M’aħniex profeti imma nafu li fi ftit jiem oħra l-mewt ta’ erba’ persuni f’kamra tan-nar se tintesa u kollox se jibqa’ għaddej kif kien qabel. Il-messaġġi ta’ solidarjetà se jtiru mar-riħ u l-ebda politiku mhu se jagħmel xi ħaġa biex dan il-qasam ikun regolat kif suppost biex nevitaw li fil-futur jerġa’ jkollna traġedja. Il-biki ta’ min mar isabbar lill-qraba ta’ dawk li mietu hu biss biki tal-kukkudrilli.
Forsi ftit huma dawk li jindunaw bil-periklu kbir li jeżisti f’kamra tan-nar. Il-kelma ‘kamra tan-nar’ tinganna għax fil-verità dawn mhuma kmamar xejn imma laboratorji daqs kwalunkwè laboratorju kummerċjali ieħor fejn tintuża kimika perikoluża li tinħtieġ attenzjoni kbira.
Bħal kull laboratorju ieħor hu meħtieġ li min jaħdem fihom mhux biss jifhem il-perikli marbuta mal-kimiċi iżda wkoll jaddotta prattiċi professjonali ta’ kif għandu jsir ix-xogħol, taħt liema kundizzjonijiet skond il-klima u standards ta’ mġiba u ndafa.
Il-liċenzja ta’ dawn il-kmamar għandha tiġġedded minn sena għal sena wara li jkun inħareġ ċertifikat mill-awtoritajiet konċernati li x-xogħol qed isir minn nies kwalifikati u skond prattiċi ta’ saħħa u sigurtà mitluba minn kull laboratorju.
Dilettant jibqa’ dilettant anki jekk taħt ħżiemu għandu tilja esperjenza. Hemm bżonn taħriġ professjonali, speċjalment f’qasam fejn il-vittmi jistgħu jkunu nies li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ dawn il-kmamar.
Saru tentattivi fil-passat biex dan il-qasam ikun regolat imma sfortunatament il-politiku dejjem ċeda għall-pressjoni li ssirlu mill-erba’ dilettanti tar-raħal. M’aħniex ngħidu li n-nar għandu jinqata’. Għandu valur kulturali u artistiku. Iżda ma nistgħux ngħaddsu rasna fir-ramel nitolbu li ma jseħħux diżgrazzji u nħallu r-raddiena tkompli ddur qisu xejn mhu xejn.
Flimkien ma’ regolamenti u spezzjonijiet iktar retti jista’ jsir ukoll kors fl-MCAST biex kulmin jaħdem f’dawn il-kmamar ikollu taħriġ bażiku fil-kimika u fi prattiċi ta’xogħol xierqa għal min jaħdem f’laboratorju.
Ir-Ramla u l-UE
L-aħbar li l-Kummissjoni Ewropea laqgħet it-talba ta’ l-Alternattiva Demokratika u se tinvestiga l-mod kif ingħataw il-permessi għall-iżvilupp ta’ 23 villa u ċimiterju fl-inħawi tar-Ramla l-Ħamra f’Għawdex għandha tinkwieta lil kulmin iħallas it-taxxi f’dan il-pajjiż.
Jekk il-Kummissjoni ssib li l-affarijiet ma mxewx kif suppost għax ikunu nkissru direttivi Ewropej hemm riskju li pajjiżna jibda jeħel il-multi u f’dan il-każ ma jkunx l-iżviluppatur li jħallas imma l-poplu kollu kemm hu bit-taxxi tiegħu. Dan mhux ġust.
Jidher li l-MEPA lanqas biss taf x’inhuma l-obbligi tagħha skond id-direttivi Ewropej.
Għal darb’oħra jkollna nindirizzaw il-kritika tagħna lejn il-politiku. Sfortunatament il-bord tal-MEPA hu magħmul fil-maġġoranza tiegħu minn membri appuntati mill-Gvern u rappreżentant kull wieħed mill-partiti fil-parlament.
Id-deċiżjoni favur l-iżvilupp ta’ 23 villa fuq medda art ikbar minn dik okkupata mill-bini li hemm illum fir-Ramla l-Ħamra kixfet il-maskra tal-Gvern. Kulħadd ħaseb li Gonzi kien ra l-aħdar meta abbanduna l-proġett ta’ korsa tal-golf fix-Xagħra l-Ħamra f’Għajn Tuffieħa. Iżda l-konverżjoni damet biss ftit ġimgħat. Forsi ħasbu li l-Għawdxin mhumiex sensittivi għall-kwistjonijiet ambjentali.
Minn naħa tiegħu l-Partit Laburista, filwaqt li qed jopponi l-iżvilupp tar-Ramla l-Ħamra u saħansitra kellu uffiċjali preżenti għall-marċ ta’ protesta li organizzaw l-għaqdiet ambjentali din il-ġimgħa, għadu qed jinsisti li jrid korsa tal-golf f’Ta’ Ċenċ. Minbarra dan mhux ċar x’se jagħmel dwar l-iżvilupp tar-Ramla jekk jitla’ fil-Gvern.
L-Alternattiva Demokratika tibqa’ l-uniku partit politiku li għandu kredenzjali ta’ min jafdahom fuq kwistjonijiet ambjentali u jidher li dan għarfuh anki l-Għawdxin. Mhuwiex kumbinazzjoni li l-AD, għall-ewwel darba fl-istorja qasira tagħha, tellgħet kunsillier fis-Sannat u għal żewġ voti ma tellgħetx ieħor fil-Munxar.
L-ambjent m’għadux in-namra ta’ ftit iffissati fis-siġar. Illum in-nies għarfet li l-ambjent jolqot ukoll il-kwalità tal-ħajja tagħha, l-ekonomija tal-pajjiż, ix-xogħol u l-identità ta’ dawn il-gżejjer ċkejknin. Għalhekk ninħarqu meta min suppost jaf aħjar jibqa’ jiddeċiedi mingħajr skrupli fuq żvilupp bla rażan biex imbagħad ikollu jħallas għalih iċ-ċittadin komuni.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt