Il-ħuta minn rasha sa saqajha tinten jgħid il-qawl għalkemm għadni qatt ma rajt ħuta flok bid-denb bis-saqajn.
U mhux bilfors tinten il-ħuta minn fuq s’isfel meta jkollok sitwazzjoni fejn f’temp ta’ ftit snin Prim Imħallef u Imħallef jirriżenjaw mill-kariga wara li sarulhom akkużi ta’ tixħim, lill-Arċisqof ta’ Malta li qal li qed jgħaddu l-flus minn id għall-oħra biex jinħarġu permessi tal-bini fejn mhux suppost jinbena, lil ċertu Segretarju Parlamentari jiddandan bil-mazez ta’ l-eluf ta’ liri ħerġin minn kull but tal-ġlekk u tal-qalziet ġejjin minn sorsi anonimi u mhux dikjarati, lill-eks President tal-Partit fil-Gvern li jsostni li tħallsu l-kummissjonijiet u li kien hemm il-korruzzjoni fil-kuntratti ta’ l-isptar il-ġdid. Imma din hi biss il-ponta ta’ l-iceberg għax bħalma jiġri tista’ tgħid kullimkien hi farka biss mill-korruzzjoni li ssir li fl-aħħar mill-aħħar tinqabad u tfeġġ fil-beraħ. Ħafna mill-korruzzjoni tibqa’ mistura taħt il-kutra ta’ l-omertà u bil-fajls maħruqa u dokumenti mitħunin bix-shredders, maż-żmien tispiċċa midfuna darba għal dejjem.
Il-korruzzjoni m’għandhiex ilwien u lanqas fruntieri politiċi u l-ebda partit ma jista’ jkun għal kollox ħieles minnha. Min ma jbiddilx iqammel u meta jkollok l-istess partit fil-Gvern għal snin twal il-pajjiż ta’ bilfors jibda jdewwed u jqammel.
Meta l-Gvern Laburista tat-Tmeninijiet beda juri ċerti sinjali ta’ dekadenza kienu bosta dawk fil-partit stess, fosthom jien, li kienu jsostnu li kien ikun aħjar jekk immorru fl-Oppożizzjoni biex nitnaddfu u nerġgħu nsibu ruħna. Jien li tqabadt kemm flaħt minn ġewwa u minn barra biex il-Partit jissaffa u jerġa’ jiskopri l-vera valuri tiegħu illum 20 sena ixjeħ ikolli ngħid li fejn dik tal-lum, il-korruzzjoni ta’ dakinhar kienet logħob tat-tfal biż-żibeġ jew bil-boċċi.
Fl-1987 in-Nazzjonalisti kienu telgħu bl-għajta li se jeqirdu l-korruzzjoni bl-għeruq u bix-xniexel (wieħed mill-famuż 20 punt) u li ‘min ma jiġġelidx il-korruzzjoni hu wkoll korrott’. Għoxrin sena wara l-korruzzjoni mhux biss hi istituzzjonalizzata imma għandha l-għeruq u x-xniexel tagħha li niżlu iktar fil-fond.
Ħu mill-Isptar Mater Dei. Tista’ tgħid kull tappa fl-iżvilupp ta’ dan il-proġett, kull kuntratt ta’ ċertu entità bħall-kuntratt tad-disinni, il-kuntratt tal-bini, il-kuntratt ta’ l-apparat mediku, il-kuntratt ta’ l-IT, kienu mtaqqlin b’ħafna akkużi ta’ korruzzjoni, kunflitti ta’ interess, abbuż ta’ poter u kull tip ta’ tbażwir ieħor.
Dak li kont konvint minnu fl-1987 li l-partit fil-Gvern kien aħjar għalih li jmur fl-Oppożizzjoni biex jieħu refit u tindifa ġenerali, nemmen li għadu jgħodd bl-istess mod għaċ-ċirkostanzi attwali tal-lum.
KPKK
Kemm ilhom fil-Gvern in-Nazzjonalisti ħolqu diversi istituzzjonijiet biex jidhru li qed jiġġieldu l-korruzzjoni. Imma mbaghad jew ma tawhomx l-għodod u r-riżorsi meħtieġa biex jagħmlu biċċa xogħol sew, inkella innewtralizzawhom billi appuntaw fuqhom nies li jġibu l-interess tal-partit qabel tal-pajjiż.
Fid-19-il sena minn kemm ilha mwaqqfa l-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni xi ħadd jista’ jgħidli din x’riżultati tanġibbli tat fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’pajjiżna? Qatt għamlet xi rakkomandazzjonijiet din il-Kummissjoni biex jitjiebu l-istandards ta’ mġiba fil-ħajja pubblika u biex is-sistemi ta’ tmexxija fl-amministrazzjoni jkunu riformati ħalli titbiegħed il-possibbiltà ta’ korruzzjoni?
Xejn minn dan kollu għax fir-realtà din il-Kummissjoni m’hi qed isservi proprju għalxejn ħlief biex isiru ħatriet politiċi ta’ persuni lealissimi lejn il-partit fil-Gvern li lanqas biss jgħaddilhom minn rashom li qatt xi darba jirfsu xi kallu ta’ l-istess Gvern.
Dan il-Gvern spiċċa jdgħajjef mhux isaħħaħ l-istituzzjonijiet li suppost jiġġieldu l-korruzzjoni f’pajjiżna. Wara l-inkjesta maġisterjali li kienet saret dwar ir-ruxxmata direct orders li ħarġu mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada madwar sentejn ilu l-Gvern Nazzjonalista qabad u neħħa l-poter li kellha l-Maġistratura li tinvestiga minn jeddha mingħajr il-ħtiega li jkollha bilfors rapport tal-pulizija kif qegħdha issa s-sitwazzjoni.
Ċikku l-Poplu
L-avukat Joe Micallef Stafrace darba kien għamel osservazzjoni li kienet laqtitni dwar il-fenomenu tal-korruzzjoni f’pajjiżna. Lill-votant il-korruzzjoni taffettwah biss meta toqorsu fil-laħam il-ħaj, ġol-but tiegħu. Altrimenti dawn il-ħafna kontroversji dwar kuntratti kbar, irregolaritajiet f’offerti u oħrajn qajla jinteressaw lil Ċikku l-Poplu sakemm ma jkunx jolqtuh direttament.
Issa ħallik jekk offerta tingħata b’nofs miljun jew miljun lira iktar mill-orħos offerta, fl-aħħar mill-aħħar irridu nagħmlu tajjeb għad-differenza mit-taxxi tagħna. Il-każijiet ta’ korruzzjoni li feġġew fil-beraħ reċentement fl-Awtorità dwar it-Trasport (ADT) u fl-Awtorità Marittima ta’ Malta (MMA), m’hemmx dubju li qarsu fil-but lil mijiet ta’ Maltin u allura dawn jista’ jkollhom ukoll riperkussjonijiet politiċi.
Imma aktar minn hekk hemm imbaghad il-kwistjoni tar-responsabbiltà politika li trid taqa’ fuq spallejn min għandu jġorrha u li ma tistax titħalla tiġi mfarfra kif ġieb u laħaq.
Bl-iskuża li kien hawn bżonn ta’ strutturi iktar effiċjenti, flessibbli u moderni minflok ċerti dipartimenti tal-Gvern inħolqu dawn il-ħafna quangos, aġenziji u awtoritajiet regolatriċi li mtlew bil-figatelli u bil-galoppini tal-Ministri. Awtoritajiet li spiċċaw żiedu flok naqqsu l-burokrazija b’ħafna regolamenti li ma jispiċċaw qatt, tariffi, permessi u ħlasijiet varji. Permezz ta’ racket organizzat ta’ tixħim u l-korruzzjoni, ġie maħluq speċi ta’ by-pass biex jintgħelbu dawn l-ostakli burokratiċi.
Sistema li minn natura tagħha l-ewwel ħolqot ħafna ostakli u burokrazija żejda li mbagħad ippermettiet racket organizzat ta’ korruzzjoni jbejjet minn ġo fiha biex jintgħelbu dawn l-ostakli maħluqa minnha stess.
Dawk li xaħħmu biex ħadu dak li ma kienx ħaqqhom lanqas biss intalbu biex iroddu lura l-liċenzja li ħadu b’mezzi illeċiti. Uħud minn dawk li xaħħmu u li kienu ikkundannati mill-qorti b’mod definittiv u anki kienu interdettjati għadhom ma tkeċċewx mix-xogħol għax għadhom qed jippruvaw jittantaw xortihom b’xi maħfra presidenzjali minkejja li nstabu ħatja mill-qorti.
Li hu żgur hu li ma kienx hemm fin-nofs xi każ iżolat ’l hemm u ’l hawn imma sistema organizzata ta’ korruzzjoni li teżisti mhux biss fl-ADT u l-MMA imma anki f’awtoritajiet oħrajn bħalma hi l-MEPA.
U dan ma ngħidux jien imma kien qalu proprju l-Arċisqof Emeritus Gużeppi Mercieca.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt