24 ta' Ġunju 2007
Il-kawża għall-beatifikazzjoni ta’ l-Isqof Emanuel Galea
Minn Mons. Alwiġ Deguara
Viċi Postulatur
Kawża għall-Beatifikazzjoni
Fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, fil-5 ta’ Lulju 1942 il-Qaddej ta’ Alla, Mons. Emanuel Galea, kien konsagrat Isqof fil-Katidral ta’ l-Imdina.
Iċ-ċelebrazzjoni kienet mill-aktar sempliċi bil-Katidral imneżża’ minn kull tiżjin u kwadri. Kien waqt l-attakki mill-ajru li bomba kbira splodiet wara l-Katidral f’dak il-ħin.
In-nies telgħet bi ħġarha għaċ-ċelebrazzjoni; min bil-mixi, min b’xi karozza, aktar tieqaf milli timxi, kulħadd bl-aħjar mod li sab.
Il-Konsagrazzjoni tmexxiet mill-Arċisqof Mawru Caruana, nofsu marid, assistit mill-Isqof Mikiel Gonzi u mill-Arċidjaknu tal-Katidral. Wara l-quddiesa l-Isqof il-ġdid ħareġ fil-gallarija tal-Palazz biex isellem u jbierek il-folla kbira li nġabret hemm.
Il-Maltin kienu ħerqana li jkollhom isqof ġdid minħabba li l-Arċisqof Caruana kien kiber ħafna u ma kienx għadu jiflaħ. Il-Gvern Ingliż kien ilu jinsisti mal-Vatikan biex l-Arċisqof Caruana jiġi mogħti għajnuna għat-tmexxija tal-poplu Malti. Wara korrispondenza li ħadet fit-tul, l-Arċisqof Caruana ntalab il-parir tiegħu mill-Vatikan u hu mill-ewwel irrakkomanda lil Mons. Emanuel Galea bħala Awżiljarju tiegħu.
Il-Papa Piju XII kien innomina lil Mons. Galea bħala Isqof Awżiljarju għal Malta.
Għalkemm Mons. Galea ma xtaqx li jaċċetta din in-nomina għax bħala Isqof beża’ li se jkun bogħod min-nies u għaliex ma ried bl-ebda mod itellef lill-Isqof Gonzi milli jsir Arċisqof ta’ Malta wara Mons. Caruana imma għall-kelma ta’ l-Arċisqof aċċetta u ġie ordnat Isqof fil-5 ta’ Lulju 1942.
L-Arċisqof Caruana innominah mill-ewwel Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi u beda jaqdi l-ministeru tiegħu b’ħeġġa u entusjażmu ta’ żagħżugħ kbir, dejjem b’imħabba, rispett u ubbidjenza liema bħalha lejn iż-żewġ Arċisqfijiet, l-ewwel Caruana u wara Gonzi. Gonzi ikkonfermah bħala Vigarju Ġenerali ftit ġranet wara li sar Arċisqof ta’ Malta.
Waqt li fid-Djoċesi kollha qed isir talb għall-għarfien uffiċjali ta’ Mons. Galea bħala Beatu u Qaddis, xieraq li nfakkru din il-ġurnata b’aktar talb lil Alla.
Il-Kappillan tal-Mellieħa, il-Parroċċa dedikata lill-Bambina, l-għaxqa ta’ qalb tal-Qaddej ta’ Alla, laqa’ bil-ferħa li din il-kommemorazzjoni ssir fil-parroċċa tiegħu.
Għalhekk, fil-ġranet mill-5 ta’ Lulju sas-Sibt, 7 ta’ Lulju, se jsir talb biex Alla jigglorifika hawn fuq l-art il-Qaddej ta’ Alla l-Isqof Emanuel Galea u s-Sibt, 7 ta’ Lulju, fil-Quddies tal-5.00pm u tas-6.30pm issir it-tifkira ta’ din il-ġurnata għażiża għal Malta kollha.
Kulħadd hu mistieden bil-qalb kollha biex jingħaqad fit-talb u fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fil-Parroċċa tal-Mellieħa.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt