nofs hemm il-ħajja tal-bniedem din ma tistax tkun trattata mil-lenti politika. Ma rridux nispiċċaw li minħabba l-vot nieħdu deċiżjonijiet nofs sajran bħal fil-każ tal-kaċċaturi u kwistjonijiet oħrajn.
L-unika soluzzjoni konkreta li għandna quddiemna hi waħda: il-logħob tan-nar jispiċċa minn fuq wiċċ din l-art. Ma nistgħux nibqgħu nilagħbu bir-riskju tal-mewt, żgħir kemm ikun żgħir. Forsi ninstema’ radikali iżda ċert li min hu mġarrab jifhimni aħjar!
Iktar jagħmel sens jekk l-aġenda ta’ din il-laqgħa, jekk issir, tkun ibbażata fuq kif se ndaħħlu alternattiva għal-logħob tan-nar fil-festi u okkażjonijiet oħra. Naħseb li bl-iżvilupp tat-teknoloġija nistgħu nsibu alternattivi diċenti li joffru spettaklu xorta waħda u li ma jiggarantixxux il-periklu li joffri l-logħob tan-nar tradizzjonali tagħna.
Xi żmien ilu kont Luzern u attendejt għal festival li sar fuq ix-xmara. Kien spettaklu b’sinkronizzazzjoni ta’ dwal bil-laser fis-sema u ħsejjes ta’ l-ilmijiet tax-xmara u mużika. Veru kien differenti minn dak li mdorrijin bih sal-lum imma kienet wirja li tpaxxi l-għajnejn u l-widnejn u xorta waħda tagħti dimensjoni ta’ kwalità lill-festa li nkunu qed niċċelebraw.
Minn dan il-lat żgur li m’aħniex inferjuri biex intellgħu spettakli bħal dawn.
Fil-bidu jista’ jkun li narawna strambi għax ma nisimgħux il-ħoss tal-murtal tal-bomba jew ma narawx il-ħruq tal-kaxxa infernali iżda wara ftit nibdew napprezzaw l-effetti simili li joħorġu permezz tal-mezzi moderni tat-teknoloġija. Id-dilettant tan-nar jista’ jħossu xi ftit imdejjaq għax ma jkunx jista’ jipprattika “id-delizzju” iżda maż-żmien jirrealizza li mhemmx isbaħ milli jgawdi ħajtu u l-familja tiegħu!

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt