24 ta' Ġunju 2007
X’hemm isbaħ mill-brutte figure?
Jiġu mumenti li wieħed jibda jissuspetta fihom li dak il-leader li għandhom il-Laburisti huwa l-akbar għadu tiegħu innifsu.
F’affari ta’ ġimgħa, id-dottor Sant għamel żewġ brutte figure liema bħalhom: fil-programm Bondi+ ta’ ġimgħa u nofs ilu, u bid-diskors li għamel fil-Parlament quddiem il-President Portugiż tal-Kummissjoni Ewropea, Barroso. Dawn flimkien mal-brutta figura li għamel Josie, il-Pierino tal-politika Maltija, meta nieda l-partit tiegħu is-Sibt ta’ qabel, iwassalni biex nibda nissuspetta li l-kapriċċjuża fortuna iddeċidiet li tibda tħares lejn Lorenzo bid-daħqa...
Fuq it-televiżjoni, id-dottor Sant wera li bilkemm jaf x’qed jiġri madwaru, li lanqas jaf li mhemmx VAT fuq l-edukazzjoni u li l-koppji żgħażagħ diġà għandhom il-mezz biex jieħdu lura l-VAT imħallas fuq l-ewwel dar tagħhom. Ma jafx bl-aħħar żviluppi fit-turiżmu u lanqas għandu l-iċken idea dwar kemm se jiswew fi flus il-wegħdi li qed ifajjar bl-addoċċ.
Id-diskors tad-dottor Sant lil Barroso kien wieħed li ġiegħel lil kull Malti jistħi. X’vergonja! Ħaseb li kellu jirrepeti, għal darba darbtejn, li dalwaqt ikun il-Prim Ministru Malti li miegħu l-Unjoni Ewropea għad trid tħabbat wiċċha. Speċi ta’ avviso ai navigatori! Deherlu li kellu jimita l-agħar karatteristika tal-predeċessur tiegħu, Domenico Mintoff, u flok lil Barroso kellmu bħala wieħed ta’ ġewwa, kellmu bl-ardir għax hu stranjier u fajjar il-minaċċa li jekk l-UE ma toqgħodx għal li jgħid hu (meta jkun Prim Ministru, s’intendi) allura jieħu azzjoni unilaterali.
Ma nafx irnexxilux jiġbor ir-rispett ta’ dawk fost is-segwaċi tal-Partit Laburista li għandhom nostalġija għaż-żmien ta’ Domenico. Però naf li tilef ir-rispett ta’ ħafna Maltin.
Imbagħad dak Josie wara li wiegħed arja friska u ġdida fil-politika, ħareġ iwerżaq ideat skaduti u mmuffati: il-brodu tat-Tletinijiet imsaħħan mill-ġdid biex bih jippruvaw jissodisfaw l-kilba ta’ l-iffrustrati tal-millennju l-ġdid!
Bl-iskuża tal-valuri nsara ta’ ulied il-patria qed jipprova jirkeb fuq l-istmerrija bigotta ta’ wħud lejn il-proxxmu li, mingħajr ma ried, spiċċa jistkenn fix-xtut isolani tagħna.
Tgħidx kemm qala’ voti mill-media hekk imsejħa indipendenti li s-soltu toqgħod tfittex ix-xagħra fl-għaġina f’kulma jagħmel il-Gvern ta’ Lorenzo. Almenu qed iservi biex iserraħ xi ftit lil Lorenzo mill-attakki kontinwi kontra tiegħu.
U flok ħa dehxa u daħal f’qoxortu, Josie qed ikompli jagħmel brutta figura kull ġimgħa fuq stazzjon televiżiv privat. M’hemmx agħar minn meta wieħed iħalli l-prużunzjoni tiegħu tagħmih!
Tassew li għal Lorenzo m’hemmx isbaħ mill-brutte figure tad-dottor Sant u ta’ Josie!
Madanakollu, jgħaddili ħsieb ieħor li jsewwiddli qalbi. Fl-aħħar mill-aħħar l-unika ħaġa ċerta hi li wara l-elezzjoni li l-patria se jkollha fi żmien sena, bħala Prim Ministru se jkun hemm wieħed minn tnejn: jew Lorenzo jew id-dottor Sant. M’hemm ebda possibbiltà oħra.
U allura l-possibbiltà ta’ suċċess ta’ Lorenzo tiddependi mill-brutte figure ta’ min qed jimbotta lilu nnifsu bħala Prim Ministru alternattiv! X’ironija! Din hi riflessjoni tal-meskinità tas-sitwazzjoni politika attwali fil-patria: flok il-vittorja tkun riżultat tas-suċċess ta’ l-impresa tar-rebbieħ, sejra tkun riżultat tal-brutte figure tat-tellief!
Possibbli l-istrateġisti f’Tal-Pietà ma jirrealizzawx li hemm xi ħaġa li ma ddoqqx, li tiżgarra f’din is-sitwazzjoni? Li għamlu żbalji kbar li wasslu biex vittorja tal-PN ma tidhirx li hi possibbli, jekk mhux grazzi għall-mankanza ta’ l-avversarju?
Għax jekk l-avversarju hu daqshekk batut, kif inhi din li l-vittorja ta’ Lorenzo mhix ovvja u ċara daqs il-kristall?
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt