01 ta' Lulju 2007 • Nr 35

Arkivji




 

 

 

01 ta' Lulju 2007
Niccoló Macchiavelli biss għad għandu s-segwaċi tiegħu?

1. Il-ġimgħa li għaddiet, fil-21 ta’ Ġunju, ħabat l-480 anniversarju mill-mewt ta’ Niccoló Macchiavelli fl-1527. Iben il-belt mill-isbaħ ta’ Firenze u t-tieni wild ta’ avukat, Niccoló għadda ħajja marbuta mad-dinja politika. Ħidma li bdiet ma’ Lorenzo dè Medici, magħruf bħala “Il Magnifico”, għaddiet taħt iż-żmien tar-repubblika u spiċċat bir-ritorn tal-Medici. Persuna mogħti għall-istudju li ħalla warajh numru twil ta’ kitbiet, fosthom l-iktar famuż “Il-Prinċep”. Ktejjeb mimli b’kif għandu jġib ruħu l-bniedem li għandu l-kmand tal-pajjiż. Aktar minn sempliċi analiżi jew rapport ta’ eventi storiċi, “Il-Prinċep” hu ġabra kbira ta’ pariri.

2. Macchiavelli baqa’ famuż għal diversi dikjarazzjonijiet li ħalla. Fosthom, l-iktar diretta, dik li tgħid li l-politika m’għandha ebda rabta mal-morali. F’kelma waħda kull aġir u kull metodu użat, m’għandux bżonn li jkun ispirat minn xi prinċipju etiku tas-sewwa, minbarra dak li l-kisba u ż-żamma tal-poter jiġġustifikaw kollox. Ma nistax ngħid li jien segwaċi ta’ kitbietu. Fuq dan anzi, bl-esperjenza, nemmen proprju l-kontra. Però dan ma jfissirx li kulma kiteb f’“Il-Prinċep” hu kompletament żbaljat, jew aħjar, li l-osservazzjonijiet li jagħmel huma ħżiena. Għax għandu raġun meta jgħid li mhumiex it-titoli li jagħtu unur lill-bniedem iżda l-bniedem li jagħti ġieħ lill-unuri.

3. Żgur mhux forsi, speċjalment għal dawk li m’għandhomx formazzjoni politika, kitbietu servew u jibqgħu jservu bħala manwal lest għad-disposizzjoni. Manwal li tħaddan l-aktar minn dawk li ammiraw jew ippruvaw ikunu dittaturi, jew aħjar ħattafa tal-poter politiku, kemm ġewwa kif ukoll barra d-demokrazija. Bqajt naħseb dejjem fuq żewġ verżjonijiet li kien hemm għal xi żmien fuq l-ixkafef tal-kotba ta’ l-Università. Waħda b’introduzzjoni ta’ Benito Mussolini u l-oħra b’ta’ Bettino Craxi. It-tnejn bil-mod tagħhom jesprimu ammirazzjoni għal dan il-bin l-art Taljana. Għax għad hawn min iħoss li jekk jitqabbel miegħu, dan ifisser li hu persuna ta’ ħila fil-politika. Konduttur b’saħħtu bħall-antiki. Lorenzo dè Medici modern li se jħalli isem fl-istorja ta’ pajjiżu. Tentazzjonijiet li jispiċċaw jimmanifestaw rwieħhom bl-ikrah f’lapidi u postijiet li ma jintesewx.

4. Fir-realtà, iktar ma wieħed jirrifletti fuq kitbiet din il-persuna, iktar jinduna kemm f’moħħu kellu mudell tal-bniedem perfett, li fil-fatt hi mibnija fuq il-perċezzjoni tiegħu ta’ dawk li mexxew fid-diffikultajiet kbar ta’ żmienu. Kliemu jitolbu li l-politiku jkun ġabra ta’ ħwejjeġ kontra ta’ xulxin u ambivalenti. Għax għandu ħafna kontradizzjonijiet - minn naħa qalb tajba, minn oħra id iebsa, jew minn naħa rispett, minn oħra disprezz. Fil-verità qiegħed jagħti soluzzjonijiet b’mezzi li ma jsegwux, la l-loġika tal-ħajja u lanqas in-natura umana. Jitlob u jippreżentalna, speċjalment għal dawk li qegħdin fil-ħajja politika attiva, toroq li diffiċli tipprattikahom jekk mhux b’konsegwenzi żbaljati.

5. Din il-kitba dehret għall-ewwel darba għad-dawl tax-xemx lejn il-1513 u sabet ruħha tradotta f’diversi lingwi, għalkemm mhux f’tagħna. Mhemmx dubju li influwenzat u tkompli tagħmel dan. Hi vuċi interessanti, imma sfortunatament titqiegħed bħala l-unika f’dak il-perjodu, mentri mhix hekk. F’dinjietu nsibu bniedem ieħor, Erażmu ta’ Rotterdam, li fl-1516 kiteb ukoll ġabra ta’ ħsibijiet bit-titlu “Institutio Principis Christiani”, maħsuba biex iservu preċiżament il-kontra tal-Fjorentin. Ktejjeb ftit magħruf, iżda mimli b’għerf dedikat lil dak li kellu jkun Karlu V ta’ Spanja u mhux lil Lorenzo dè Medici.

6. Erażmu, għall-kuntrarju ta’ Niccoló, jgħid: “What must be implanted deeply and before all else in the mind of the prince is the best possible understanding of Christ; he should be constantly absorbing his teachings ... Let him become convinced of this, that what Christ teaches applied to no one more than to the prince.” Dan il-kuntrast, fl-ideat ta’ kif għandu jwettaq ħidmietu l-mexxej ta’ pajjiż, mhux wieħed akkademiku, iżda ta’ kull ġurnata. Għax min qiegħed fil-politika għandu għażla fuq liema toroq jagħżel li jimxi. Ikun koerenti jew idawwar triqtu skond f’dak il-mument x’jiddeċiedi li jaqbillu? Sitwazzjoni xejn faċli f’dan is-sekulariżmu modern li jrid jibgħat il-messaġġ li fl-istituzzjonijiet għandek tinjora sekli ta’ tagħlim u ssegwi l-bieb il-faċli.

7. Nammetti li quddiem dawn il-kuntrasti ppruvajt, u nibqa’ nistinka, biex inwassal il-messaġġ b’ħidmieti, li Erażmu kellu raġun. Dan għax triqtu mill-esperjenza turi li hi dik tal-verità, u hi dik li twasslek biex tieħu d-deċiżjonijiet it-tajba. Għax min għandu fuq dahru dan id-dmir irid iqis sewwa u jikkonsulta ruħu ma’ dawk li kapaċi jagħtu pariri tajba. Interessanti fuq dan hu li ż-żewġ kittieba jaqblu bl-istess termini li l-agħar persuni li jistgħu jeżistu ma’ saqajn il-politiċi huma dawk li jfaħħruhom. Il-faħħara huma pjaga kbira, pesta, li għandhom jiġu evitati. Kulmin idawwar wiċċu bihom jew jafdahom ikun qiegħed jikteb it-tmiem tiegħu. Għalhekk hemm qbil sħiħ għax Macchiavelli jgħid li l-aqwa protezzjoni hi l-verità għax: “there is no other way of guarding oneself from flatterers except letting men understand that to tell you the truth does not offend you.” U Erażmu: “The prince must nevertheless accustom his friends to the knowledge that they find favour by giving frank advice.”

8. Fix-xenarju politiku preżenti ta’ pajjiżna l-verità, tiġi minn fejn tiġi, ma tbeżżax. Anzi tkompli tissoda fil-ħidma t-tajba. Il-ġlieda kontra l-ħażen u kontra min isegwi toroq żbaljati trid tibqa’ ssir minn ulied dawk li jħarsu u jservu fis-sewwa. Jekk xi ħadd ħa l-impressjoni l-kontra hu żbaljat. Il-pariri t-tajba bażati fuq il-verità rriduhom, napprezzawhom u naħdmu fuqhom. Għax l-esperjenza tgħallem li min jorbot ruħu mal-fatti u l-verità jwettaq miżuri li jagħtu frott dejjiemi lis-soċjetà. F’dan is-sens nibqgħu segwaċi ta’ Niccoló Macchiavelli kif ukoll ta’ Erażmu ta’ Rotterdam.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt