Biex insalvaw it-turiżmu min-nawfraġju li qed isofri madwar il-pajjiż kollu kemm hu, u b’mod partikolari fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, irridu nindirizzaw il-problemi li tqajmu mill-World Economic Forum dwar kif jikkompetu fit-turiżmu 124 pajjiż differenti.
Ir-rapport jgħid li qed naqgħu lura għax m’aħniex nieħdu ħsieb tajjeb ir-riżorsi naturali, kulturali u storiċi tagħna; m’aħniex inkunu effettivi fil-marketing u l-branding; m’aħniex aċċessibbli biżżejjed bl-ajru u m’aħniex kompetittivi fil-prezz. Gvern Laburista se jindirizza dawn il-problemi bħala Gvern sħiħ.
Se jkun impenjat li jrażżan l-għoli tal-ħajja u jtejjeb il-vijabbiltà ta’ l-operaturi turistiċi billi jnaqqas bin-nofs is-soprataxxa fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Gvern Laburista se jara li t-taxxi u l-ħlasijiet l-oħra li jimponi fuq is-settur turistiku kollu jkunu jikkompetu ma’ taxxi u ħlasijiet li għandhom setturi turistiċi f’pajjiżi oħra.
Jirrevedi r-regoli li jolqtu lis-setturi kollha tat-turiżmu u jfassalhom b’mod ġdid biex jiżgura li dawn ma jpoġġux lil pajjiżna fi żvantaġġ fil-kompetizzjoni ma’ pajjiżi oħra.
Gvern Laburista jaħtar task force immexxija mill-Prim Ministru li jkollha fiha l-ministri kkonċernati, imprendituri u rappreżentanti ta’ l-imsieħba soċjali biex ifasslu u jwettqu business plan partikulari għall-inħawi li jkollu l-mira ċara li joħloq il-kundizzjonijiet favorevoli biex l-ekonomija turistika lokali tingħata bidu ġdid.
Il-prioritajiet ewlenin tal-Gvern Laburista f’dawn l-inħawi se jkun il-ħatra ta’ Tourism Zone Management Committee b’poter eżekuttiv biex jieħu ħsieb it-tmexxija tal-manutenzjoni, żamma ta’ indafa pubblika u ġbir ta’ skart, ħarsien u żvilupp tal-faċilitajiet pubbliċi fl-inħawi fosthom sistema ta’ tagħrif għall-użu tat-turisti u sinjali ta’ direzzjonijiet fit-toroq.
L-Uffiċċju ta’ dan il-kumitat iservi wkoll ta’ one-stop-shop għall-bżonnijiet amministrattivi ta’ l-operaturi turistiċi ta’ l-inħawi. Il-kumitat jaħdem b’kordinazzjoni mal-kunsill lokali biex jinżamm bilanċ għall-ġid tar-residenti fl-użu ta’ l-ispazji pubbliċi u tal-kosta
Gvern Laburista jfassal u jinforza regolamenti serji biex ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ma jħarbatx il-ħajja tat-turisti u tar-residenti u l-attività kummerċjali taż-żona. Sidien ta’ lukandi qodma eżistenti jingħataw inċentiv fiskali biex iwaqqgħuhom u jerġgħu jibnuhom f’lukandi ġodda waqt li jkunu identifikati spazji ta’ art pubblika li fadal fl-inħawi u jingħataw b’kundizzjonijiet inkoraġġanti lill-imprendituri biex fuqhom jinbnew fuqhom lukandi u proġetti turistiċi ġodda.
Jingħataw inċentivi fiskali lil dawk kollha li jinvestu f’dawn l-inħawi biex itejbu l-kwalità ta’ faċilitajiet eżistenti u li jinvestu f’servizzi u fi prodotti ġodda li jżidu d-diversità ta’ faċilitajiet eżistenti u jagħmlu użu immaġinattiv tar-riżorsi naturali, kulturali u storiċi lokali.
Tinħoloq skema biex tagħmilha attraenti għal sidien ta’ appartamenti vojta biex jgħammruhom f’akkomodazzjoni self-catering għat-turisti. Issir kampanja qawwija fil-pajjiżi ta’ l-Ewropa ta’ Fuq biex l-anzjani f’dawk il-pajjiżi kiesħa jitħajru jqattgħu x-xitwa f’dawn l-inħawi.
Tinħoloq skema bi sħab bejn il-Gvern u s-settur privat biex anzjani Maltin jitħajru jqattgħu perjodu fix-xitwa fil-lukandi fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra.
Jingħataw inċentivi fiskali biex isir investiment ġdid f’użu aħjar tal-kosta u l-baħar ta’ l-inħawi b’iżjed bajjiet bir-ramel, bini ta’ yacht marina fuq kriterji ambjentali ‘Blue Flag’ u lqugħ ieħor għal faċilitajiet għal sports bħall-ibburdjar. Titjieb ukoll l-aċċessibbiltà għall-għaddasa biex jaslu sal-baħar, l-għarqa ta’ iżjed vapuri bħala attrazzjoni għall-għaddasa f’żoni fejn ma jistax isir sajd u l-irziezet tal-ħut jittieħdu mill-inqas 1.5km ’il barra mill-kosta.
Bi sħab bejn il-Gvern u l-privat jinbena car park kbir fil-qalba ta’ Buġibba u għadd ta’ car parks f’postijiet differenti filwaqt li jkunu nkoraġġiti skemi park and ride u jinħolqu żoni pedonali ġodda.
Jinbena terminal ġdid għall-karozzi tal-linja u jittieħdu passi biex titjieb is-sistema tat-trasport pubbliku.
Isir branding ġdid taż-żona bl-identità tinbena fuq id-diversità li toffri din id-destinazzjoni bħat-tradizzjoni tan-nawfraġju ta’ San Pawl, il-wirt naturali, storiku u kulturali u l-oqsma tas-sajd u l-agrikultura.
Isiru wkoll programmi ta’ taħriġ għall-ħaddiema f’kull livell tas-setturi turistiċi ta’ l-inħawi.
Madwar id-dinja kollha hemm ħafna każi ta’ kif destinazzjonijiet li mmaturaw, qdiemu u bdew sejrin lura rnexxielhom idawru l-kriżi f’opportunità biex jirriġeneraw irwieħhom.
B’viżjoni ċara, b’ippjanar serju, b’kollaborazzjoni bejn kulħadd u b’determinazzjoni qawwija hu possibbli wkoll li nagħtu bidu ġdid lil Buġibba, il-Qawra, San Pawl il-Baħar u x-Xemxija.
Evarist Bartolo hu l-Kelliem Ewlieni Laburista għat-Turiżmu
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt