F’soċjetà fejn aktar minn qatt qabel kulħadd hu meqjus indaqs quddiem il-liġijiet, il-kelma privileġġ iddarras.
Il-knisja, in-nobbli u l-għonja tilfu ħafna mill-privileġġi li kienu jgawdu sa ftit snin ilu. Iżda mhux il-Membri Parlamentari, u allaħares ma kienx hekk!
Kulmin bħalna mexa fuq it-tradizzjoni kostituzzjonali Ingliża għamel tiegħu wkoll is-sistema tal-privileġġi Parlamentari. Din is-sistema hi maħsuba li toffri ħarsien lil dawk il-Membri Parlamentari minn kull biża’ li jittieħdu proċeduri kontra tiegħu li jistgħu jagħmlulu ħajtu diffiċli.
Jekk persuna fit-triq tallega li uffiċjal pubbliku hu korrot mill-ewwel jiġi mitlub jissostanzja jekk mhux ukoll jittieħdu proċeduri kontra tiegħu għal kalunja. Dan rajnieh fl-imgħoddi fil-każ ta’ Patrick Holland.
Għalhekk il-privileġġ hu maħsub biex Membru Parlamentari jkun ħieles minn dan l-iskariġġ. Bl-intervent tiegħu jkun ta lok li jinbdew proċeduri abbażi ta’ dak li fil-kuxjenza nadifa tiegħu sar jaf bih.
Irrid nagħmel enfasi fuq il-kliem kuxjenza nadifa għax anki kif jgħidu l-awturi Ingliżi dan hu privileġġ maħsub biex jagħmel ġid u mhux aktar ħsara. Erskine May, l-alla tal-proċeduri Parlamentari madwar id-dinja kollha, jgħid li mhux mistenni li Membru Parlamentari jabbuża minnu u anki jagħti x’jifhem li f’każ ta’ abbuż dan il-privileġġ jaqa’.
Ippruvajt niskopri x’inhi s-sitwazzjoni hawn Malta iżda nammetti li sibtha xotta għall-aħħar. Hi sitwazzjoni antikwata u qadima. L-aħħar li jidher li ntmesset kien meta Charles Demicoli snin ilu rebaħ kawża quddiem il-Qorti Ewropea kontra l-Parlament Malti fis-sens li l-Parlament qatt ma jista’ jagħmilha ta’ qorti. Dak il-privileġġ kien spiċċa. Iżda minn dakinhar sal-lum baqa’ ma sar xejn.
Ħaġa tal-għaġeb f’dawn l-aħħar 20 sena sibna ħin għal kollox biex nirriformaw kollox ħlief għall-Parlament. Proprju dan l-aħħar fis-7 ta’ Ġunju erġajna smajna lill-Ispeaker jeqred li hemm bżonn riforma urġenti f’dan il-qasam u sal-lum ma sar xejn. Kull sena l-istess qerda għal dawn l-aħħar 20 sena. Riforma li trid tidħol b’urġenza hi proprju f’dan il-qasam tal-privileġġi tal-Kamra. Minn dak li rajt, hija skarsa għall-aħħar.
Sibt li skond l-istanding orders tal-kamra ebda Membru Parlamentari m’għandu juża kliem offensiv fil-konfront ta’ Membru Parlamentari ieħor. Il-konsegwenza tista’ tkun ‘gravi’. Hemm iċ-ċans li Membru Parlamentari li juża kliem offensiv ikun sospiż mill-kamra. Jekk ikun xi wieħed li jispikka għall-assenteiżmu Parlamentari, kif hemm ħafna minnhom, ma tantx tagħmillu differenza.
Iżda għandi d-dubji tiegħi kemm anki din is-sanzjoni tintuża f’każijiet bħal dawn. Hawn jonqos l-Ispeaker. Meta dan l-aħħar Louis Galea implika b’mod ċar li Alfred Sant hu Nazist, ma jidhirlix li l-Ispeaker intervjena biex ta’ l-inqas iġiegħlu jitlob apoloġija, aħseb u ara s-sospensjoni. Meta Louis Galea kien sfidat biex jirrepeti dak il-kliem barra l-Parlament marritlu l-arja kollha. Ftakar x’kien ġralu l-eks ministru Joe Grima meta għajjar lill-mexxejja tal-PN Nazisti. Sarlu libell u tilfu u Louis mhux lakemm jarmi flusu, b’differenza minn flus il-poplu.
Ħafna drabi l-kontroversji li jitqanqlu madwar il-privileġġi tal-Kamra jkunu jolqtu nies li huma barra l-Parlament. Dan l-aħħar fil-Parlament Awstraljan qamet waħda għax xi Membru Parlamentari allega li xi membru tal-ġudikatura Awstraljana hu pedofilu. Sibt li f’Malta kliem offensiv minn Membru Parlamentari jeżisti biss fil-konfront ta’ Membru Parlamentari ieħor. Qishom in-nies tat-triq m’għandhomx sentimenti.
Membru Parlamentari jista’ jgħajjrek u inti ma tista’ tagħmillu xejn! Ma nafx x’għandu x’jaqsam it-tgħajjir max-xogħol parlamentari.
Ippruvajt insib tweġiba f’liġi antikwata: l-Ordinanza dwar il-Privileġġi u Setgħat tal-Kamra. Qisha speċi ta’ mużew ta’ l-istorja. Din il-liġi aktar preokkupata li Membru Parlamentari ma jispjunax, daqslikieku għad hawn l-Ammiraljat u l-armata Ingliża.
Din il-liġi tikxef il-biża’ partikolari li għandu l-Parlament mill-istampa għax parti kbira minna tittratta dwar kif għandu jmexxi l-parlament fil-kritika li ssirlu mill-istampa. Hemm partijiet minnha li jistgħu bit-tiġbid ta’ l-immaġinazzjoni jkunu applikati fil-konfront ta’ Membri Parlamentari iżda nammetti ma nistax ngħid b’ċertezza għax il-liġi mhix ċerta.
Ippruvajt ukoll nipprova nsib tweġiba f’dik li tissejjaħ ‘Standing Committee’ dwar il-Privileġġi tal-Kamra iżda għal darb’oħra mhux biss sibt ix-xott iżda l-ftit regolamenti li hemm huma aktar aridi mid-deżert ta’ l-Għarabja. Qisu kollox maħsub, donnu kulħadd nesa bi skop. Introduċejna prinċipji ċivili u moderni f’kull qasam tal-ħajja. Proprju f’dan ir-rigward m’hemm xejn.
Ippruvajt insib tweġiba fil-kodiċi ta’ etika li hemm fi skeda antika ma’ l-Ordinanza li semmejt iktar ’il fuq. Il-kliem xott, niexef u aridu ma nistax nużahom. Ippruvajt insib kelma oħra fid-dizzjunarju u ma sibtx waħda biex niddeskrivi dak li sibt. Għandi x-xamma li l-Membri Parlamentari jridu jkomplu jitgħajru bejniethom u jgħajru lil ħaddieħor barra l-Parlament ħalli wara tfaqqa’ gwerra ta’ akkużi u kontro-akkużi.
Iżda x’iridu l-Membri Parlamentari hi ħaġa u x’għandu jsir hi ħaġa oħra. Jien nemmen li fis-soċjetà kulħadd għandu jitgħabba bir-responsabbiltà.
Nemmen li għalkemm il-kelma privileġġi ddarras ċerti protezzjoni u immunitajiet iridu jingħataw lill-Membri Parlamentari biex jagħmlu xogħol b’mod ħieles u b’ċertu kuraġġ. Iżda bħal kollox fil-ħajja hemm limitu għal kollox u għalkemm din mhix regola miktuba xorta qiegħdha hemm.
L-ewwel m’għandu jara l-Ispeaker, flok jeqred, hi li jibda jieħu l-minimu ta’ azzjoni u t-tieni li malajr kemm jista’ jkun isiru r-riformi meħtieġa biex jirriflettu ż-żminijiet li qegħdin ngħixu fihom.
PEPPI
Illum qed tistaqsini dwar il-privileġġi Parlamentari. Illum qed tistaqsini naqbilx. Le, ma naqbilx. Assolutament ma naqbilx. Għall-ebda raġuni jew skuża ma naqbel.
Qabel taqbad u taqra xi ħaġa oħra għax taħseb li din ma taffettwakx ieqaf u aħseb. Inti kont taf li Membru Parlamentari jista’ jmur fil-Parlament jivvinta li int qed timporta d-drogi u ma tista’ tagħmillu xejn?
Taf li Membru Parlamentari jista’ jmur fil-Parlament u jgħid li ibnek, ħuk jew ommok ħadet kuntratt jew ġiet impjegatha bil-korruzzjoni u anki jekk tkun gidba sfaċċata u twerżaq inġustizzja ma tista’ tagħmillu assolutament xejn?
Kont taf li jekk jien għandi għalik u ħlift li nirrovinak u nsib Deputat li lest jaqdini f’din il-vendetta nista’ nkissrek u nibagħtek anki l-qabar? Immur għandu u ngħidlu dwarek, dwar kemm ħawwadt meta kont taħdem fit-tali ministeru u hu, b’mod relaxed u bla problemi ta’ xejn, imur fil-Parlament u jirrepeti l-gidba.
U inti? X’tagħmel? Xi trid tagħmel? Ifga f’demmek għax id-Deputat qaddej tal-poplu u mħallas minnu u għandu l-privileġġ li fil-Parlament jgħid li jrid u fuq min irid u ħadd ma jista’ jżommu.
Il-vili mhux dik biss. Mhux biss dak li jgħid l-Onorevoli Deputat jinstema’ live fil-Parlament u fuq ir-radju imma wkoll jista’ jkun rappurtat mill-gazzetti anki jekk tkun nofs verità jew gidba mill-għeruq.
Għandkom tkunu tafu li d-diskors giddieb dwarek li qed taqra u li jsir fil-Parlament isir privileġġat anki meta mxandar fuq il-mezzi tax-xandir. U int bħaċ-ċuċ, ma tistax tagħmillu libell u tfittxu għad-danni.
L-iktar li tista’ tagħmel hu li tisfidah jirrepeti barra dak li qal fil-Parlament. Jekk, kif ħafna drabi jiġri, dan ma jagħmlux ma tista’ tagħmel xejn anki jekk Malta u Għawdex kollha jibqgħu jaħsbu li inti baruni tad-drogi.
Għalfejn hemm il-privileġġ Parlamentari? Dawk li jiddefenduha jgħidu li dan il-privileġġ mhux qiegħed hemm biex ikun abbużat iżda biex Deputat ikun f’pożizzjoni li jqajjem ċerti kwistjonijiet li jekk jingħadu barra jistgħu jkunu suġġetti għal-libell. Ma naqbilx. Għax min jgħid affarijiet li jistgħu jwasslu għal-libell m’għandux jgħidhom: full stop. Għax inkella jkun qed ikisser bniedem, familja u ċirku ta’ ħbieb.
Nagħmilha ċara li mhux qed ngħid għall-opinjonijiet anki jekk huma krudili u kultant xokkanti. Jekk ngħid li int tilbes veru taċ-ċajt u ma togħġobniex ma nkunx qed nimmalafamak. Inkun qed ngħid x’naħseb jien. Ħaddieħor jista’ jaħseb bil-kontra. Iżda ma jistax Deputat jaħseb li int qed tbagħbas mid-dipartiment u jaqbad u jgħidha. Illum hekk jista’ jagħmel Membru Parlamentari bil-privileġġ li jgawdi. Dan m’għandu jkun qatt. Il-privileġġi Parlamentari għandhom jispiċċaw immedjatament.
Jekk dawn il-privileġġi jibqgħu għand id-Deputati għandhom ikunu l-istess Deputati li qabel kull diskors li jagħmlu jirrinunzjaw għall-privileġġ Parlamentari u għandhom jgħidu li huma lesti jirrepetu l-istess diskors barra l-Parlament.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt