24 ta' Ġunju 2007
Deheb u Innu Malti fl-ewwel esperjenza
‘Hagime’, ‘Matte’, ‘Ippon’, ‘Wazare Wazare’, ‘Koka’ u ‘Yuko’. Anki jekk x’ifissru eżatt diġà nsejt, almenu nista’ ngħid b’ċertezza li jeżistu fl-ilsien Ġappuniż, li jintużaw fl-isport tal-Judo u li għallmithomli l-Judoka numri wieħed ta’ Malta, Joanna Camilleri. Wara l-esperjenza meraviljuża li kellha fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Monaco, Joanna reġgħet lura għall-ħajja normali tagħha tat-taħriġ u tal-familja bl-akbar attenzjoni jkun binha Sven ta’ sentejn.
F’din l-intervista ta’ siegħa tkellimt magħha fuq ħafna affarijiet, anki għax mort b’ċerta kunfidenza. Lil Joanna ili nafha ħafna. Ħdimna flimkien fi trasmissjonijiet sportivi fil-passat u minn dakinhar sa llum, ma’ l-ewwel daqqa t’għajn ninduna li għad għandha ħafna mis-sabiħ li kellha darba. Baqgħet bl-istess karattru ferrieħi li tidħak bl-inqas affarijiet.
Iltqajt magħha t-Tnejn li għadda. Qabel ma poġġejna quddiem xulxin il-fotografu ħadilha xi ritratti. Minnhom ridna nagħżlu wieħed biex nabbinawh ma’ din l-intervista. Ma ngħidilkomx kemm opinjonijiet ta’ gosti differenti smajt. Niddeċiedi jien!
Iż-żmien għadda ġmielu. Illum Joanna saret mara miżżewġa u aktar minn hekk hija omm ta’ tifel il-ġmiel tiegħu. Bejn mistoqsija u oħra sibna l-ħin biex nitkellmu u nġeddu l-memorji taż-żminijiet passati meta konna naraw lil xulxin aktar ta’ spiss. Jien niftakarha Joanna Farrugia…
“Ma nbidel xejn ħlief il-kunjom u l-fatt li żżewwiġt u għandi tifel x’nieħu ħsieb. Il-bqija bqajt l-istess Joanna ta’ qabel li tħobb l-isport kollu.
“Persuna dedikata ħafna għall-isport. Minn mindu fhimt kemm jagħtik sodisfazzjoni l-isport f’ħajtek sar xi ħaġa minni li diffiċli ngħaddi mingħajru.
“Jien għalliema tal-home economics u ta’ l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskola Vincenzo Borg Brared tas-subien f’Birkirkara. Inħobb ngħallem ħafna wkoll.
Għandi passjoni oħra għall-baħar. Is-sajf inħobbu ħafna wkoll u fil-ħin ħieles li jkolli fis-sajf issibni dejjem fejn il-baħar. Kif jasal Settembru nerġa’ nibda nagħti l-akbar attenzjoni lill-istudenti.”
Nistaqsiha fuq kif tħossha bħala sportiva li ħadmet f’żewġ dixxiplini sportivi tal-basketball u l-judo f’livelli nazzjonali.
“Kultant għadni nilgħab ftit basketball ukoll ma’ l-istudenti l-iskola. Imma llum hija ħaġa ovja li nħossni aktar judoka milli plejer tal-basketball.
Kont bdejt il-Judo meta kelli 15-il sena fil-Junior Lyceum. Niftakar li kellna għalliema tal-Judo. Dan l-isport mill-ewwel interessani forsi għax jien xi ftit aggressiva. Daqs tliet snin ilu iltqajt ma’ ħabib tiegħi u kien hu li reġa’ ħajjarni nibda bis-serjetà. Ingħaqadt mal-club ta’ Hibernians u ntgħażilt man-nazzjonal biex illum wasalt biex irbaħt il-midalja tad-deheb ta’ Monaco ftit tal-jiem ilu. Ħdimt u stinkajt bis-serjetà. Id-determinazzjoni tiegħi ippremjatni. Forsi aktar milli xtaqt.”
Joanna tgħidli kif jirnexxilha tlaħħaq ma’ kollox. Il-familja, ix-xogħol u l-Judo huma tliet affarijiet li llum il-ġurnata jsawru ħajjitha.
“L-iskola ngħallem sas-2pm u kemm-il darba nqum kmieni biex nitħarreġ qabel ma mmur. Wara li nasal lura d-dar ikolli noqgħod ftit mat-tifel sakemm jorqod. Imma nibqa’ mħabbta sa tard filgħaxija. Fil-jiem ta’ qabel il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar kien hemm drabi li kont nidħol norqod anki fit-3am. Però dejjem sibt ħin għall-faċendi tad-dar bħal tisjir u tindif.”
Huma ħafna dawk li jemmnu li ladarba tasal sal-quċċata għandek tieqaf. Ir-raġuni tibqa’ li jekk kemm-il darba ma tirrepetix l-istess suċċess fl-edizzjoni li jmiss tibda tqisek bħala falliment u allura jkun aħjar li tieqaf fuq nota tajba. Joanna hija ta’ opinjoni differenti.
“Huwa vera li bħala Maltija, l-midalja tad-deheb fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar hija l-massimu u ma tistax tasal aktar. Ħafna nies qaluli li issa jmissni nieqaf. Jien ma ngħidx hekk. Jekk sentejn oħra nikkompeti u ma nirbaħ xejn ma tkunx waqgħet id-dinja.
Bħal kull sport ieħor, il-logħba tal-Judo għandha l-ġurnata tagħha. Jiddependi minn kif qomt filgħodu, kif tkun qed tħossok u jekk ikollokx aptit tiġġieled. Tgħinek ħafna wkoll il-polza ma’ min tiġi. Dawn kollha huma fatturi importanti f’din id-dixxiplina.”
Insaqsiha jekk qattx xi darba emmnet li tista’ tasal li tirbaħ l-aktar midalja ta’ valur f’dawn il-Logħob.
“Qabel Monaco qatt ma ħlomt fid-deheb. Imma dejjem ħlomt biss li nitla’ fuq il-podju u jindaqq l-Innu Malti. Irnexxieli nibki wara ħafna żmien. Dak kien l-isbaħ mument ta’ ħajti wara l-wild tat-tifel. Dejjem għidt li l-importanti huwa li tikkompeti. Jien tlajt Monaco u għamilt l-aħjar tiegħi. Sodisfatta li rnexxieli nasal sal-quċċata.”
Joanna Camilleri twieldet fil-25 ta’ Ġunju 1981. Toqgħod Sta. Venera u miżżewġa lill-ex plejer tal-waterpolo Marco Camilleri. Għandhom tifel ta’ sentejn, Sven.
“Ir-raġel waqaf mill-waterpolo minħabba x-xogħol. Huwa Ġiljaniż u kważi dejjem lagħab ma’ San Ġiljan imma lagħab ukoll mal-Belt. Qed inħeġġu ħafna biex jerġa’ jibda jilgħab mis-sena d-dieħla.”
F’dawn l-aħħar jiem deher fil-mezzi tal-media li fil-preżent l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Judo għaddejja minn problemi kbar ikkawżati minn ħsarat fil-bini ta’ fejn jitħarrġu l-judokas tagħna. Insib iċ-ċans ukoll biex nistaqsiha kemm problema bħal din tista’ taffetwahom fil-logħob tagħhom.
“Bħalissa għandna problemi kbar. Xi xahrejn ilu waqgħet ġebla kbira fil-bini tagħna fejn nitħarrġu. Ġiet eżatt fin-nofs tat-tapit fejn inkunu nitħarrġu normalment. Li kieku nzertajna qegħdin hemm fil-mument żgur li kien iweġġa’ xi ħadd serjament. Ftit ilu erġajna sofrejna mill-istess konsegwenza. U l-aħħar waħda kienet meta ġejna lura minn Monaco. Morna bħas-soltu biex nitħarrġu u kif ftaħna sibna l-ġebel fl-art. Il-post mhux qiegħed f’pożizzjoni diċenti.
“Aħna qed nitolbu xi ħaġa sempliċi kif wara kollox ilu jitlob il-President ta’ l-Assoċjazzjoni tagħna. Kulma rridu huwa post diċenti fejn nitħarrġu. Aħna qed inġibu l-midalji u l-unuri lejn Malta u ma nistgħux nitħarrġu b’rasna mistrieħa. Meta nqabblu lilna ma’ fejn jitħarrġu judokas barranin tara li hemm differenza kbira. U l-ikbar mistħija tkun meta jiġu l-barranin għax anqas biss għandna fejn nilqugħom.”
Quddiem problema bħal din ngħidilha x’inhu jsir biex żgħażagħ li tilgħin jibdew jinteressaw ruħhom f’dan l-isport.
“Problema bħal din żgur li ma tgħinx imma ċerta li l-problema tista’ tissolva. Imma hemm bżonn li t-tfajliet u l-ġuvintur jieħdu aktar l-isport bis-serjetà. Nisma’ ħafna tfal jgħidu li nixtieq nirbaħ midalja fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Imma kollox jiddependi mir-rieda u d-dedikazzjoni tal-persuna.
“Jien qabel il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar kienu jidkku bija. Għamilt għaxar regoli li qisthom bħala l-għaxar kmandamenti tiegħi li ridt nimxi bilfors magħhom biex nirbaħ midalja. Kont iffissajt tant li kulmeta filgħodu kont nistenbaħ, f’qalbi kont ngħid x’se nagħmel illum biex navvanza pass ieħor fil-judo.”
Bħala persuna li kważi m’għandi idea ta’ xejn ta’ sport simili, nistaqsiha x’differenza tgħaddi mill-Judo għall-Karate u l-Kung Fu li forsi huma l-aktar dixxiplini ta’ fama mondjali. B’konvinzjoni Joanna tgħidli…
“Kollha jaqgħu taħt il-kappa ta’ l-arti marzjali imma kollha differenti. Fil-judo ma tarax daqqiet fl-arja u kolpi vjolenti. Il-judo huwa biss qliba kollha teknika li oriġinat mill-Ġappun. Tibda minn meta r-referee jgħajjat il-kelma ‘hagime’ li tfisser ‘ibdew’ u ‘matte’ li tfisser ‘ieqfu’. Il-logħba tibda billi tipprova taqbad il-grip. Għandek minuta sakemm issib il-kontroll tas-sitwazzjoni. Meta tieħu l-punti massimi tissejjaħ ‘ippon’. Il-logħba taf iddum minuta u taf iddum kwarta. Hemm ukoll ‘wazare wazare’ li tfisser ftit inqas minn ‘ippon’. Tista’ tirbaħ ukoll billi tagħmel ‘koka’. ‘Yuko’ hija kelma li teżisti wkoll fil-Judo. Imma dejjem jibqa’ jiddependi ħafna minn kif referee jiġġudika l-waqgħa ta’ l-avversarju. Jista’ jkun li tkun waqqajt lill-avversarju mod u r-referee jiġġudika l-waqa mod ieħor.”
Friska mir-rebħ tal-midalja tad-deheb f’Monaco nistaqsiha jekk għaliha kienx l-isbaħ mument fil-karriera.
“Ftit tal-ġimgħat ilu ħadt sehem f’tournament f’Tolmezzo fi Trieste fl-Italja. Mort tajjeb ħafna wkoll għax spiċċajt ir-raba’ fl-ewwel kompetizzjoni internazzjonali tiegħi. Però li tirbaħ id-deheb f’dawn il-logħob hija sabiħa wisq. Bla dubju nibqa’ nqisha bħala l-ikbar ħaġa li qatt għamilt fl-isport. Fuq bażi personali l-isbaħ mument kien meta ggradwajt fil-karriera ta’ l-istudju tiegħi.”
Joanna tgħidli wkoll kemm hu post sabiħ u sinjur Monaco. Sabet il-ħin biex flimkien ma’ judokas oħra jduru ftit in-naħat li l-kontinġent Malti kien alloġjat fih. Tgħidli li sabu l-ħin ukoll biex imorru jaraw lil sħabhom il-Maltin tal-ġinnastika u l-atletika.
“Aħna rajna l-iżjed l-atletika u l-ġinnastika. Xtaqna ħafna li mmorru naraw l-għawm u xi dixxiplini oħra imma ma sibniex ħin.
“Rajt kemm hu kapaċi Jeremy Saywell fil-ġinnastika. Ċerta li se jagħmel suċċessi kbar fil-karriera tiegħu `il quddiem.
“Però bqajt impressjonata bil-kbir bil-ħeffa u l-kapaċità ta’ Charlene Attard fl-atletika. Il-mod kif bdiet taqbeż lill-avversarji fl-isprints tagħha ħalliet lil kulħadd skantat. L-Assoċjazzjoni tagħna qaltilna li jista’ jkun li fil-jiem li ġejjin ninżlu l-Marsa nitħarrġu mat-tim nazzjonali ta’ l-atletika. Ibqa’ ċert li mhux se nażżarda ntellqila. Fit-track hija kbira wisq. Ħafna u ħafna ikbar minn ħuha.”
Għall-mument ħsibt li ma kinitx taf min tiġi Charlene. Id-daħka tiġini spontanja. Tkompli…
“Serraħ rasek li qed ngħid hekk mhux għax għandi lil ħuha quddiemi.”
Nitkellmu ftit ukoll fuq id-dinja tat-televiżjoni. Nistqasiha x’sodisfazzjon kienet tagħtiha din il-linja u jekk għaliha din il-karriera ntemmitx darba għal dejjem.
“Id-dinja tat-televiżjoni kienet sodisfazzjon kbir ieħor għalija. Għamilt erba’ snin f’din fuq din il-linja. Bejn ġurnalista u preżentatriċi fl-isport u atleta hemm baħar jaqsam. Ma stajtx inkompli fiż-żewġ toroq anki għax kif taf int, ix-xogħol tat-televiżjoni joħodlok ħafna ħin u ridt niffoka b’mod serju fil-Judo. Meta ġejt magħżula man-nazzjonal kelli bilfors nagħżel ħaġa jew oħra.
“Kont nieħu gost ħafna niltaqa’ ma’ sportivi u nitkellem magħhom. Forsi llum għandi l-vantaġġ li fejn atleti oħra naf nitkellem aktar fil-media u diffiċli biex ninqabad f’xi sqaq li jħobbu jdaħħluk fih il-ġurnalisti.
“Imma opportunità oħra nerġa’ nikkunsidraha bis-serjetà. Jien qatt ma ngħid le għal xejn. Mhux eskluż li jekk fil-futur ikolli offerta oħra terġa’ tarani f’xi programm tat-televiżjoni. Ġejt avviċinata minn diversi stazzjonijiet differenti imma ma kellix ħin biex stajt ngħid ‘iva’. `Il quddiem nistgħu nerġgħu nkunu kollegi.
“Jien kont fil-media bħalek u naf biżżejjed ir-raġunijiet il-għala l-judo u sport ieħor ma jingħatawx daqshekk importanza fil-media. Nifhem li l-ewwel priorità jibqa’ l-football. Il-media rajniha biss għax wasal il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Naħseb li assoċjazzjoniet bħal tagħna ħaqqhom aktar importanza milli hawn fil-preżent.”
Fl-aħħarnett Joanna tara li kien il-mument opportun biex tirringrazzja lil dawk l-aktar għeżiez għaliha.
“Huwa l-mument opportun biex nirringrazzja lill-familja tiegħi u tar-raġel tal-paċenzja li ħadu bija. Ma nistax ninsa lil ħuti ta’ kemm żammewli lit-tifel biex stajt immur għat-taħriġ. Mingħajrhom ma kontx nasal żgur.
“Il-ħolma tiegħi fil-futur tibqa’ l-isport. Nixtieq li nara lit-tifel tiegħi jirbaħ midalja tad-deheb f’xi dixxiplina. Jien naf xi tfisser din l-emozzjoni u nixtieq lil ibni jgħaddi mill-istess esperjenza.
“Fil-futur nixtieq nibqa’ fl-isport tal-Judo, forsi bħala kowċ jew billi ngħin lill-assoċjazzjoni. Mhux importanti x’inkun qed nagħmel imma nixtieq nibqa’ konnessa b’xi mod fil-Judo.”
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt